NIKKORDINAW AĦJAR IL-VUĊI MALTIJA FIL-FORA EWROPEA


Frisk fil-ħatra tiegħu bħala l-Gvernatur il-ġdid tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Edward Scicluna saħaq mal-KullĦadd li qed iħares ’il quddiem għal din l-isfida l-ġdida tiegħu fit-tmexxija ta’entità, li hi mill-aktar kruċjali għal kull pajjiż.

Il-President tar-Repubblika Dr George Vella ħatar lil Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, fuq rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru Dr Robert Abela. Il-ħatra tiegħu hi għal perjoduta’ ħames snin b’effett minn nhar il-Ġimgħa li għadda u se jkun qed jieħu post Dr Mario Vella, li kien ilu fil-pożizzjoni mill-1 ta’ Lulju tal-2016.

Mitlub minn din il-gazzetta biex jikkummenta dwar ir-rwol tal-Bank Ċentrali u t-tmexxija tiegħu fiż-żmien li ġej, Scicluna jisħaq li Malta jeħtieġ ikollha kordinazzjoni aħjar fuq livell Ewropew, partikolarment bejn il-Bank u l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).

“Iċ-ċokon jillimita r-riżorsi li pajjiżna għandu bżonn biex jinstema’ b’attenzjoni fil-fora Ewropej, bħal fil-Kunsill ta’ Governanza tal-Bank Ċentrali Ewropew.

“Pajjiżna għandu bżonn jara li jkun hemm kordinazzjoni aktar minn qabel bejn ir-regolaturi finanzjarji”

Aktar minn hekk, wieħed irid jinfluwenza l-politika Ewropea f’każi fejn din tista’ tkun ta’ dannu għal pajjiżna, jew għal pajjiżi żgħar bħalna,” spjega l-Eks Ministru responsabbli għall-finanzi nazzjonalifl-aħħar seba’ snin u fuqhom.

“Fl-isfond ta’ dan kollu, pajjiżna għandu bżonn li jara li jkun hemm kordinazzjoni aktar minn qabel bejn ir-regolaturi finanzjarji tiegħu. Qiegħed nirreferi għall-Bank Ċentrali u l-MFSA. M’hemmx tiegħek u tiegħi, imma tagħna. Kull istituzzjoni jew awtorità għandha tibqa’ tgawdi l-identità tagħha, waħda fuq skala macro, oħra micro. Iżda Malta tista’ biss tiggwadanja billi sseħħ aktar sinerġija bejn iż-żewġ istituzzjonijiet milli għandna fis-seħħ illum.”

L-ISTABBILTÀ FINANZJARJA DMIR IL-BANK

Dwar l-importanza tal-Bank Ċentrali, hu tenna li dan “tista’ xxebbhu ma’ power station. Meta titilfu tara kemm veru jiswa. Ara x’ħerba tiġri meta jinqata’ d-dawl aċċidentalment. Kmamar kesħin fix-xitwa, ikel nej, bla sevizz ta’ WiFi u internet, ikel nofsu msajjar, fil-friġġ ikel imħassar, lifts weqfin …diżastru sħiħ.

“L-istess jiġri fi kriżi finanzjarja jew anke inkwiet li jirrigwarda l-banek. L-uġigħ hu kbir wisq. Iweġġgħu ħafna familji u negozji speċjalment żgħar. Id-djun mhux imħallsin jikbru, flus imġemmgħin tul ħajjet bniedem jintilfu f’ħakka t’għajn, ħaddiema jibdew jirċievu s-sensji, pensjonanti ma jistgħux jigbdu flus mill-kont tagħhom, il-fallimenti jinfirxu fuq ħafna operaturi u l-banek mhumiex esklużi,” kompla l-Professur li taħt it-tmexxija tiegħu, għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin, il-kelma deficit sparixxiet mill-finanzi pubbliċi.

Hu insista li hu d-dmir tal-Bank Ċentrali li jħares l-istabbiltà finanzjarja, li jagħmel dawk ir-regolamenti li jirregolaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jimplimenta b’mod għaqli l-politika monetarja li tinkludi ċ-ċaqliq tar-rata tal-imgħax u li jissupplixxi jew jixxotta l-kwantità ta’ flus fis-sistema monetarja.

“Oġġettiv ieħor fil-mira tal-Bank hi r-rata tal-inflazzjoni li bl-effett qerriedi tagħha tgerrem il-valur tal-flus meta tasal biex tużahom. Qed nesaġera? Dawn il-ġrajjiet u diżastri kollha ġraw fi żmienna, l-iktar riżultat tal-kriżi finanzjarja internazzjonali tal-2008, imma anke kriżijiet oħrajn bħal dik tal-Messiku fl-1994 u tal-Asja fl-1997. Kollha ħallew warajhom ħsara u wġigħ li ħa ħafna snin biex jgħaddi. Altru li kull pajjiż għandu bżonn istituzzjoni regolatorja li tgħasses is-sistema monetarja u tal-pagamenti stabbli, li tiffunzjona bl-ikbar effiċjenza u tieħu azzjoni f’waqtha biex l-agħar ma jseħħx,” tenna l-Gvernatur il-ġdid tal-Bank Ċentrali.

Hu kompla jgħid li, għalkemm fiż-żmien tal-lum hawn ħafna istituzzjonijiet indipendenti li jagħtu l-fehma tagħhom fuq l-andament ekonomiku, il-policy statement tal-Bank Ċentrali ma jgħaddih ħadd.

“Il-kelma tal-Gvernatur trid taspira fiduċja, imma biex isir hekk irid ikun hemm il-kredibilità fl-istituzzjoni u f’min imexxiha.

Hu għalhekk li l-indipendenza tal-Bank Ċentrali mill-Gvern tal-ġurnata hi importanti u enfasizzata,” saħaq il-Professur.

Hu wkoll indika li l-Bank għandu numru ta’ sfidi addizzjonali minn dawk li huma komuni għal pajjiżi membri fiż-Żona Ewro, li min-naħa tagħhom ilhom żmien jikkordinaw aħjar fuq livell Ewropew. “Kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana se jagħtu kull appoġġ tal-Gvern biex pajjiżna jaġġorna ruħu bħalma sar f’kull pajjiż ieħor fiż-Żona Ewro. Jiena nwiegħed li din l-isfida se niffaċċjaha,” temm jgħidilna Scicluna.

Minbarra Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji mill-2013 sa Novembru li għadda, il-Professur Scicluna serva wkoll fil-Parlament Ewropew fejn ġie elett fl-2009.

Hemmhekk għamel erba’ snin Viċi Ċermen tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u kien rappreżentant tal-Parlament Ewropew fuq il-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika.

Fost diversi rwoli oħrajn hu kien iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), Ċermen tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) u Direttur tal-istess Bank Ċentrali ta’ Malta.

Il-Ħadd 3 ta’ Jannar 2021

, ,