Qed isir studju… – Edward Scicluna – Ministru għall-Finanzi


Spiss fl-aħbarijiet nisimgħu bil-kelma ‘studju’: “Sar studju fuq dak il-proġett jew dwar dik il-miżura…”. Hemm min jemmen bis-sħiħ li kwalunkwe ħaġa li ssir, jekk irridu li tkun bis-serjetà, irid isir studju dwarha qabel ma titwettaq. Hemm, iżda, min jibża’ minn dawn l-istudji għax jarahom ħela ta’ żmien, jew mod kif wieħed iħalli għal għada dak li jista’ jsir illum – bil-biża’ li wieħed jispiċċa jibqa’ jistudja u jistħarreġ u l-proġett jibqa’ ma jsir qatt.

 

Il-Gvern ikollu bżonn ta’ informazzjoni biex id-deċiżjonijiet li jieħu ma jkunux fil-għama.

 

Ftit jew wisq, jekk biċċa xogħol trid tagħmilha tabilħaqq bir-reqqa, trid l-ewwel tistudjaha. Pereżempju, huwa fl-interess ta’ dak l-istudent li jkun se jibda jwieġeb karta tal-eżami li jagħmel għall-inqas ftit minuti jistudja l-mistoqsijiet biex jara liema jaqbillu jagħżel minnhom u kif l-aħjar li jirrispondihom. Anki sprejer ta’ karozza jrid jagħmel ftit ħin jistudja ftit x’żebgħa jrid jagħti u fejn irid jgħatti bit-tejp qabel ma jibda. Hawn min jgħid li tliet kwarti tar-riżultat jiġi mill-preparazzjoni u kwart biss mix-xogħol li wieħed jaħseb li huwa daqshekk faċli li jsir.

 

orizzont thumbnail

 

Anki l-Gvern, meta jkun se jagħmel xi proġett jew inkella jintroduċi xi miżura, irid l-ewwel jistudjaha. Nieħdu, bħala eżempju, miżura ġdida li nkunu nixtiequ nieħdu favur il-pensjonanti. L-ewwel ma wieħed irid jistaqsi huma mistoqsijiet bħal: Min huma l-pensjonanti? Kemm hawn pensjonanti f’pajjiżna? Ma tistax titkellem fuq miżura jekk ma jkollokx il-figuri dwar lil min tkun se tolqot. F’dan il-każ nafu li, bejn wieħed u ieħor, f’pajjiżna hawn 60,000 pensjonant. Issa hawn min jgħid li bosta pensjonanti qed jgħixu fi stat ta’ faqar jew fir-riskju tal-faqar. Biex wieħed jara kemm hu minnu dan, irid jara dawn is-60,000 ruħ fejn joqogħdu, x’pensjoni qegħdin jaqilgħu, jekk għandhomx proprjetà, jekk għandhomx flus il-bank, jew jekk humiex miġburin f’xi dar tal-anzjani. Kull sitwazzjoni tirrikjedi miżuri differenti u għalhekk irid isir l-istudju neċessarju f’kull każ.

Jekk nitkellmu fuq proġett, speċjalment jekk jista’ jkollu impatt ambjentali, isir studju iktar elaborat: dak li ngħidulu Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (Enviromental Impact Assessment – fil-qosor, EIA). Fih naraw l-ambjent tal-lum kif ikun se jiġi affettwat minn xi żvilupp li jkun ippjanat li jsir fih jew qribu. Irridu naraw ukoll xi pjan ta’ kontinġenza jkun jista’ jsir biex wieħed ipatti għal dak l-impatt. Biex pajjiż ikompli jiżviluppa jrid jidħol għal ċerti proġetti, u kull proġett bilfors li se jkollu xi impatt jew ieħor. Għalhekk, wieħed għandu jistudja l-effett mistenni ta’ proġett mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali.

Quddiem din ir-realtà, xorta jibqa’ min hu kontra l-istudji, u jkollhom ir-raġunijiet tagħhom. Ikun hemm każijiet, speċjalment fiċ-ċivil, meta l-burokrazija taħdem b’mod li meta wieħed ma jkunx irid jieħu deċiżjoni jgħid, “Ejjew nagħmlu studju”. F’każijiet hekk l-istudju jkun mezz biex dak li jkun jipposponi t-teħid ta’ deċiżjoni aktar milli għax wieħed verament ikun irid ikun jaf minn qabel l-impatt probabbli ta’ deċiżjoni. Ħafna drabi jsiru studji elaborati li jiswew l-eluf ta’ ewro. Hawn kumpaniji li jagħmluhom biex jitpoġġew fuq l-ixkaffa – min ikun ordnahom lanqas ikun japprezza jew jifhem biżżejjed biex ikun jista’ jinterpretahom. X’inhi l-użu ta’ studju elaborat jekk min ikun ikkummissjonah ma jkunx kapaċi jużah biex jieħu deċiżjoni fuqu? M’hemm l-ebda dubju li spiss isiru ħafna studji, u kumitati fuq kumitati, u laqgħat kontra laqgħat, li kulma jagħmlu jkun li jtawlu ż-żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni. Le, f’dak il-każ l-istudju ma jagħmilx ġid imma jkun qiegħed hemm biex idewwem deċiżjonijiet importanti milli jittieħdu.

Iżda fil-prinċipju l-istudji huma importanti, anki għall-Gvern. Il-Gvern ikollu bżonn ta’ informazzjoni biex id-deċiżjonijiet li jieħu ma jkunux fil-għama. Kultant din l-informazzjoni tintalab mingħand in-nies tan-negozju jew oħrajn. Huwa minnu li dak li jkun mhux dejjem jieħu gost li jrid bil-paċenzja kollha jipprovdi l-informazzjoni mitluba, iżda tajjeb li wieħed jifhem li dan il-proċess huwa kruċjali għall-Gvern biex ikollu stampa ċara meta jiġi biex idaħħal xi miżura ġdida – bħalma se nagħmlu ħafna fl-Baġit li ġej. Hekk, id-deċiżjoni tal-Gvern tkun ibbażata fuq informazzjoni preċiża u jkollha l-effett mixtieq.

 

 

Artiklu għal L-Orizzont – l-4 ta’ Settembru 2015

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *