Il-ġimgħa tal-Parlament fi Strasburgu tkun twila u impenjattiva ħafna, u dejjem mimlija bi ġrajjiet importanti. Il-ġimgħa li għaddiet kellna magħna l-Kummissarju Olli Rehn li deher sew fil-Kumitat tagħna u anke fil-Plenarja biex iwieġeb għall-mistoqsijiet u jipparteċipa fid-diskussjoni.
Id-diskussjoni fil-Kumitat tal-Ekonomija u Affarijiet Monetarji (ECON) kienet fuq ir-rikmandazzjonijiet li l-Kummissjoni bagħtet lis-27 pajjiż inkluż Malta li jiffurmaw parti mis-Semestru Ekonomiku u li fuqhom tkellimna l-ġimgħa l-oħra.
Niftakru li, qabel ma saru dawn ir-rikmandazzjonijiet, kien hemm proċess fejn il-gvernijiet ta’ kull pajjiż issottomettew żewġ rapporti, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u ieħor dwar l-Istabbiltà u l-Konverġenza.
Nuqqas ta’ Trasparenza
Kellna ċ-ċans li nagħmlu numru ta’ mistoqsijiet u mit-tliet minuti għad-dispożizzjoni tal-Grupp tagħna l-S&D tawni minuta minnhom. Il-mistoqsija tiegħi kienet dwar il-fatt li filwaqt li f’kull pajjiż il-Baġit huwa meqjus, kif għandu jkun, bħala proċess li tingħatalu importanza, tant li għandu r-ritwal tiegħu kull sena, mhux l-istess ngħidu għad-dokumenti li fuqu jitfassal il-Baġit. Qed nirreferi għan-National Reform Programme u l-Istability and Convergence Report. Rapporti li fihom il-Gvern ipoġġi l-viżjoni tiegħu mhux biss għall-Baġit li jmiss imma anke għal dawk ta’ wara.
Iżjed minn hekk, il-Kummissjoni tagħti opinjoni li sservi ta’ qafas għall-Kunsill li fl-aħħar ta’ dan ix-xahar se japprova sett ta’ rikmandazzjonijiet li jorbtu lill- gvern u l-pajjiżna. Dawn jolqtuna sew bir-riformi li nintalbu nagħmlu, li jistgħu jweġġgħu, jaffetwaw il-mod ta’ kif isiru in-negozjati għaż-żieda fil-pagi, jaffetwaw l-iskemi tal-pensjonijiet, il-prezzijiet eċċ.
Kull Malti u Għawdxi għandu dritt ikun jaf x’inhu għaddej bejn il-Gvern u l-Unjoni Ewropea dwar affarijiet li ser jolqtuh. Għandu kull dritt li jistenna li dawn ir-Rapporti ikunu trasparenti u jkollhom il-leġittimità mill-poplu kollu permezz tal-Parlament Malti. Pero, sfortunatament, dan ma jsirx fil-każ ta’ Malta u xi ftit stati membri oħra.
Ridt inkun naf mingħand Olli Rehn jekk hux kuntent li dawn il-ftit pajjiżi fejn il-poplu lanqas biss jaf dwar dak li ġie sottomess f’April li għadda u li lanqas biss ġie diskuss fil-Parlament tiegħu mhux qed jiġu rrispettati n-normi tal-proċess tas-Semestru Ekonomiku.
Olli Rehn qabel miegħi mija fil-mija u qalli ċar u tond li hija r-responsabilità ta’ kull gvern f’dawn il-pajjiżi li jġibu dawn ir-Rapporti quddiem il-Parlament ta’ pajjiżhom sabiex jiġu diskussi b’mod demokratiku. B’hekk ikun hemm dik l- leġittimità nazzjonali u trasparenza neċessarja fi proċess ta’ dak li qed ngħidulu llum s-Semestru Ekonomiku.
Two-Pack
L-għada matul is-seduta plenarja tat-tlieta filgħodu ġie trattat ‘l hekk msejjaħ ‘Two-Pack’ li jittratta dwar żviluppi ġodda dwar kif l-istati membri għandhom inaqqsu d-dejn u d-defiċit tagħhom. Matul dan id-dibattitu jiena wkoll għamilt intervent fejn tkellimt dwar il-bżonn ta’ tkabbir ekonomiku u dwar skemi ġodda u nnovattivi bħal dik il-garanzija li Dr Joseph Muscat qed jagħti liż-żgħażagħ tagħna.
Dawn iż-żewġ rapporti ‘Two Pack’, dwar il-governanza ekonomika huma estenzjoni tas-‘Six Pack’ jew sitt rapporti li tkellimna min jaf kemm il darba dwaru. Dan kien il-famuż programm ta’ awsterità, ta’ sanzjonijiet u ta’ dixxiplini fuq id-dejn u fuq id-defiċits. Issa l-iskop tal-Konservattivi kien li dan ikun estenzjoni u raffinar ta’ dak li sar fis-‘Six Pack’. Pero il-Grupp tagħna tas-Soċjalisti ma aċċettax dan u qal li billi huwa ċar li l-awsterità weħidha mhix se wassalna mkien hemm bżonn li jiddaħħlu fiha emendi dwar referenza kemm għat-tkabbir ekonomiku u kemm għat-tkattir tax-xogħol.
S’intendi kien hemm reżistenza kbira. Fil-fatt sakemm kien fi stadju ta’ Kumitat aħna s-soċjalisti ivvutajna kontrih għaliex il-konservattivi baqgħu ma waslux għall-kompromess.
Meta ġejna għall-Plenarja bdew jersqu lejn kompromess billi l-Konservattivi bdew jinqasmu dwar ir-referenza għat-tkabbir ekonomiku. L-iktar kruċjali kienet ir-riferenza għal-‘Chapter Three’ ta’ din il-liġi, f’dan ir-Rapport leġiżlattiv, li titkellem fuq l-eurobonds, il-Garanzija liż-żgħażagħ bla xogħol u t-tkabbir ekonomiku. Aħna bqajna sa l-aħħar m’aħniex żguri mill-vot tagħna għaliex jekk il-Konservattivi ma kienux se jaċċettaw din l-emenda allura aħna konna se nivvutaw kontra r-Rapport sħiħ.
Nista ngħid hawnhekk li kien hemm Konservattivi biżżejjed u membri minn Gruppi oħrajn u bil-vot tagħna s-Soċjalisti l-emenda ta’ dan iċ-‘Chapter Three’ għaddiet. Allura aħna stajna nivvutaw favur ir-rapport tagħna stess għax ir-Rapporteur tiegħu kienet il-kollega tagħna l-Portugiża Eliza Ferreira. Fl-ispirtu ta’ kompromess ivvutajna wkoll favur ir-rapport l-ieħor tal-franċiż Jean Pierre Gauzes li jirrapreżenta l-EPP fil-Parlament.
It-Trattat ta’ Shengen
Matul l-istess seduta plenarja, ġie diskuss ukoll it-Trattat ta’ Shengen fejn fil-jiem ta’ qabel il-Kunsill tal-Ministri ddeċieda li għas-sentejn li ġejjin kull pajjiż membru fix-Shengen jista jissospendi r-regoli kemm il-darba jħoss li ma jistax ilaħħaq mal-immigrazzjoni minn partijiet oħra tal-Unjoni Ewropea. Dwar dan jien ukoll għamilt intervent bil-miktub.
Din l-aħbar mhux mistennija ħasdet lil Parlament Ewropew kollu. Kważi kull grupp politiku kellu l-istess kelma ta’ kundanna. Din id-deċizjoni hi pass lura taraha minn fejn taraha. Huwa preċedent ikraħ fejn waqt li ħafna qed jistennew li l-problema tal-immigrazzjoni u s-soluzzjoni għaliha tagħmel pass ‘il quddiem biex ikun hemm iktar solidarjeta’, morna pass lura.
Li ġara huwa li issa permezz ta’ din id-deċizjoni dwar Shengen il-ministri minn wara dahar il-Parlament Ewropew iddeċidew taħt il-presidenza tad-Danimarka li meta jridu u meta jħossu l-bżonn tagħhom jagħlqu l-fruntieri għall- immigranti mill-Unjoni Ewropea stess. Dan ma jgħoddx għal immigrazzjoni irregolari minbarra l-Unjoni Ewropea. U dan mingħajr ma kkonsultaw mal-Parlament.
Dan għalina huwa ta’ dispjaċir kbir tant li kien hemm xi gruppi li heddew li jmorru fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Oħrajn talbu lid-Danimarka li jmissha tagħlaq il-presidenza tagħha qabel il waqt għaliex dak li sar hija xi ħaġa tal-mistħija.
Issa aħna dejjem sħaqna fuq il-bżonn li l-Unjoni jkollha sistema ta’ ‘burden sharing’. Meta tgħarbel din id-deċiżjoni issib li minnflok solidarjetà flimkien u moviment ħieles għal dawk li qegħdin ġewwa l-Unjoni, issa qed ngħidu l-kuntrarju.
Nerġa ngħid li dan il-permess li gvern jista jerġa jtella l-fruntieri u jagħlaqha, dan jgħodd biss għal min qiegħed fl-Unjoni Ewropea. Lilna li l-immigrazzjoni tiġi minn barra l-Unjoni Ewropea, dan ma jgħinix anzi jitfa s-soluzjoni aktar lura.
Nisperaw li l-messaġġ unanimu mill-parlament Ewropew wasal u jkun hemm żviluppi dwar dan fil-qarib.
– l-orizzont : It-Tlieta, 26 ta’ Gunju, 2012