Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest Articles, Maltese Articles


Prudenza

Qiegħed nikteb dan l-artiklu waqt li, bħal kulħadd, għadni taħt xokk qawwi wara dak li seħħ nhar it-Tnejn li għadda. Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa kundannabbli mingħajr ebda riserva. Hija ġrajja traġika, riżultat ta’ att kriminali goff, li dwaru kulħadd għandu, u jmissu, jitkellem bi prudenza. B’kawtela u b’attenzjoni kbira, biex għada pitgħada ma jkunx hemm lok għal dispjaċir għal dak li jkun ingħad qabel. Biex ma jkunx hemm riperkussjonijiet ħżiena. Aktar u aktar meta għajnejn il-barranin qegħdin fuqna.

Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa kundannabbli mingħajr ebda riserva; ġrajja traġika, riżultat ta’ att kriminali goff, li dwaru kulħadd għandu, u jmissu, jitkellem bi prudenza, b’kawtela u b’attenzjoni kbira.

 

F’għajnejn il-barranin aħna pajjiż wieħed. Poplu wieħed. Li jew inkunu stmati ħafna, jew inqas stmati jew addirittura ma nkunu stmati xejn. Huwa importanti bħala pajjiż li jifforma parti minn soċjetà globali, li nkunu kburin bl-istorja tagħna. Kburin b’dak li qegħdin nagħmlu. Kburin b’dak li qegħdin nilħqu. Kburin ukoll b’dak li qegħdin naspiraw li nkomplu nilħqu aktar ‘il quddiem.

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa ġejt lura minn Washington, fejn akkumpanjat mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Dr Mario Vella, attendejt għal avvenimenti dinjin tal-Fond Monitarju Internazzjonali u tal-Bank Dinji. Avvenimenti ta’ importanza kbira li jlaqqgħuk personalment ma’ awtoritajiet mid-dinja finanzjarja kollha. Magħhom taqsam l-esperjenzi tiegħek. Tkun f’pożizzjoni li tista’ tikkompara l-affarijiet. Anke jekk qed titkellem ma’ pajjiżi ferm u ferm akbar minna.

Tħossok sodisfatt tisma’ lil min jagħti importanza lil dak li tkun qed tgħid għax ikunu diġà vvalutaw dak li rnexxielna nagħmlu bħala pajjiż minkejja ċ-ċokon tiegħu u minkejja n-nuqqas ta’ riżorsi. Tħossok sodisfatt tinnota li tkun qed tiġi mistoqsi dwar kif irnexxielna nagħmlu t-tali ħaġa jew l-oħra. Bħal donnhom ma jippretendux li naslu fejn wasalna. Li qlibna l-folja f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir.

Kien ta’ sodisfazzjon tiltaqa’ mal-Under Secretary tat-Teżor Amerikan u tisimgħu jesprimi l-opinjoni tajba tiegħu dwarna. Tiddiskuti miegħu kwistjonijiet oħrajn li qegħdin jolqtu r-reġjun tagħna u kwistjonijiet finanzjarji dwar banek li jikkondividu magħna. L-istess fir-rigward ta’ laqgħat mal-Ministri għall-Finanzi tal-Lussemburgu, l-Irlanda, l-Italja u l-Ingilterra.

Delegazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali dalwaqt iżżur Malta u għalhekk kien importanti li tiltaqa’ magħhom u titkellem b’mod miftuħ dwar il-baġit li għadna kemm ressaqna għas-sena 2018. Titkellem magħhom dwar fejn jinsab pajjiżna llum u fejn għandu f’moħħu li jasal.

L-istess fejn jirrigwarda laqgħat ma’ delegazzjonijiet minn entitajiet internazzjonali magħrufa bħala Rating Agencies, u li se jkunu qegħdin jevalvaw lil Malta dwar is-sistema finanzjarja tagħna. Ikunu jridu jaraw li f’pajjiżna ma jkunx hawn affarijiet li jistgħu joħolqu instabilità.

Importanti li tkun preżenti f’Washington, li tisma’ direttament, li titkellem wiċċ imb’wiċċ u mhux toqgħod fuq dak li tisma’ jew taqra. Nafu aktar minn biżżejjed li mhux dak kollu li tisma’ u taqra jkun jirrifletti l-verità. Nafu li f’dak li nisimgħu u naqraw ikun hemm minn kollox. Ikun hemm verità. Ikun hemm partijiet veritieri u oħrajn le. Ikun hemm partijiet kompletament ivvintati u oħrajn sempliċiment diċeriji. Ikun hemm ukoll dawk li issa qegħdin ikunu referuti bħala ‘fake news’, aħbarijiet kompletament foloz.

Fl-isfond ta’ dak li seħħ nhar it-Tnejn li għadda kulħadd għandu jifhem li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna tiġi qabel kollox u għalhekk huwa importanti li nfittxu l-verità. Huwa għalhekk li f’dan l-istadju, meta l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, m’għandhomx ikunu ppuntati swaba lejn xulxin. Attitudni bħal din tkun tirrifletti nuqqas ta’ maturità li lill-pajjiż tagħmillu biss ħsara.

L-enerġija tagħna kollha għandha tkun immirata biex toħroġ il-verità dwar dan il-każ li xxokkja lil kulħadd. Li tinstab il-verità huwa importanti għal kulħadd. Importanti għall-Gvern, importanti għall-Oppożizzjoni u finalment importanti għall-pajjiż.

Ebda Malti u Għawdxi m’għandu jikkonsidra x’jista’ jiggwadanja hu għad-detriment ta’ ħaddieħor f’pajjiżna u jinjora l-ħsara li jista’ jkun qed jagħmel lil pajjiżna ma’ pajjiżi oħrajn.

Il-ġlieda kontra l-forzi negattivi, kontra l-forzi kriminali għandna niġġielduha bħala poplu magħqud, bħala poplu wieħed għax jekk finalment issir ħsara lill-pajjiż il-ħsara tkun qegħda ssir lill-poplu kollu.

Il-Ġimgħa, 20 ta’ Ottubru 2017


Ask Edward