Qegħdin f’boom ekonomiku?


Huwa fatt li l-ekonomija ta’ pajjiżna għaddejja minn żminijiet sbieħ. Żminijiet bla preċedent. Żminijiet li l-effetti tagħhom huma tanġibbli. Tarahom. Tħosshom. Tgħixhom. Il-flus fi bwiet in-nies jinħassu għalkemm ma jfissirx li m’hemmx min li għadu ma intlaħaqx daqskemm mistenni minn dawn iż-żminijiet tajbin.

Żminijiet li qegħdin iwasslu għal mistoqsija li ssirli spiss u  li mill-mod kif issirli l-mistoqsija nnifisha iġġorr tweġiba immedjata. Jistaqsuni hekk: bħalissa l-ekonomija għaddejja minn boom hux hekk? Il-kelmiet ‘hux hekk’ huma stess jirriflettu tweġiba pożittiva.

 

Suppost li fl-ekonomija l-kelma boom nafu x’inhi. It-tweġiba għall-mistoqsija jekk hux għaddejjin minn boom hija iva jew le. Imma fil-verità mhux faċli twieġeb iva jew le u tħalliha hekk, waħedha. Mal-boom hemm l-implikazzjoni tagħha. Meta tkun qed issir dikjarazzjoni jew mistoqsija bħal din, min ikun qed jagħmilha jkun qed jimplika xiħaġa.

Ikun qed jimplika li dan huwa ċiklu. Tagħmel sena, sentejn u tispiċċa ttir mar-riħ. Dan peress li ċ-ċiklu għandu l-fuq tiegħu u għandu t-taħt tiegħu. Tiela’ u nieżel, dejjem hekk sejjer.

Mela meta inti tgħid li qegħdin f’boom tkun qed tfisser li qegħdin fil-quċċata taċ-ċiklu. Ċiklu li min-natura tiegħu se jinżel. Mhix kwistjoni ta’ jekk jinżilx imma ta’ meta se jinżel.

Boom hija terminu bażiku. L-oppost ta’ riċessjoni. F’riċessjoni naraw waqgħa fil-prezzijiet. Naraw qgħad kbir. Xogħol xejn. Kulħadd jittewweb u jistenna għal xi biċċa xogħol. Fi żmien ta’ boom jiġri l-oppost. Ir-rota tkun għaddejja bil-qawwi. Il-qgħad ikun baxx u x-xogħol dejjem jiżdied. Imma trid tkompli l-istorja kollha. Fl-ekonomija boom tfisser ukoll prezzijiet għoljin. Wieħed jgħolli fuq l-ieħor bl-inflazzjoni tispara ‘l fuq ħafna.

Fil-każ tagħna m’aħniex f’tali sitwazzjoni. L-inflazzjoni ta’ 1% , l-aktar ta’ 1.2% mhix inflazzjoni. Inflazzjoni nafuha  ħamsa fil-mija, sebgħa fil-mija, għaxra fil-mija u anke esperjenzajna 15%. Pajjiżi oħrajn kellhom inflazzjoni aktar minn hekk ukoll.

Dan, bir-raġun iwaslek biex tistaqsi li la darba m’hemmx dik l-inflazzjoni qawwija, qegħdin f’boom jew le? Sitwazzjoni ta’ boom tkun ukoll dik fejn l-ekonomija ma tistax tikber iżjed għax m’hemmx riżorsi iżjed. La jkollok aktar nies u lanqas aktar kapital x’tuża biex tkabbar l-ekonomija. Jiġifieri jkun hemm il-brejkijiet. Dan na japplikax fil-każ tagħna. Ma japplikax għall-fatt li għandna parti mill-popolazzjoni li għadha, u tista’ terġa’ tiġi inċentivata biex tipparteċipa.

Ma’ dan trid iżżid ukoll il-fatt li hemm għadd sostanzjali ħafna ta’ nies, ħaddiema barranin, li ġejjin mhux biss minn pajjiżi Ewropej imma anke aktar ‘il bogħod, li qegħdin jipparteċipaw fil-labour force tagħna. Dan iwassal biex ma jkunx hemm inflazzjoni fil-pagi u s-salarji.

Allura huwa minnu li l-ekonomija tagħna hija b’saħħitha, hija qawwija. Iżda ma hix boom fis-sens strett tagħha. L-ekonomija qegħda f’livell għoli imma mhux fis-sitwazzjoni li terġa’ tibda nieżla. L-ekonomija tagħna fadlilha ħafna fejn tikber, dejjem jekk ir-riżorsi qegħdin hemm biex jiġu utilizzati.

Mistoqsija oħra li ssirlek u li magħha ġġorr implikazzjoni, hija “imma dan is-suċċess huwa għal żmien qasir?”, jiġifieri hemm miegħu r-riskju li llum hawn u għada mhux?

Xejn m’hu żgur fil-ħajja, f’kull ħaġa tagħha, u dan japplika wkoll għall-ekonomija. Iżda fl-ekonomija għandek riskji li jissejħu riskji bilanċjati. Hemm riskji negattivi u riskji pożittivi ħafna u allura jibbilanċjaw lilhom infushom. Dan jagħmillek il-kuraġġ biex tkompli miexi.

Li qiegħed jiġri huwa li meta inti tikber b’rata li m’intix imdorri biha jibdew jidħlu ċerti biżgħat. Bħal meta wieħed jitla’ fil-għoli meta fl-istess ħin jibża’ mill-għoli. L-istess fl-ekonomija, issib min jibda jgħidlek li s-sitwazzjoni li qegħdin fiha tkun qisha ħolma li malli tqum ma ssibhiex. Li tistenna li wara l-kantuniera hemm il-periklu m’hu xejn għajr biża mill-fatt li kbirna  b’tali mod li qegħdin nikkomparaw tajjeb ma’ pajjiżi kbar fl-Unjoni Ewropea. Qegħdin nesperjenzaw tkabbir ekonomiku bla preċedent u jista’ jkun li m’aħniex komdi miegħu.

Inħobb ħafna nuża l-eżempju tal-bżonn ta’ libsa ġdida għal persuna li żviluppat b’ritmu mgħaġġel, bil-konsegwenza li l-libsa li kienet tilbes ilbieraħ m’għadhiex toqgħodilha  sewwa fuqha jew addirittura ma tiġihiex. Saret żgħira għaliha. Id-drapp li rridu għal-libsa li issa għandna bżonn huwa rifless fl-infrastruttura li neħtieġu għall-bżonnijiet tal-lum u għada. Infrastruttura ma tfissirx biss toroq. Tfisser ukoll aktar żviluppi teknoloġiċi fil-qasam tal-komunikazzjoni. Tfisser ukoll żviluppi urġenti fil-mod kif se nimmaniġġjaw l-iskart li qiegħed dejjem jiżdied kawża tal-progress li qegħdin nesperjenzaw fil-ħajja ta’ kuljum. Tfisser ukoll il-mod fenomenali li bih kiber it-traffiku f’pajjiżna u kif se niffaċċjaw din il-problema.

Dawn huma kollha sfidi li jistgħu joħolqu riskji għar-ritmu fit-tkabbir tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Sfidi li l-Gvern mhux talli huwa konxju minnhom, talli qiegħed u se jkompli jindirizzahom biex ir-ritmu ta’ progress li l-istess Gvern stimula bil-politika tiegħu jżommu għaddej. Hekk jitlob l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi. U dan hu l-impenn tal-Gvern li fuqu qed jaħdem b’determinazzjoni, b’kuraġġ u b’konvinzjoni.

 

Il-Ġimgħa, 15 ta’ Settembru 2017

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *