Prosperita b’Ġustizja Soċjali


Prosperita b’Ġustizja Soċjali

Il-ġimgħa l-oħra nedejna d-dokument ta’ qabel il-budġet bit-titlu ta’ Prosperita b’Ġustizja Soċjali. Dan id-dokument jagħti togħma tal-viżjoni tal-gvern, kif ukoll jittratta suġġet partikolari. Għal din is-sena intgħażel is-suġġett ta’ kif l-edukazzjoni tista’ tgħin biex jitnaqqas il-faqar fil-pajjiż. Ikun hawn min jaħseb li d-dokument ta’ qabel il-budget ikun fih il-budget innifsu, iżda dan m’huwiex minnu. Ħalli nkun ċar, dan id-dokument ma fihx il-budġet għaliex dak ma huwiex l-għan tiegħu. Id-dokument ta’ qabel il-budget għandu l-għan li jagħti rendikont tal-qagħda tal-ekonomija, minn xiex għaddiet u fejn mistennija tmur fil- futur. Barra minn hekk id-dokument iservi ta’ bażi għall-konsultazzjoni bejn il-gvern u l-pubbliku.

 

ori_19

 

Dan il-gvern jagħti importanza kbira lill-proċess ta’ konsultazzjoni, proċess li l-gvern jieħdu bis-serjetà u mhux taparsi jikkonsulta għal għajn in-nies imbagħad jagħmel fattieh. Aħna qed nikkonsultaw man-nies u qed nisimgħuhom sabiex nieħdu in konsiderazzjoni l-fehma tal-imsieħba soċjali u tal-pubbliku waqt li nkunu qed infasslu l-ħidma tal-gvern. Għax dan huwa gvern li jemmen li irriżultati tiegħu ikunu iktar effikaċi jekk jisma’. Jekk qatt kellna bżonn prova ta’ dan, nistgħu niftakru fil-programm elettorali ta’ dan il-gvern. Dan il-programm, jew kif kemm il-darba sejjaħnielu, road map, huwa pjan li qed jirnexxi għax ġie mfassal skont ir-rieda tal-poplu, għax il-konsultazzjoni mal-poplu kienet il-bażi fuq xiex ġie msawwar. Dak iż-żmien smajna lil kull sezzjoni tas-soċjetà Maltija, kemm fis-settur privat, kif ukoll dak pubbliku, lill-familji, l-għaqdiet, il-penzjonanti u bosta oħra.

L-importanza tad-dokument ta’ qabel il-budget huwa propju l-fatt li jqanqal diskussjoni. Għalhekk l-ewwel lagħqa importanti fil-kalendarju tal-gvern qabel il-budġet huija propju l-laqgħa mal-imsieħba soċjali tiegħu fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Matul din il-laqgħa, li saret lejliet it-tnedija tad-dokument ta’ qabel il-budget, sew il-unions kif ukoll min iħaddem taw il-fehmiet tagħhom dwar kif jaraw l-ekonomija u fejn huma il-perikli li rridu nħejju għalihom għall-futur.

 

orizzont thumbnail

 

Il-pass li jmiss huwa li jkollna tlett laqgħat importanti, tnejn f’Malta u waħda f’Għawdex, bl-iskop li nisimgħu il-fehma tan-nies u l-familji mill-ibliet u rħula ta’ Malta u Għawdex. Inħoss li fil-passat konna inħallu dan il-proċess wisq għall-aħħar u wisq qrib il-budġet u allura l-għaqdiet, speċjalment il-korpi kostitwiti kienu jiġu b’shopping list. Illum dawn tagħllmu, u minflok dawn il-listi, qed iħejju dokumenti mirqumin, magħmula bil-ħsieb u li jkunu mfassla skont raġunamenti li jriegħġu sabiex jinkuraġġixxu lill- gvern jaddotta l-ideat tajbin. Huwa fl-interes tal-gvern illi jara li n-nies jintlaqtu b’mod pożittivi minn ideat tajbin li jwasslu għat-tkabbir tal-ekonomija, u kif jiżdiedu l-profitti għall-intrapriżi.

Allura aħna naprezzaw kull tip ta’ suġġerimenti, jiġux permezz ta’ ittri, jew bil-fomm, jew permezz tad-diskusjonijiet fuq it-televiżjonijiet. Dawn aħna niġbruhom u nixtarruhom sabiex naraw kif jistgħu jkomplu jikkumplimentaw il-ħsieb u l-viżjoni tagħna. Aħna nemmnu bis-sħiħ fil-kunċett ta’ Prosperità b’Ġustizzja Soċjali, u għalhekk użajna din il-frażi bħala titlu tad-dokument ta’ qabel il-budget. Irridu insostnu l-ekonomija biex inżommu r-rata qawwija ta’ tkabbir li hija daqstant ta’ ġid għall-pajjiż. Però, fl-istess ħin sa naħsbu f’kulħadd, għax irridu nagħtu prova u nuru b’mod konkret fil-budget li ġej li rridu li kulħadd igawdi mill-ħid li qed jinħoloq.

Id-dokument ta’ qabel il-budget ippreżentajnieh fil-jiem ta’ qabel Santa Marija li huma assoċċjati mal-vaganzi u l-mistrieħ. Nisperaw li f’dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni d-dokument iqanqal diskussjoni tajba sabiex f’Settembru ntellgħu il-laqgħat ta’ konsultazzjoni u nżidu r-ritmu fil-proċess li għandu jwassalna għal nofs Ottubru meta nippreżentaw il-bduget għall-2017.

 

Il-Ġimgħa 19 ta’ Awwissu 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *