No free lunch


Jidher biċ-ċar li r-risposta tal-Prim Ministru għar-Road Map studjata u argumentata mill-Partit Laburista għal ħames snin li ġejjin hi li joffri xita ta’ wegħdi bil-ħsieb li jagħti l-impressjoni li dawn huma simili (bħal każ tat-tablets) u wkoll aktar ġenerużi. Il-leader tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat diġa’ rrisponda u qal li l-Partit Laburista mhux ser jaqa’ għal-logħba ta’ min joffri l-iktar bħal f’irkant, li bl-ingliż magħrufa bħala auction-type politics.

Ma huwiex il-ħsieb tiegħi llum li nidħol u neżamina xi wegħda minnhom fil-fond. Pero nixtieq nirrispondi lil min ser isaqsina biex ngħinu jeżamina liema minn dawn il-wegħdiet u proposti li issa għandna quddiemna hijiex kredibbli u fattibli. Dan minħabba l-fatt li dawn il-proposti huma bażikament tekniċi u jekk ma jkollokx background ekonomiku u finanzjarju mhux faċli tevalwahom sew.

L-ekonomija, bħala għodda, tgħinna ħafna f’dan ir-rigward.

L-ewwel prinċipju tal-ekonomija hu sempliċi. Fid-dinja ma hemm xejn b’xejn. L-Amerikani jittraduċuha b’mod sempliċi li jifhmu kulħadd. “There ain’t no such thing as a free lunch”. Ir-riżorsi ta’ kull pajjiż huma skarsi meta tqabbilhom ma’ l-aspettattiva ta’ nieshom. Għalhekk fil-ħajja ta’ kull pajjiż, anke jekk sinjur, il-mexxejja huma ristretti li jagħmlu għażla. Għażla kull ħin u kull mument. Ikollhom jgħidu “jew dik jew l-oħra”  u mhux “dik u l-oħra”. Dan il-prinċipju huwa fundamentali u jarralu ħafna min jipprova jinjoraħ.

Fl-ekonomija hemm eċċezzjoni waħda biss. Dan jiġri kull meta pajjiż jirnexxielu jżid l-effiċjenza billi jivvinta mod kif jipproduċi iżjed bl-istess numru ta’ nies u makkinarju li kellu qabel. Mod ieħor hu meta taqta’ l-ħela u tara li n-nies u makkinarju kkombinati flimkien jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom, li qabel ma kienx intlaħaq. Ezempju ta’ dan hu meta tibdel magna qadima li taħli l-fuel għal waħda ġdida li taħli inqas. Kull rebħ fl-effiċjenza jissarraf f’iktar ġid. F’dan il-każ dak li tiffranka jpatti u jiżboq in-nefqa li għamilt biex issir din il-bidla.

Armati b’dawn iz-żewġ prinċipji ekonomiċi b’saħħithom nistgħu niffaċjaw kull proposta jew miżura mwegħda mill-partit tagħna jew mill-partit l-ieħor.

Ħafna mill-miżuri li qed jitħabbru mill-Partit Laburista huma bbażati fuq nefqa li tirrendi u tirrendi bil-kbir. Sew il-pjan tal-enerġija li naqilbu l-power station miż-żejt għall-gass kif ukoll l-iskema taċ-Child Care Centres b’xejn huma intenzjonati li jagħtu boost jew imbuttatura kbira lill-ekonomija. Ma humiex xi rigal sabiħ imwiegħed lil kull familja u li mbagħad ser jkollu jitħallas minnhom stess permezz ta’ taxxi ogħla. Iż-żewġ proposti sinifikattivi tal-Partit Laburista huma t-tnejn intenzjonati li jżidu l-effiċjenza u li jirrendu l-ġid u l-impjiegi u mhux jintaxxaw iżjed.

L-ewwel waħda taqta’ l-ħela fl-użu taż-żejt li jiswa ferm iżjed mill-gass, u jirnexxielu jagħti iktar elettriku ghall-kull unit. Dan minbarra li jniġġes u jmarrad inqas. Kull sena huwa stmat li niffrankaw 187 miljun ewro. Fuq it-tieni proposta nitkellmu aktar ‘il quddiem.

U għalhekk huwa importanti li ma nitħallewx nitgerrfxu minn min għandu l-intenzjoni li joħloq konfużjoni.

 

“Il-prezz għoli li ħallas pajjiżna tul dawn is-snin mhux ser jintesa u lanqas jinħafer.”

 

L-istudji tal-enerġija

Xorta tibqa’ l-mistoqsija dwar kif wieħed jista’ jikkonkludi jekk il-proposta tal-enerġija hijiex kredibbli. F’kelma waħda il-konklużjoni li t-tariffi tad-dawl jistgħux jaqgħu b’25 fil-mija u ta’ l-ilma 5%, filwaqt li jibqa’ biżżejjed biex jitħallsu d-djun tal-Enemalta miġmuma minn dan il-Gvern tul l-aħħar 25 sena.

Ser nispjega llum kif wieħed jasal għal dan.

Ejja nxebbħu l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija ma’ karozza li ħafna minna nużaw kuljum. Il-produzzjoni u d-distibuzzjoni tal-elettriku huma maħsuba biex nużaw l-elettriku fi djarna għal skopijiet domestiċi u fuq il-postijiet tax-xogħol biex naħdmu. Il-karozza hi maħsuba li twassalna minn post għall-ieħor, l-istess għal skopijiet varji.

Ejjew ngħidu li rridu nagħmlu feasibility study ta’ karozza kemm tiswielna kuljum biex naslu minn post A għal post B, ikollna nagħmlu ħafna studji u kalkulazzjonijiet. Irridu naraw kemm taħli l-magna (mili/kilometri għal kull gallun/litru), x’tip ta’ fuel tuża, x’inhu l-prezz tiegħu, kemm ikunu minfuħin it-tyres, jekk ikunx hemm traffiku, kemm ikun hemm nies riekba eċċ eċċ. Biċċa xogħol ikkumplikata.

Imma ejjew ngħidu minflok, li kull ma rridu nkunu nafu huwa biss kemm nistgħu niffrankaw kieku kellna nibdlu biss il-magna qadima li wasslet għar-rimi, per eżempju għal minn waħda petrol għal waħda diesel. F’dan il-kaz kull ma’ jkollna bżonn inkunu nafu huma żewġ affarijiet biss. L-ewwel kemm tagħmel mili bil-gallun (jew kilometri kull litru) il-magna l-ġdida u dik qadima, u t-tieni kemm jiswa l-petrol u d-diesel. L-affarijiet l-oħra, it-tyres, it-traffiku, nies riekba tista’ tħallihom barra għal kollox mill-kalkulazzjoni din id-darba.

Jekk per eżempju insibu li gallun diesel hu irħas minn gallun petrol, kif ukoll li l-magna ta’ karozza diesel tagħmel mili (jew kilometri) aktar għal kull gallun minn magna petrol allura hi faċli li tikkonkludi li ser tiffranka. Tista faċilment issib kemm ser tiffranka għal kull mitt mil jew kilometru li ser ssuq jekk ikollok tbiddel il-magna. Dan wara li żżid id-differenza żgħira annwali li tirriżulta mill-prezzijiet ta’ dawn iż-żewġ magni.

Dan hu li għamlu l-esperti ta’ fama internazzjonali KEMA fl-istudju dwar il-pjan tal-enerġija għal Malta li qabbdu jagħmel l-Partit Laburista. Raw kemm jiswielna kull unit elettriku b’magna li taħdem bil-gass ma’ unit tal-elettriku jew magna taħdem biż-żejt.  Ir-riżultati jitkellmu waħedhom. Hemm iffrankar kbir. Dan qed jiggarantuh esperti ta’ fama internazzjonali li ħadd s’issa ma tefa’ dubji fuqhom.

Allura għall-familja din il-proposta mijiex wegħda fl-ajru imma proposta serja maħduma u fattibbli.  Iktar u iktar meta qed naraw u nisimgħu li l-Gvern ilu s-snin jingħata l-pariri biex jagħmel dan il-bdil għal gass. Imma għal raġunijiet li qed niskopru ġurnata b’ġurnata qed nindunaw għaliex dan ma għamlux.

Il-prezz għoli li ħallas pajjiżna tul dawn is-snin mhux ser jintesa u lanqas jinħafer.

 

orizzont_logo

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 28 ta’ Jannar, 2013.

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *