RESQIN LEJN KRIŻI FINANZJARJA INTERNAZZJONALI OHRA?


Meta nitkellmu fuq il-qaghda ekonomika  ħafna persuni jimpurtahom biss kif sejra l-familja tagħhom. Ma tgħatihomx tort għaliex hija l-familja li hi l-aktar qrib tagħhom. Pero’ hemm parti sostanzjali ta’ Maltin oħra li jimpurtahom kif sejjer pajjiżhom.  Dawn huma nies li jinteressahom kif qed tkun ir-rata tat-tkabbir ekonomiku; l-inflazzjoni u kemm huma fis-sod il-finanzi tal-gvern. Issib ukoll individwi li jsegwu x’ikun qed jiġri madwar id-dinja, specjalment fejn għandu x’jaqsam ma’ l-andament ekonomijku.

Hawn wieħed għandu jsaqsi:  għaliex individwu għandu jimpurtah minn dak li jiġri f’pajjiżi ferm il-bogħod minn xtutna?

Għalkemm id-dinja hija magħmula minn diversi pajjiżi mxerrdin ma’ numru ta’ kontinenti fejn ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku u il-livell tal-ħajja huwa ferm differenti, f’dinja globaliżżata, dak li jiġri f’pajjiż ferm il-bogħod minn Malta, jista’ jħalli effett fuq dak li jkun qed jiġri ġewwa pajjiżna.

Fortunatament, il-kriżijiet finanzjarji internazzjonali m’humiex avveniment frekwenti. Fil-fatt, l-ikbar  kriżi internazzjonali li laqtet il-pajjiżi kollha tad-dinja, tmur lura għas-sena 1930. Dik il-kriżi wasslet biex ikun hemm dippressjoni massiċċja mal-pajjiżi kollha (the Great Depression) li wasslet biex ikun hemm gwerra kummerċjali bejn il-pajjiżi fejn kull pajjiż beda’ jdaħħal taxxi u tariffi għoljin fuq prodotti impurtati sabiex jissalvagwardja il-prodotti manufatturati ġewwa l-pajjiż, izda b’hekk ikun qed jesprota l-qaghad lejn pajjiz iehor. Dan in-nuqqas kbir ta’ negozju, jwassal biex ikun hemm banek li jfallu; industriji li jgħalqu; qagħad li jgħolli rasu li jwassal għal faqar u għaks kbir.

Pajjiżna ntlaqat minn kriżi internazzjonali bħal din, għaxar snin ilu, fl-2008. Dik is-sena, bosta banek fosthom Lehman Brothers fl-Istati Uniti tal-Ameirka u ohrajn f’pajjiżi Ewropej, fallew. L-Amerika u l-pajjizi kbar  għax ħadu t-tagħlima minn dak li kien ġara’ qabel, irrispondew għal din il-kriżi u ħadu l-prekawzjonijiet neċessarji u għalkemm intlaqtu xorta ghalkemmtinijat.

Malta kellna x-xorti li hrigna minnha mhux b’daqshekk hsara grazzi ghal banek li kienu b’sahhithom bizzejjed konttra banek ohra barranin.

Kien ghalhekk li ma ħaddniex dik id-daqqa li ħadu pajjiżi oħra. Pajjiżi ta’ madwarna, għadhom qed iħossu l-effett tal-kriżi ta’ għaxar snin ilu. Biżżejjed insemmu pajjiżi bħal Greċja li għadhom qed iħossu l-effett negattiv li dan il-kollass fl-ekonomija modjali ġabet magħha.

Bosta gvernijiet, nefqu flejjes kbar biex itaffu l-piż ta’ din il-kriżi fuq il-familji. Fil-fatt, il-Banek Ċentrali tal-pajjiżi, kellhom jieħdu ċertu miżuri li wieħed lanqas biss qatt ma kien semgħa bihom qabel. Sallum il-ġurnata, il-Bank Ċentrali Ewropew, għadu jippompja miljuni ta’ Ewro biex isostni l-ekonomija ewropeja –ghalkemm issa l-President Draghi qed jghid li ser iwaqqaf dan il-process.

Kriżi bħal, din nistgħu nqisuha bħala ‘maltempata kbira tas-seklu’ li wieħed jesperjenza darba f’ħajtu, maltempata li wasslet biex miljuni kbar ta’ persuni tilfu x-xogħol u miljuni ta’ persuni tilfu djarhom għax spiċċaw m’għandhomx flus biex ikunu jistgħu jħallsu il-pagamenti tas-self mal-bank li kienu ħadu biex xtraw darhom. Iżda agħar minn hekk, kellek persuni pensjonanti, li wara li għamlu għomorhom jaħdmu u jġemgħu tul ħajjithom, tilfu t-tfaddil tagħhom għax fallew il-banek fejn kienu nvestew.

Dwar dan is-suġġett, ġejt mistieden nitkellem f’konferenza msejjha Atlantic Dialogues li saret f’Marrakesh il-Marokk, il-ġimgħa l-oħra. Din il-konferenza saret fl-isfond ta’ sħab iswed li reġa’ qed jinġema’ f’ċerti pajjiżi li jistgħu jerġgħu jidħlu f’xi kriżi oħra.

Dan it-tbassir qed isir għal fatt li fl-Amerika, għandek President li beda jattwa l-programm tiegħu li jdaħħal tariffi fuq prodotti mpurtati, tariffi li jistgħu jwasslu għal gwerer kummerċjali li eventwalment iwasslu biex ikun hemm kollass ekonomiku f’ċerti pajjiżi.

Din mhix xi sitwazzjoni surrejali. Għal kuntrarju. Diġa’ ssemma’ kif il-Ġermanja, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, waqa’ l-volum tal-esportazzjoni. Dan in-nuqqas ta’ bejgħ, huwa riżultat tat-tariffi aktar għoljin li qed jiddaħħlu, liema tariffi qed jiġi mbassar li jistgħu jintlaqtu wkoll il-karozzi mmanufatturati ġewwa l-Ġermanja.

Jekk inħarssu x’għamlet iċ-Ċina, din diġa’ daħlet fi gwerra kummerċjali. Filwaqt li kien hemm żmien fejn sew il-Kanada u sew l-Messiku setgħu ikunu pajjiżu ohra li jidhlu fi gwerra kummercjali mal-Amerika, b’xi mod raw kif sabu ftehim minħabba li beżgħu li setgħu jaqgħilhaw daqqa kbira l-isfel, ekonomikament. L-Ewropa qed fl-istess ilma.

Ghandek pajjizi ohra fejn qed jiżviluppaw problemi kbar ohra. Qed naraw l-instabbilita’ kbira li hemm ġewwa r-Renju Unit, minħabba l-inċertezza li hemm fuq jekk hux ser tibqa’ jew le tifforma parti mill-Unjoni Ewropeja. Din l-inċertezza qed tolqot lil Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropeja, għax jekk u kif ser toħroġ ir-Renju Unit, ikun qed jaffettwa il-baġit tal-Unjoni Ewropeja. Hemm diżgwid r bejn il-Membri tal-Unjoni Ewropeja għax it-tluq mill-Unjoni tar-Renju Unit, ifisser li l-pajjiżi ser ikollhom jikkontribwixxu iżjed u jieħdu inqas.

Jekk wieħed jara kif kien l-andament tad-dejn dinji globali, kemm id-dejn pubbliku (tal-gvern) kif ukoll dak tas-settur privat, filwaqt li il-livell ta’ dan id-dejn baqa’ stabbli jekk jikkonsidra biss dawn l-aħħar erba’ snin, meta wieħed jieħu l-kejl fuq dawn l-aħħar għaxar snin, isib lid-dejn kiber b’mod drastiku.

Fil-fatt, qabel iI-kriżi tas-sena 2008, il-banek kienu qed isellfu bil-bosta aktar milli kellu flus depożitati miegħu. Dan kollu kien il-kaġun li ħafna banek fallew.

Kien għalhekk li fis-snin ta’ wara l-kriżi, l-istituzzjonijiet internazzjonali, daħħlu bosta regoli, direttivi u liġijiet sabiex jonqos ir-riskju li l-banek jerġgħu jfallu u jitfgħu fi kriżi bosta pajjiżi u familji.

Iżda tul dawn l-aħħar għaxar snin, twieldu riskji ġodda.

Fid-diskussjoni li kellna fil-konferenza , kull kelliem qabel li filwaqt li hi diffiċli li wieħed ibassar xi kriżi nternazzjonali, huwa mportanti li meta’ jkun hemm individwi jew organiżżazzjonijiet internazzjonali, li jbassru li hemm possibilita’ li ġejja kriżi, twissijja bħal din għandha tittieħed bis-serjeta’. Ssemma’ kif il-gvernijiet għandhom ikunu ppreparati u ma jieħdu l-ebda riskju sabiex tiġi evitata kriżi finanzjarja internazzjonali oħra.

Ninsabu biss erbat ijiem qabel il-Milied u nixtieq nagħlaq dan l-artiklu b’ton pożittiv u nawgura lilkom u l-familji tagħkom il-Milied Hieni!

Il-Ġimgħa 21 ta’ Diċembru 2018

 


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *