Malta u l-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus


Suġġett li qiegħed jinstema’ ħafna u jidher fuq il-midja huwa dak tal–money laundering, dak li bil-Malti nsejħulu l-ħasil tal-flus.

Kulħadd huwa konxju li din hija xi ħaġa serja ħafna. Imma jien naħseb li wieħed għandu jsaqsi għaliex hija serja daqshekk u għaliex din il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus?

Il-kriminalità għandna istituzzjoni kontriha. Għandna l-pulizija li taħdem biex tiġġieled dan billi taqbad il-kriminali u tgħaddi għall-proċess tal-qrati eċċ. Iżda l-kriminalità hija wkoll negozju li minnu l-kriminal jigwadanja l-flus u għalhekk jidħol f’dik l-attività kriminali. Il-kriminalità tvarja minn kuntrabandu, evażjoni ta’ taxxa, drogi, l-armamenti u oqsma oħra bħat-terroriżmu u l-korruzzjoni. Dawn huma kollha parti mix-xena tal-kriminalitaˋ.

F’dan l-isfond waqt laqgħa tal-G7 fl-1989 ġie deċiż li titwaqqaf istituzzjoni internazzjonali l-FATF, li xogħlha huwa li tiġġieled it-transazzjonijiet  ta’ flus li jgħaddu min-negozju tal-kriminali għall-istituzzjonijiet finanzjarji  u dan biex jinħaslu l-flus u jibdew jidhru leġittimi. Imma jekk din l-istituzzjoni hija kapaċi li tagħlaq l-ossiġinu li huma l-flus tal-kriminali tkun qiegħda tiġġieled il-kriminalitaˋ innifsha.

Hawn Malta konna konxji, għalinqas personalment niftakar li konna konxji, minn din is-sitwazzjoni fid-disgħinijiet. Meta jiena kont ċermen tal-MFSA niftakar ċar li kien hemm ħafna applikazzjonijiet minn sorsi ta’ pajjiż li f’dak iż-żmien li applika biex jitwaqqfu banek fil-pajjiż u aħna mill-awtorità ddeċidejna li mhux fl-interess tal-pajjiż li nwaqqfu banek li s-sors tal-flus tagħhom ma nafux minn fejn ġej. Mhux kwistjoni ta’ kriminalità imma ladarba  ma tafx minn fejn hu s-sors, wara li konna nieħdu l-pariri, konna nirrifjutaw dawn l-applikazzjonijiet għal-liċenzja.

Dan kien f’nofs id-disgħinijiet. Iż-żmien għadda u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus iktar kibret. Tant li meta aħna tlajna fil-gvern fl-2013, niftakar li l-għada li ħadt il-ġurament jiena kont attendejt laqgħa tal-Eurogroup fejn kien hemm il-kriżi ta’ Ċipru li falliet pajjiżi u li għamilna dak li ngħidulu bail-in fejn kellna nisostenu lil Ċipru u nagħmlulu li hemm bżonn. Iżda li ġara kien li Ċipru, li hija gżira Mediterranja, kellha servizzi finarzjarji, kellha t-turiżmu, kellha xebħ kbir ma’ Malta, kellha n-numru ta’ banek jew l-assi tagħhom eżatt bħal Malta tat-tmien mija fil-mija tal-prodott domestiku gross.  Min ried isawwat lil pajjiżna speċjalment il-midja Ġermaniża minħabba t-taxxa bdew imexxu x-xniegħat li Malta hija t-tieni Ċipru, ser tfalli. Avolja ma kellna l-ebda flus imġemmgħajn fil-Greċja fejn Ċipru qalgħet daqqa kbira meta tilfu l-flus mill-kriżi tal-Greċja. Ma jimpurtahom  xejn li kellna l-assi tagħna diversivikati fl-Ewropa, madwar id-dinja, li Malta kellha riżervi qawwijin, ma jimpurtahom xejn u x-xniegħat komplew jikbru. B’hekka kellna speċi ta’ kriżi ikkreata mill-midja, kritika aktar minn kollox.

Dak iż-żmien niftakar ċar li kont ġibt konsulenti mill-Ingilterra biex jagħtuni parir kif nimxu f’sitwazzjoni bħal din għaliex il-biża’ u r-riskju kien kbir. Tawni parir ukoll li Malta għandha minnha nnifisa tagħmel ċerti affarijiet li kienu qed jiġu imposti mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-IMF fuq Ċipru għandna nagħmluhom ukoll f’pajjiżna b’mod volontarju. Dan kien jirreferi għal money laundering. Tawna l-parir li Malta tagħmel  valutazzjoni nazzjonali tar-riskji. Fejn huma r-riskji f’dak li ngħidulu money laundering? Liema setturi? L-igaming, is-servizzi finanzjarji, it-turiżmu, il-brokers, il-professjonijiet legali. Din hija  valutazzjoni wiesgħa u jiena niftakar ċar li rajna fl-interess ta’ Malta li ser nibdew din il-valutazzjoni qabel ma inqalgħu dawn il-kontraversji li għandna fil-pajjiż dan l-aħħar. Din il-valutazzjoni bdiet f’dik is-sena stess, f’Novembru tal-2013 u spiċċat fl-2015.

Dan irrid ngħidu biex nuru li Malta dejjem kienet tieħu bis-serjetà l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Saħħaħna l-istituzzjoni  tal-FIAU. Tiġi kemm tiġi kkritikata politikament nista’ ngħid biss li aħna sibna seba’ persuni biss jaħdmu fl-FIAU filwaqt li illum il-ħaddiema telgħu għal tnejn u erbgħin u għadna qed inżidu n-nies biex insaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Niftakar li fil-baġit kien hemm biss tlett mija u tletin elf ewro allokati għall-FIAU. Waqt li illum hemm allokati ftit inqas minn erba’ miljun ewro tal-baġit tiegħi li jinagħta lill-FIAU biex inkomplu din il-ġlieda. L-FIAU kienet qed tagħmel xogħlha sew – tikkopera ma’ pajjiżi oħra, tiskambja l-informazzjoni, twieġeb jekk ikunx l-FBI jew il-pulizija Ġermaniża fuq każijiet partikolari u allura l-affarijiet dejjem mxew sew.

Mela allura x’ġara f’pajjiżna? Għaliex issa l-FIAU qed tiġi kkritikata u jingħad li kisret il-liġi tal-Unjoni Ewropea? Dan hu kawża tal-politika. Il-politika sew lokali xprunata mill-PN u sew Ewropea minn MEPs ħbieb tal-PN. Bdew jagħmlu pressjoni kbira biex l-Unjoni Ewropea, tieħu azzjoni Ewropea. Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus kienet taħt isititzzjonijiet nazzjonali dawk li ngħidulhom FIUs, tagħna hija FIAU. FIUs jeżistu l-Ġermanja, l-Ingilterra u pajjiżi tal-Ewropa u anke barra mill-Ewropa. Dawn riedu li l-Unjoni Ewropja twaqqaf istituzzjoni apposta biex tiġġieled b’mod Ewropew imma sa issa din ma saritx. Allura dawn ippruvaw jimbarazzaw lill-istituzzjonijiet eżistenti bħalma huwa l-Bank Ċentrali Ewropew, bħalma huwa s-Single Supervisor tal-Banking Union u  l-European Banking Authority li mhu qed jagħmlu xejn fuq il-ħasil tal-flus.

Biex ikomplu jimbarazzawhom qalu li ċertu każijiet ġew mill-Amerika. Il-każ tal-Latvja u każijiet oħrajn. Ippruvaw ipenġuha li anke l-każ tagħna huwa bħal dawn. Imma tagħna kien dwar ksur ta’ sanzjonijiet  fuq persuna u ma kellux x’jaqsam mal-bank partikulari. Iżda dawn min idawwar minn hemm u min idawwar minn hawn, dawn l-istituzzjonijiet Ewropej ippruvaw ipinġuhom mill-Parlament Ewropew li mhu qed jagħmlu xejn. Kien hemm u għad hemm pressjoni politika kbira mill-Parlament Ewropew. Nafhuhom il-karattri. Tlieta minnhom kienu miegħi l-Parlament Ewropew. Għandna lil Anna Gomez, Sven Giegold, u David Casa, l-MEP  tal-oppożizzjoni li ffisaw fuq il-każ ta’ Malta. Dawn imbottaw   u poġġew pressjoni kbira fuq il-Kummissarju Jourova biex tagħmel xi ħaġa.

Bagħtu għaliha fil-Parlament Ewropewu qalulha li ma kienet qed tagħmel xejn. Wara dan il-Kummissarju ġiet Malta, kif ukoll  kitbet lill-European Banking Authority biex hi tmur tinvestiga lil Malta. Dan kollu iffokat fuq Malta. Ġew Malta biex jinvestigaw  sabiex jaraw f’dan il-Pilatus Bank x’hemm u x’mhemmx. Nafu li hemm ħafna allegazzjonijiet ta’ money laundering, Azerbaijan, Egrant u ħafna allegazzjonijiet oħra. Iżda provi sa issa għad ma hemm xejn.  Mill-investigazzjoni la sabu każijiet ta’ money laundering u lanqas  fuq l-Azerbaijan. B’wisq inqas semmew l-affarijiet li qegħdin quddiem il-maġistrat. Iffokaw biss fuq il-proċeduri li ħadet l-FIAU rigward il-Pilatus Bank fuq kaz partikolari.

Kienet l-FIAU stess li rrapurtat  li dan il-Pilatus Bank darba naqas. L-FIAU kienet għamlet  żjara bħalma tagħmel  żjarat lill-banek kollha ta’ Malta għaliex jaħdmu bis-sħiħ. Waqt iż-żjara sabu li l-affarijiet u l-proċeduri li kien qed jieħu l-Pilatus Bank rigward ir-regolament tal-money laundering ma sarux kif suppost. L-FIAU bagħtulhom twissija u l-Pilatus Bank mar għal żewġ konsulenti b’saħħithom f’pajjiżna. Mar għand il-KPMG u mar għand Camilleri Preziosi biex jagħtuh parir kif il-proċeduri fil-bank għandhom jitranġaw. Dawn taw il-pariri tagħhom u informaw lill-FIAU li l-affarijiet poġġewhom f’posthom. L-FIAU għamlet  żjara oħra u sabet li l-affarijiet kienu saru f’posthom u waqfet hemm. L-EBA tħoss li ma taqbilx ma’ dan il-fatt u qed tgħid li dakinhar messhom għamlu xi sanzjonijiet avolja kienet l-ewwel darba u għalhekk qed tgħid li kien hemm nuqqas bil-ksur tal-liġi Ewropea.

Din hija l-opinjoni tal-EBA u inħalli lill-FIAU biex jikkontestawha u naħseb li għandhom għalxiex jikkontestaw. Nofs ir-rakkomandazzjoniet diġà implimentawhom qabel ma l-EBA qalgħu dan il-każ. . Jikser il-liġi min ma jimpurtaħx mil-ligi. Min m’għandux pjan. Min mhux qiegħed jimplimenta. Min mhux qiegħed jaħdem u allura l-FIAU għandhom dritt iwieġbu lill-EBA fiż-żmien stabbilit biex juru li l-FIAU qed jimxu u ser ikomplu jimxu b’mod independenti fuq pjan maqbul mal-istess EBA.

Jiena qatt ma indħalt fix-xogħol tal-FIAU. Nemmen li qed jagħmlu xogħol siewi, nissapportjhom li jekk hemm bżonn baġit nagħtihom għaliex il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus hija xi ħaġa serja u pajjiżna bħal pajjiżi oħra jagħmel l-almu tiegħu f’dan il-qasam.

Tiddejjaq tgħid li filwaqt li pajjiżi oħra inqabdu bil-money laundering  u mhux allegazzjonijiet biss iżda inqabdu realment bil-money laundering bħal Latvja, għandna dan l-aħħar lid-Danimarka u l-Estonia, u banek kbar oħra li inqabdu li fil-kontijiet tagħhom kien hemm flus ġejjin minn sorsi ta’ kriminalità u ttieħdu passi li huma meħtieġa u l-ħajja kompliet.

Jiġifieri min qed niffokaw fuq pajjiżna u jagħmel eżempju bih għaliex forsi pajjiżna  huwa żgħir? Wieħed jistaqsi dawn il-mistoqsijiet mhux biex innaqqas ir-rispett lejn l-Awtorità Bankarja Ewropea. Anzi jiena nemmen li din hija l-istituzzjoni li trid tagħmel xogħlha. Min-naħa waħda wieħed irid iżomm il-proporzjon ta’ dak li qiegħed jintqal u jsir.

Hemm ħafna iżjed xi ngħid. Nispera li f’okkażjonijiet oħra  inkomplu nitkellmu dwar il-ġlieda ta’ pajjiżna li sa issa dejjem ħa bis-serjetà kontra il-ħasil tal-flus.

 

Il-Ġimgħa 20 ta’ Lulju 2018

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *