Malta madwar il-mejda tal-G20


Il-G20 hija laqgħa tal-iktar għoxrin pajjiż importanti fid-dinja fejn jieħdu deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet biex ikun hemm il-koperazzjoni f’oqsma fejn il-problemi jissolvew aħjar permezz tal-koperazzjoni internazzjonali, milli jitħallew f’idejn pajjiż wieħed.

 

Fost dawn l-oqsma nsibu l-kummerċ estern, il-klima u l-istabilità finanzjarja globali. Dawn huma suġġetti li jirrikjedu koperazzjoni  u m’hemmx istituzzjoni li tiffoka bilfors b’dan il-mod. Allura għandna l-G20, li huwa forma ta’ club tal-aktar 20 pajjiż li huma b’saħħithom u li jiltaqgħu b’mod xi ftit aktar informali, fejn jitkellmu frankament bejniethom u mbagħad joħorġu bir-rakkkomandazzjonijiet meħtieġa.

 

pr170670a

 

Din is-sena imiss lill-Ġermanja biex torganizza dawn il-laqgħat. Bħalma Malta għandha l-presidenza tal-ECOFIN, hekk ukoll il-Ġermanja għandha l-presidenza tal-G20.

 

Ma’ dawn l-20 pajjiżi f’Baden-Baden fl-aħħar tal-ġimgħa l-oħra kien hemm Malta – mhux għax hija l-akbar pajjiż jew għax hija l-aktar influwenti, imma għax Malta hija influwenti peress li qed tirrappreżenta l-opinjoni u l-konklużjonijiet ta’ 28 pajjiż.  F’dan il-każ il-G20 kien tal-Ministri tal-Finanzi tal-G20 u allura jien kont qed nirrappreżenta lil sħabi kollha, is-27 jew inkella t-28 Ministru tal-Finanzi inkluż lili nnifsi, f’din il-laqgħa.

 

malta

 

Għalkemm huwa importanti ħafna li wieħed iżomm ruħu aġġornat dwar x’jiġri f’dawn il-laqgħat permezz tal-mezzi tax-xandir, dan ma jikkumparax mal-fatt li tkun preżenti, bil-qiegħda mdawar il-mejda tat-taħdidiet fejn tista’ tmiss b’idejk il-mod kif id-deċiżjonijiet jittieħdu jew ma jittiħdux.

 

Din kienet laqgħa diffiċli ferm għax minn dawn l-20 pajjiż, l-aktar pajjiż sinjur fid-dinja, jiġifieri l-Istati Uniti, qed iħaddan politika, għall-inqas kif ġiet dikjarata mill-President Trump nnifsu, li ma jaqbilx ma’ l-kummerċ ħieles, anzi jrid li jkun hemm protezzjoni għal pajjiżu u se jagħmel minn kollox biex jiskoraġġixxi l-importazzjoni għall-pajjiżu u jgħin l-esportazzjoni ta’ pajjiżu. Dan huwa l-ħsieb wara l-islogan “America First” jew “l-Amerika l-ewwel”.

 

Din hija xi ħaġa li kulħadd kieku jixtieq jagħmilha, imma nafu fl-istorja li meta ġara hekk, id-dinja qalgħet daqqa u daħlet f’reċessjoni kbira anzi depression.  U allura l-G20 qiegħed hemm biex jara li dan ma jsirx.

 

U meta inti għandek partner importanti li qed jiddikjara li ma jaqbilx, allura jkollok problema. L-istess qed jiġri dwar it-tibdil fil-klima li nafu li qed jhedded lid-dinja u li hemm bżonn il-koperazzjoni bejn il-pajjiżi biex innaqqsu li jinħaraq iż-żejt u anki miżuri oħrajn biex nieħdu ħsieb dan it-tibdil fil-klima.

 

U l-istess hawnhekk, l-iStati Uniti qed tgħid li ma taqbilx, li qed ngħaġġbuha, li ż-żejt għandna nkomplu nużawh, eċċ. U allura l-pajjiżi b’mod diplomatiku, hawnhekk kellhom a steep learning curve – jiġifieri iridu jitgħallmu malajr malajr l-aħjar mod kif iħabbtu wiċċhom ma’ din is-sitwazzjoni għax dan mhux xi pajjiż żgħir u insinjifikanti, iżda qed nitkellmu dwar l-iStati Uniti tal-Amerika, pajjiż influwenti ħafna speċjalment f’dan il-G20.

 

U allura kien ta’ diżappunt illi l-istqarrija, jew kif inhi magħrufa f’dan l-ambitu l-communiqué, li ħarġet minn dan il-meeting kellha tkun iċċensurata, biex ngħidu hekk, minħabba l-oġġezzjoni tal-iStati Uniti għal ċertu kliem.

 

Dwar il-kummerċ ħieles, kulħadd jaqbel li meta hemm pajjiżi li ma jipprattikawx il-kummerċ, id-dħul tagħhom ma jitħarrikx. Iżda meta jkun hemm il-kummerċ, id-dħul jiżdied kemm għall-pajjiż li jbiegħ u kemm għal dak li jixtri. Din hija t-teorija li ngħallmu lill-istudenti tagħna fl-ekonomija.

 

Kulħadd jaf x’ ġara.  Fid-dinja llum tant kemm kibret il-globalizzazzjoni, u b’konsegwenza ta’ hekk il-kummerċ, però wieħed ukoll jammetti li dan il-ġid, din il-prosperità, mhux dejjem kienet mifruxa b’mod ekwu għall-pajjiżi kollha.

 

Allura wieħed jifhem li xi pajjiż iħossu li ma ħax il-vantaġġi kollha u allura r-reazzjoni tiegħu tkun li jtella’ l-ħitan u l-protezzjoni.  Però din m’hijiex it-triq it-tajba.

 

Jiġifieri, bil-mod il-mod se jkun hemm aktar diskussjonijiet bla ma nwaqqfu kummerċ estern.  Però min-naħa l-oħra għandna naraw li dan il-kummerċ għandu jkun ekwu.  U allura trid tiġi indirizzata sew l-ekwità bejn il-pajjiżi u sew l-ekwità ġol-pajjiż għax hemm settur ta’ ħaddiema li ggwadanjaw, u setturi ta’ ħaddiema li ma jiggwadanjawx.

 

Dawn huma l-issues li qed ibiddlu l-politika sew fl-Amerika, l-Ingilterra u anki fl-Ewropa u allura huma suġġetti importanti li wieħed ma jistax ma jindirizzahomx għax jekk ma nagħmlux hekk se jkun a skapitu tal-istabbilità sew politika u ekonomika.

 

F’din il-laqgħa Malta kellha vuċi u tkellmet fuq kull issue tal-Aġenda tal-G20. Madwar il-mejda tal-G20 Malta kellha s-saħħa għaliex kellha r-rizorsi u s-saħħa tal-blok kollu tal-Unjoni Ewropea, l-idejat tagħha, l-liġijiet li għaddiet, u l-pjanijiet għal quddiem. Fuq ċerti suġġetti Malta kellha wkoll interess dirett bħall-inizjattiva tal-Kumpatt mal-Afrika kif ukoll l-issue ta’ nuqqas ta’ ċertu servizzi bankarji magħrufin bħala ‘correspondent banking’. Fuq dawn nitkellmu aktar il-quddiem.

 

Malta qagħtet figura tajba għaliex preżenti kien hemm madwar il-mejda mhux biss il-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi l-kbar imma wkoll il-kbarat u l-mexxejja tal-istituzzjoniet globali bħal IMF, WORLD BANK, OECD, FATF u oħrajn.

 

Fuq kollox f’Baden-Baden il-bandiera Maltija kien tidher tperper għall-ewwel darba ma dawk tal-pajjiżi kollha tal-G20.

 

Il-Ġimgħa 24 ta’ Marzu 2017

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *