Politika li tisfratta (disruptive politics)


Kull bidla ta’ gvern, u hawn qed nirreferi għal meta il-partit li jibda jigverna jkun partit differenti minn dak li kien jigverna qabel, bilforsli jwassal għal tibdil fil-mod tat-tmexxija. Wieħed irid ifakkar li din il-bidla tkun ġiet determinata mill-elettorat. Ikun l-elettorat li ried din il-bidla u kien l-istess elettorat li jkun ivvota f’din id-direzzjoni skont il-manifest elettorali fejn ikunu ġew elenkati dawk il-miżuri, jew biex insejħulhom b’lingwaġġ populista, wegħdiet,  li kull wieħed mill-partiti politiċi li jkunu ħarġu għall-elezzjoni, ikunu ipproponew lill-elettorat.

Meta l-ideoloġija jew it-twemmin tal-partit li jkun tilef l-elezzjoni u ta’ dak li jkun rebaħ l-elezzjoni, tkun opposta, il-bidla tkun ferm ikbar. Dan iseħħ fiċ-ċirkustanza meta it-twemmin taż-żewġ partiti ikun wieħed lemini filwaqt li l-partit l-ieħor ikun partit xellugi. F’xenarju bħal dan, pajjiż imur minn naħa għall-oħra tal-ispettru politiku.

Kull partit għandu l-ideoloġija tiegħu li tista’ tkun ixxaqleb lejn in-negozjant jew favur il-ħaddiem; partit ikun ambjentalista u ieħor ikun favur l-espansjoni tal-industrija akkost ta’ kollox.  Dan hu n-normal. Din il-mod ta’ politika ilha teżisti u dejjem wasslet għal bidliet raġonevoli. Pero’ ikun hemm ċirkustanzi fejn partit ikun irid akkost ta’ kollox jikseb il-poter u sabiex jintlaħaq dan l-għan, iwiegħed li kif ikun fil-gvern, ser ikun qed jaqleb il-pajjiż ta’ taħt fuq. Fil-triq li twassal il-partit jilħaq dan it-tragward, il-partit jibda jħaddan politika, dik li bl-Ingliż ngħidulha “disruptive politics”, politika li twassal biex tisfratta kull inizjattiva li tkun saret mill-partit li kien qed jigverna qabel. Politika li żgur ma nistgħux insejħulha konvenzjonali. Dan iwassal li mhux biss wieħed ibiddel ir-rotta f’dak li hija politika idejoloġika, imma saħansitra, jiġu injorati trattati li jkunu ġew iffirmati ma’ pajjiżi oħra u ma jiġux onorati u osservati regoli internazzjonali.

Din mhix fantasija imma wieħed qed jara xejra ta’ din l-attitudni minn dawk il-partiti hekk imsejħa populisti, b’eċċezzjoni ta’ xi wħud minn dawn il-partiti. L-għeruq ta’ din is-sitwazzjoni ġejja mill-fatt li dawn il-partiti ikunu fasslu il-manifest elettorali tagħhom fuq dawk is-sitwazzjonijiet ta’ rabja għal kawżi li jkunu xebbgħu lill-elettorat. Hemm bosta pajjiżi fejn l-elettorat huwa mdejjaq u mxebba’ li jara lil pajjiżu jibqa’ lura minn tkabbir ekonomiku li jwassal għal prosperitaˋ u ħolqien tax-xogħol. Minflok, il-poplu ta’ dawn il-pajjiżi, qed jiffaċċja qgħad; aktar nies li jaqgħu fiċ-ċirku tal-faqar; tiżdiet il-kriminalitaˋ u jkun hemm benna ta’ nies li jidħlu f’għaqdiet terroristiċi, u hemm ukoll l-effett ta’ immigrazzjoni bla rażan.

Meta din is-sitwazzjoni tkun ilha tirrenja għal għexieren ta’ snin, wieħed ma jagħtix tort li l-poplu jkun imxebba’ u irrabbjat. U f’ċirkustanzi bħal dawn, il-poplu ikun irid jisma’ lil xi ħadd jgħidlu li jekk ikun jigverna hu, dawn il-problemi kollha josfru mil-lejl għan-nhar. Dawn il-partiti populisti isibuha facli jisfruttaw it-tbatija tal-poplu.

Biex nispjega aħjar il-politika distruttiva li semmejt hawn fuq, irrid inġib eżempju aktar tanġibbli u li jħaddan l-istess prinċipju, dak ta’ “disruptive technology”. Ser nieħu spunt minn meżż ta’ trasport. Meta tkun trid tmur xi post ieħor u malajr, wieħed jagħżel li jmur għas-servizz tat-taxi. Kien għalhekk li kellek numru ta’ individwi  ġabu liċenzja biex jagħmluha ta’ xufiera tat-taxi u bdew joffru dan is-servizz li tiegħu jitħallsu bi flus kontanti.

Riċentament, kien hemm individwu li ħareġ bl-idea, li kull minn għandu karozza tiegħu, u lest li jwassal lil xi ħadd minn post għal ieħor, jirreġistra ma’ dan l-individwu. Bl-użu ta’ applikazzjoni minn fuq il-mobile, dan l-individwu ħoloq sistema fejn individwu li jkollu bżonn juża karozza biex imur post ieħor, jidħol fl-applikazzjoni tal-mobile li ħoloq dan l-individwu, u jkun jaf l-iktar karozza privata viċin tiegħu li tista’ twaslu fil-post li jrid hu. Meta jibbukkja, jħallas il-vjaġġ minn fuq il-mobile u l-individwu li juża l-karozza tiegħu, jitħallas minn dan l-individwu li ivvinta din is-sistema. Qed nirreferi għal-Uber. Din wasslet biex naqas ħafna il-prezz li kienu jiċċarġjaw it-taxis tradizzjonali. Dan hu eżempju wieħed ta’ desruptive technology. Tant hija innovattiva u effettiva, li dan il-mezz ta’ trasport ħasad lil kulħadd saħansitra anke lir-regolatur li ma kienx jaf kif ser jaqbad jirregola dan il-mezz ġdid ta’ trasport.

L-istess jista’ jingħad fejn tidħol il-politika. Sena ilu kellna l-elezzjoni ta’ Trump bħala President tal-Istati Uniti.  Fil-kampanja Presidenzjali, Trump wiegħed affarijiet li kienu ser jgħeżżu il-mod ta’ kif kien isir il-kummerċ u ta’ kif kien jiġi intaxxat il-kummerċ. Kif wieħed seta’ biss joħlom li kien ser ikollok President li jasal biex jgħaddi kummenti jew saħansitra jgħajjar lil pajjiżi ġirien tiegħu u pajjiżi li fil-passat kienu alleati u iġġieldu spalla ma’spalla gwerer imdemmija bħal dik tat-Tieni Gwerra Mondjali. Qed nirreferi għal dak li ġara waqt is-summit tal-G7 fejn jiltaqgħu is-seba’ pajjiżi sinjuri tad-dinja. Il-President Amerikan mar tard u telaq kmieni minn dawn il-laqgħat li saru ġewwa il-Kanada. Mhux biss, imma wara li deher li ftiehem mas-sitt pajjiżi l-oħra, meta telaq mil-laqgħat u sejjer lura pajjiżu, qal lill-midja li minn dak li ġie miftiehem fil-laqgħat, hu mhux ser jonorah.

L-istess nistgħu ngħidu fuq id-deċiżjoni tiegħu li qabad u daħħal tariffi fuq prodotti impurtati biex l-Amerikani jibdew jixtru prodotti manifatturati fl-Amerika stess. U dan sar mingħajr l-ebda diskussjoni mal-pajjiżi l-oħra. U ma waqafx hemm. Qed jhedded li ser idaħħal aktar taxxi fuq karozzi Ewropej .

Iktar qrib ta’ pajjiżna, għandna l-istess sitwazzjoni. Qed nirreferi għall-Italja. Qed nibdew naraw l-istess sintomi ta’ sfrattar politiku. Partit li qed jigverna ġewwa l-Italja qed jgħid li ma jistax jibqa’ jkun hemm dak l-influss ta’ immigrazzjoni lejn l-Italja.

Sakemm l-argument idur fuq il-fatt li fis-snin passati, il-piż tal-immigrazzjoni irregolari spiċċat waqa’ fuq l-Italja u tħalliet waħedha mingħajr għajnuna minn bosta pajjiżi ewropej oħra, huwa argument raġunat. Huwa aċċettat ukoll li jkun hemm rabja fost it-Taljani li tħallew waħedhom.  Iżda imbagħad ma tistax tagħmilha tal-bully ma’ pajjiżi żgħar u tiġġieled u tgħajjar il-pajjiżi żgħar tal-Unjoni Ewropeja li taf li qed jagħmel kull sforz bħalek biex jiġġieled l-istess problema.

B’din l-attitudni, iwassal biex ikun hemm animożita’ bejn il-pajjiżi ewropej li jwassal sabiex qatt ma jista’ jkun hemm ftehim fit-tul. Ir-regoli internazzjonali iridu jiġu osservati.

Kellna l-istess attitudni ftit tas-snin ilu meta partit tax-xellug ġie elett fil-Greċja. Kif ħa il-Gvern f’idu, il-ministri tal-partit bdew jitkellmu u jheddu li mhux ser iħallsu lura id-djun li l-pajjiż kellu; saħħqu li l-Unjoni Ewropeja trid tbiddel ir-regoli tagħha biex takkomodhom; ma riedux jiltaqgħu ma’ uffiċċjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali u lanqas mal-Kummissjoni Ewropea; xellfu kull protokol fejn anke laqgħa tal-ministri ewropej saret fl-ajruport milli f’uffiċċju.  Dan kollu kien wassal biex nħolqot tensjoni u nkwiet li wassal biex il-laqgħat tal-Kunsill  kienu qed idumu ljieli sħaħ u fl-aħħar il-Gvern Grieg kellu jbiddel il-Ministru tal-Finanzi tiegħu li kien qed jaġixxi b’dan il-mod. Kien mal-bidla tal-Ministru tal-Finanzi li r-relazzjoni tjiebet mal-Gvern Grieg u l-affarijiet bdew imorru għan-normalita’.

X’ser jiġri ġewwa l-Italja u mill-President tal-Istati Uniti, ħadd ma jista’ jbassar.

Fil-każ tal-Italja, huwa fatt ovvju li jekk mhux ser jimxu u josservaw ir-regoli tal-Unjoni Ewropeja, triq waħda hemm, dik li ħadet ir-Renju Unit u l-Italja jkollha tgħid ċar u tond li ser tkun qed toħroġ minn membru tal-Unjoni Ewropea.

Iżda fl-istess nifs, l-Italja qiegħda tgħid li trid tibqa’ membru tal-Unjoni. Għalhekk, l-Italja mgħandhiex triq oħra ħlief li timxi mar-regoli Ewropej u jekk tħoss li hemm sitwazzjonijiet u affarijiet li mhux ġusti, tibda taħdidiet mal-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni biex tinstab soluzzjoni dwar l-immigrazzjoni li tkun ġusta u aċċettabbli għal kulħadd.

Dwar il-finanzi jekk l-Italja taqbad ir-rotta li tonfoq bla rażan u tkompli żżid id-djun li ġa għandha, żgur mhux ser tkun triq li twassal biex jinħoloq ġid għal-pajjiż. Meta tqis li l-Italja huwa ir-raba’ pajjiż l-iktar li għandu dejn fid-dinja. Għalhekk biex l-Italja ssolvi il-problemi tagħha, ma tiddependix biss mill-elettorat Taljan iżda tiddependi wkoll minn dawk il-pajjiżi li magħhom għandha djun kbar. U allura, dan ifisser li iva anki il-barranin għandhom l-interess u s-saħħa li jinfluwenzaw gvern midjun u sa ċertu punt jiddettawlu kif irid imexxi l-ekonomija tal-pajjiż.

il-Ġimgħa 15 ta’ Ġunju 2018

 

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *