Nibqgħu sereni


Naħseb li kulħadd semagħha l-aħbar tal-ispeċjalista tal-qalb fl-isptar ġenerali tagħna li nnota li n-numru ta’ persuni deħlin bi problemi ċirkulatori u tal-qalb qed jiżdied sew tul din-il-kampanja elettorali twila. Jien ukoll ħadt nota tagħha, forsi bħal kulħadd, bi tbissima. Imma meta żżur il-familji fi djarhom u tarahom inkwetati ma tibqax xi ħaġa tad-daħk.

In-nies huma ferm inkwetati jisimgħu argumenti politiċi minn fuq it-televiżjoni minn sebħ sa tul il-lejl.  Ċertu argumenti ikunu tant sfaċċati li trid tkun tal-bronż biex ma tirreaġixxix u ma tibdiex tinkwieta. Fil-każ ta’ partit fil-gvern li ilu hemm madwar ħamsa u għoxrin sena sħaħ u li jippretendi bi dritt mogħti minn xi awtorita’ suprema li jibqa jiggverna għal ħamsa u għoxrin sena oħra mhux faċli jiffaċċja dehra ta’ telfa. Għal xi ħadd li dejjem għamel li ried mingħajr ħadd ma jindaħallu l-ġurnata tal-ġudizzju mhijiex faċli li jiffaċċjaha. Jirreaġixxi b’mod irrazzjonali.  Jibda jippanikja. Jibda jivvinta. Jinqabad jigdeb għal ħafna drabi. Jibda jitkellem b’mod li nies normali fid-dar ma jissaportuħx. U għalhekk titla l-pressjoni.

Għall-qlajjiet ta’ dan iż-żmien tagħmel kollezzjoni. Tisma kuljum xi waħda ġdida. Kieku ngħiduhom kollha l-editur ma jsibilniex spażju fuq dan il-ġurnal.

Il-Ħamis filgħodu smajt lil Simon Busuttil deputat kap tal-partit tiegħu għodu għodu jgħid li ċ-Child Care Centres b’xejn tal-Partit Laburista ser ikunu ftit, trid tmur tkellem lil Ministru biex iddaħħal lit-tfal tiegħek fihom, u isimgħuha din……… ser ikun hemm il-kjuws.

Oħra din. Qal li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol veru hi l-iktar baxxa fl-Ewropa, imma fost ta’ bejn dawk li għandhom għoxrin u tletin hija ferm għolja. Dan hu minnu għax il-problemi għall-mara li trid taħdem tibda meta jkollha t-tfal jiġifieri wara t-tletin sena. U jekk il-gvern ma jaħsibx skemi biex jerfa’ dan il-piż naturali tal-mara, din ikollha titlaq mis-suq tax-xogħol għal perjodu twil u tibqa d-dar. U jekk tinqata’ ser issibha diffiċli li terġa tidħol. X’taħsbu li kienet il-verżjoni ta’ Simon? Qalilna li dawk li huma taħt it-tletin huma frott tas-sistema ta’ dan il-gvern, filwaqt dawk li huma ikbar huma frott tas-sistema Laburista tal-passat u għalhekk ma humiex kapaċi jaħdmu. Iva tajjeb li tidħqu ħalli ma titlalkomx il-pressjoni.

Li tbeżża huwa faċli. Ivvinta xi ħaġa li toħloq inċertezza u malajr jirnexxilek tilħaq il-mira malinja tiegħek. Kull settur tax-xogħol sew fil-pubbliku u sew fil-privat li d-domanda għas-servizz tiegħu tiddependi mill-gvern huwa vulnerabbli.

Għalhekk l-arma tal-Moviment Ġdid hi s-serenita’. Serenita’ li bdil ta’ gvern jissarraf l-ewwelnett fil-kontinwita’ ta’ l-operat kollu tal-gvern. Dan ser jibqa’ għaddej. Għax dan hu pajjiżna tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. U l-attivita’ kollha normali tagħhom trid tkompli. Life must go on. Huwa sintomu ta’ pajjiż matur u żviluppat li l-għada tal-elezzjoni tkun ġurnata bħas-soltu. Dawk li jridu jibku fil-ferħ għandhom kull dritt jagħmlu dan iżda mhux għal skapitu ta’ ħaddieħor. Dak li Malta u Għawdex jiddeċiedu għal min għandu jirbaħ l-elezzjoni jiddeċieduh għal kulħadd. Ikun rebaħ kulħadd.

Għalhekk illum lejliet li ser neleġġu gvern ġdid għandna nibqgħu ffukati fuq il-programm ta’ proposti fejn infissru eżattament kif ser intejjbu l-livell tal-għixien u nkattru x-xogħol diċenti filwaqt li nilħqu l-miri Ewropej.

 

malta_taghna_lkoll

 

Li jgħiduli l-familji meta jilqawni fi djarhom huwa li jixtiequ:

Li l-ġenituri jkollhom xogħol b’paga diċenti u kundizzjoni diċenti. U ma jiġix xi Ministru jippontifika li issa hemm xi regolamenti. Li Care Worker tintalab li tiddeposita flus fuq l-uniformi jew iż-żarbun li jintlibes l-isptar jew għal xi training minn butha meta qegħda fuq il-paga minima mhuwiex aċċettabli.

Il-familji jridu li t-tfal tagħhom meta jiggradwaw ikollhom ix-xogħol li ttrenjaw għalih għal bosta snin u mhux issib avukati jispiċċaw receptionists. Li tkun receptionist huwa xogħol speċjalizzat u l-kors ta’ avukat mhux intiż għalhekk.

Li t-tfal li ma kellhomx ix-xorti li jispiċċaw l-istudji tagġhom jiġu mgħejjuna u iggwidati x’għandhom jagħmlu biex isibu mpjieg permess ta’ skemi bħal dik tal-Youth Guarantee li rnexxew f’pajjiżi oħra.

Aħna l-ekonomisti nitgħallmu u ngħallmu li x-xogħol u t-tkabbir ekonomiku jiżdiedu u jonqsu flimkien u li x-xogħol jilħaq lil kulħadd jekk it-tkabbir jilħaq lil kulħadd.

Għalhekk il-miżuri fil-programm elettorali tagħna tal-Partit Laburista, studjajnihom bir-reqqa biex naraw li jilħqu s-setturi kollha, kontra li qed jiġri llum. Fil-fatt kwart tan-nefqa addizzjonali tal-Program Elettorali ser tmur direttament fuq dawk il-miżuri li jkabbru l-ekonomija. Dawn jiffukaw fuq l-istess prioritajiet li l-Kummissjoni Ewropea ilha s-snin timbotta lil gvern biex iwettaq. Aħna ser inwettquhom kollha. Dawn huma:

L-ewwel li Malta ma tibqax tibbaża l-użu tal-enerġija tagħha fuq iż-żejt iżda taqleb għal gass. Dan sew għal saħħitna u sew għal butna. It-teknoloġija moderna wrietna li jaqblilna. Araw x’nifs jieħu s-suq tax-xogħol meta taqta spiża ta’ 187 miljun ewro u li tqassamha bejn il-familji u l-industrija fejn diġa qalulna li mill-ewwel tippermettilhom iħaddmu aktar nies.

It-tieni l-proposta ta’ Child Care Centres b’xejn. Mossa kuraġġuża li tiswa l-flus pero li nafu ser tirrendielna bil-kbir. Sew biż-żieda ta’ dawk li ser jidħlu fis-suq tax-xogħol u sew ta’ dawk li ser jidħlu jaħdmu fiċ-Child Care Centres innifishom.

It-tielet għandna l-politika ta’ Active Labour Market Policies li hija ffukata li tgħin lil kull min jixtieq jaħdem imma miżmum mis-sistema ta’ qtugħ immedjat tal-benefiċċji soċjali li tippenalizzak jekk issib ix-xogħol.

Ma’ dawn għandna ħafna miżuri fiskali li jinċentivaw u jinkoraġġixxu saffi ta’ persuni li llum ma għandhom l-ebda inċentiva li joħorġu jaħdmu.

Dawn ma vvintajnihomx aħna. Huma miżuri li ġew ippruvati b’suċċess minn dawk il-pajjiżi li llum laħqu rata għolja ta’ xogħol f’pajjiżhom.

Ir-rimedju tagħtihulna d-demokrazija. Dan hu li tiftaħ il-bibien u t-twieqi għall-arja. Din hi s-saħħa li tagħtik id-demokrazija biex dawn il-ġrajjiet koroħ li qed nisperjenzaw bħalissa, u li jbegħdu minna l-investiment nadif mill-ekonomija tagħna, ma jerġgħux jiġru.

Meta tiftaħ beraħ, nies kompetenti li fil-passat żammew lura, issa jiġu huma stess joffru ħiliethom. Qatt ma kont noħlom jien li nidħol għall-politika. Imma llum nħossni komdu f’dan il-moviment, bħalma qed jħossuhom komdi nies kompetenti oħra. Smajtuhom daqsi jitkellmu bla biża taħt it-tinda. Meta stedinna s-Soċjeta Ċivili biex nispjegawlhom il-programm elettorali, ġew bi ħġarhom.

Fid-9 ta’ Marzu inthom għandkom għażla.

Għażla bejn flus fil-but ta’ kulħadd jew fil-but tal-klikka.

Bejn nies fin-negozju li ma jibżgħux jikkompetu fuq level playing field, u oħrajn li jimxu bi ħbiberija mal-Ministru.

Bejn xogħol prekarju li jgħolli l-istatistika tal-impjiegi tal-Prim Ministru u xogħol diċenti li jixraq lilek, lil martek jew żewġek, u t-tfal tiegħek.

Bidla bejn arja nadifa u arja mniġġsa biż-żejt maħmuġ.

Bidla bejn intolleranza u diskriminazzjoni skont il-kulur tal-wiċċ. Fejn jagħti ċans għall-aqwa nies minn kull qasam tas-soċjeta’ tagħna.

Jekk qegħdin tinnotaw dan il-Moviment qed jikber kuljum, għax hu miftuħ għal kulhadd.

Jekk trid futur aħjar għalikom u għal uliedkom ivvutaw għal kandidati fi ħdan dan il-Moviment fid-9 ta’ Marzu.

Għax Malta verament hija tagħna lkoll.

 

orizzont_logo

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 4 ta’ Marzu, 2013

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *