Il-laqgħa tal-IMF u l-Bank Dinji


Ktibt l-artiklu ta’ din il-ġimgħa f’Washington, fejn attendejt għal-laqgħa internazzjonali tal-Fond Monetarju Internazz­jonali (IMF) u tal-Bank Dinji. Avveniment ann­wali li għal dawn l-aħħar 15-­il­ sena dejjem għamilt ħilti biex ma nitilfux. Avveniment li jġibek wiċċ imb wiċċ mal-mexxejja ekonomiċi u finanz­jarji tad-dinja.
S’intendi il-laqgħat li jkollok jiddependu mill-kappell li tkun liebes meta tattendi. Bħala akkademiku jinteressawk dawk is-seminars mogħ­tijin minn esperti magħrufin u mexxejja globali, persuni li d-deċiżjoni tagħhom se taffettwa l-andament futur tad-dinja ekonomika u finanzjarja. Bħala uffiċjal tal-Bank Ċentrali l-laqgħat ikunu formali u jsiru ma’ uffiċjali tal-Fond biex jaġġornaw ir-relazzjonijiet li l-pajjiż ikollu ma’ din l-istituzzjoni. Illum bħala membru tal-Kumitat tal-Ekonomija (ECON) tal-Parlament Ewropew, il-laqgħat isiru mal-ogħla uffiċjali tal-Fond u jkunu inqas formali. Jazzar­daw jeħduna fil-kunfidenza tagħhom u jgħidulna affari­jiet li mhux dejjem jgħiduhom barra.
Kelli x-xorti li, fl-assenza tal-President tal-Kumitat tagħ­na għal waħda mil-laqgħat li nzertat mad-Deputat Direttur Maniġerjali tal-Fond innifsu Ms Nemat Shafik, id-delegazzjoni tal-Parlament talbuni li mmexxiha jien. Għamilna siegħa nitkellmu fuq is-sit­wazzjoni taż-Żona Ewro kif tidher min-naħa l-oħra tal-Atlantiku. Min-naħa tiegħi tajt il-verżjoni tagħna hekk kif wasalna biex nivvotaw fuq il-pakkett magħruf bħal s-Six Pack, li fuqu ħdimna għal dawn l-aħħar tmien xhur.
Tkellimna fuq il-proposta tat-Taxxa Globali fuq l-atti­vità finanzjarja. Staqsejtha wkoll x’taħseb fuq l-andament tal-G20 billi qiegħed naħdem fuq rapport li jinkludi suġġerimenti fuq dan il-klabb globali ta’ mexxejja politiċi ewlenin.
Il-laqgħa saret f’kamra quddiem l-uffiċċju tad-Direttur Manigerjali tal-Fond Mme Lagarde. Waqt li konna nistennew, jippassiġġa quddiemna tul il-kuridur kollu kien hemm il-Ministru Taljan Tremonti, mitluf f’telefonata twila.
Ovvju li ma nistax nitkellem dwar ir-riżultat ta’ din il-laqgħa annwali, imma l-kitba fuq il-ħajt lejn kif kienet mistennija tiżvolġi x-xena kienet hemm biex jaraha kulħadd.
Ma’ min iltqajna kellu kelma waħda, ‘concern’, tħassib serju. Mhux paniku imma tħassib. Ma tistax tieħu s-sitwazzjoni b’mod tas-soltu għax il-perikli huma kbar ħafna.
Il-messaġġ fi ftit kliem hu dan. Il-veru ‘bail-out’ tal-Greċ­ja li hemm bżonn hu veru kbir. Id-dinja lesta li tagħtih però qiegħda titlob ħaġa waħda, li l-Greċja turi bil-fatti li tagħmel dawk it-tibdiliet radikali li jibdluha f’ekonomija dinamika u differenti għal dak li mxiet bih fil-passat. Mhux daqstant is-sagrifiċċji, li ħafna Griegi ma jridux   jagħ­m­­lu iżjed, li tagħti f’għajn il-Fond daqs il-fatt li kontra pajjiżi oħrajn bħal pereżempju l-Irlanda, il-Greċja m’hemmx koeżjoni politika. Ma jistgħux jifhmu kif l-elementi politiċi f’dak il-pajjiż ma jistgħux jilħqu kompromess biex isalvaw il-pajjiż minn diżastru li se jġib tbatija ferm iktar kiefra minn ta’ issa.
Il-laqgħa tal-IMF u l-Bank Dinji hija sinifikanti għar-raġuni li fiha jkunu qegħdin jipparteċipaw il-pajjiżi tad-dinja kollha. Rappreżentanza li tvarja minn gvernaturi tal-Banek Ċentrali għal ministri tal-Finanzi, regulaturi, ban­kiera, akkademiċi, kollha miġburin f’Washington jittrattaw u jagħtu opinjonijiet u studji dwar reġjun.
Ċertament li ma tistax tkun iktar qrib l-aħħar aħbarijiet għax hemm ikunu miġburin kollha flimkien is-sorsi tal-informazzjoni. Sorsi ġejjin minn kull strata. Pajjiżi kbar bħall-Amerika. Pajjiżi emerġenti, il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Afrika t’Isfel, għalhekk magħrufin bħala BRICS. Magħhom pajjiżi Ewropej. Min f’sitwazzjoni tajba ħafna, min f’inqas tajba, min riesaq lejn il-ħażin u min fi kriżi.
L-importanza ta’ laqgħa bħal din hija riflessa fil-fatt li wieħed imbagħad ma jibqax iħares lejn rimedji minn lenti lokali jew reġjonali, bħalma jiġri fiż-żona tagħna, imma mil-lenti ta’ pajjiżi oħrajn.
Ma tridx lanqas temmen dak kollu li tisma’ mingħand il-politiċi li qegħdin hemm bi strateġija. Hekk, pereżempju, il-Ministru tal-Finanzi Ġerma­niż Shauble jidher qed jitkellem sinċier u fl-apert meta jgħid li l-Ġermanja qatt mhi se taċċetta li jinbiegħu bonds Ewropej bil-garanziji tagħhom u l-pajjiżi l-oħrajn taż-Żona. Però wieħed jaf li kieku l-Greċja tagħmel il-bidliet mixtiqin minnhom hemm ċans kbir li wara l-Bonds jiġu ­aċċettati.
Wieħed jittama li jkun hemm ftehim u indikazzjonijiet biex il-politika tkun ferm aħjar milli hi llum u nibdew insibu soluzzjoni għall-kriżi u noħolqu x-xogħol.

l-orizzont – It-Tnejn, 26 ta’ Settembru, 2011


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *