Malta hi Tax Haven?


Jekk hemm kelma li qed tintuża ħafna fil-midja sew lokali u speċjalment barranija hija l-kelma Ingliża, tax haven, li tfisser port kenni jew x’imkien fejn jipproteġi mit-taxxa. Il-frażi użata mill-Franċiżi u t-Taljani hija paradis fiscal u paradiso fiscale, jiġifieri ġenna fiskali. It-tlett frażijiet jirreferu għal kenn mill-ħlas tat-taxxa, però, kenn mil-liema taxxa? Taxxa għolja. Jiġifieri tax haven tfisser post, jew aħjar pajjiż jew ġurisdiżżjoni, fejn inti ssib il-kenn meħtieġ biex ma tħallasx taxxa ta’ pajjiżek.
 
Issa biex inkunu ċari, dawn ma twieldux illum, iżda fi żmien meta r-rati tat-taxxa f’ħafna pajjiżi kienu ħafna iktar għolja minn tal-lum, tant li kienu jitilgħu ‘l fuq minn 60, 70 u 80 fil-mija. Immaġinaw per eżempju plejer jew artist li jkollu jħallas 80 ċenteżmu lill-Gvern għal kull euro li jaqla’. Dan kien wassal biex ħafna artisti marru jgħixu f’pajjiżi oħra. Dak iż-żmien għadda. Però dak iż-żmien welled dawn l-offshore tax havens, gżejjer żgħar fil-Paċifiku jew fil-Karibew ‘l bogħod minn kulħadd, fejn wieħed jista’ jiddepożita flusu mingħajr ma jagħti informazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa. Mhux talli hekk, talli wieħed jispiċċa jiffranka għax ma jħallasx it-taxxa fuq dak id-dħul li ma jkunx iddikjarat. Dik kienet il-moda ta’ ċertu kumpaniji f’dak iż-żmien u għadna insibuhom magħna sal-lum il-ġurnata.

 

harbour fisheye

 
Iżda f’ tax haven ma nsibux biss ir-rata baxxa ta’ taxxa, iżda wkoll is-segretezza. Għalhekk kienu jissejħu tax haven għax parti mill-kenn provdut tikkonsisti fis-segretezza. U fejn hemm is-segretezza sintendi imbagħad hemm flus li jkunu ġew minn attivitajiet legali bħal fil-każ ta’ artisti, kantanti u oħrajn, imma hemm flus li jistgħu jkunu ġejjin mill-korruzjoni, mid-dittaturi f’pajjiżi speċjalment fl-Afrika u bnadi oħra, fejn kienu jaħbu flushom li ġejjien mill-korruzjoni. Għalhekk, il-kelma tax haven m’għandhiex konnotazzjoni tajba.
 
Però wieħed irid jagħmel premessa importanti, jiġifieri li mhux kull ġurisdizzjoni fejn it-taxxa hija baxxa tfisser li hija tax haven. Din hija mportanti ħafna biex nifhmu l-kunċett anke vis-à-vis pajjiżna.
Huwa minnu li fit-tieni nofs tat-tmenijiet, il-Gvern Nazzjonalista ġietu l-idea li jekk gżejjer oħra jistgħu jagħmluha u qed jaqilgħu ħafna flejjes minnha, għax m’għandniex nagħmlu Malta offshore tax haven wkoll? Fil-fatt twaqqfet il-Malta International Business Authority (MIBA). Però m’għaddewx wisq snin qabel ma rrealizzajna li dik mhux it-triq li wieħed għandu jimxi fuqha għax ma tkunx aċċettabli għal pajjiż li kien fuq l-għatba tal-Unjoni Ewropea, fejn aħna ridna nsiru membri fil-bidu tas-snin disgħin. Kien għalhekk li waqqafna din is-sistema u qlibna għal sistema iktar aċċetabbli li hija l-onshore jurisdiction. Jiġifieri neħħejna ħafna mill-karatteristiċi li kienu jiddeskrivu l-offshore tax havens ta’ dak iż-żmien.
 
Minn dakinhar, aħna mhux biss għamilna hekk imma wkoll neħħejna s-segretezza minn fuq il-kontijiet bankarji. Qabel kienu jeżistu ċ-ċedoli bin-numri u isem id-depożitant ma kienx jidher, però sintendi jekk titlef il-ktieb tispiċċa bla flus. Dan kollu kien twaqqaf dakinhar.
 
Bdejna wkoll nikkoperaw mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, speċjalment wara li sseħibna magħhom, biex ikun hemm anke skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa; dik li tissejjaħ automatic exchange of information. Jiġifieri aħna nistgħu ngħaddu informazzjoni dwar barranin li jgħixu u għandhom kontijiet f’Malta b’mod awtomatiku lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ dawn l-individwu. L-istess jiġri għal dawk il-Maltin għandhom kont barra, speċjalment fl-Ewropa. Mhux talli hekk, talli issa jiena ffirmajt anke ftehim ma’ pajjiżi oħra barra mill-Unjoni Ewropea fejn speċjalment mal-Amerika b’rabta mal-FATCA, kif ukoll il-ftehim ta’ Berlin, fejn aktar ġurisdizzjonijiet bħal Signapore u oħrajn qegħdin jidħlu f’dan in-network fejn jikkoperaw f’dik li hija skambju ta’ informazzjoni fuq kontijiet miftuħa b’banek ta’ dawk il-pajjiżi.
 
S’issa rajna li tipikament f’tax haven insibu segretezza u liġijiet laxki dwar minn fejn ikunu ġejjin dawn il-flus. Barra minn hekk, hemm nuqqas ta’ istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni jiġifieri f’dawn it-tax havens ikun hemm ukoll il-ħasil tal-flus. F’pajjiżna mhux biss għandna dawn l-istituzzjonijiet, iżda wkoll il-liġijiet u l-prattiċi ta’ pajjiżna jiġu evalwati mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u mill-Organisation for Economic Co-operation and Development (OECD) u dejjem sabu li pajjiżna huwa kompattibli daqs pajjiżi avvanzati f’dik li tidħol anti-money laundering, jiġifieri għandek ir-rapporti li joħorġu kull sena li wieħed ikun jista’ jara l-awtorijiet kemm għandhom każi u kemm penali għamlu fuqhom.
 
Issa meta niġu għat-taxxa, pajjiżna li huwa żvantaġjat peress li m’għandux riżorsi, irid jara li t-taxxa tkun kompetittiva, u din m’hijiex xi ħaġa li wieħed għandu jistħi minnha. Anzi fil-fatt issa qed naraw kif wara l-elezzjoni ta’ Donald Trump bħala l-President il-ġdid tal-Amerika (fejn mistenni jieħu l-ġurament tal-ħatra illum) Donald Trump u r-Renju Unit wara r-riżultat tar-referendum tal-Brexit qed isir diskors fuq il-bżonn li titwaqqa’ t-taxxa fuq il-kumpaniji ħalli pajjiżhom ikun attraenti għall-investiment, xi ħaġa li pajjiżna ilu jgħid dan għal tul ta’ snin. Jiġifieri m’hemm xejn ġdid. Sakemm il-pajjiż ikun qed jara li t-taxxa tiegħu hija kompettitiva però fl-istess ħin ma jkunx hemm segretezza u jkun hemm skambju ta’ informazzjoni, m’għandux jissejjaħ tax haven.

 

orizzont thumbnail

 
Però meta qed ngħidu hekk, fl-istess ħin, mhux qed infissru li kumpaniji kbar jilgħabu bir-reġim ta’ taxxi biex issibu loopholes u jispiċċaw ma jħallsu xejn taxxa. F’dan ir-rigward, pajjiżna jikkopera bis-sħiħ ma’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. Fid-dinja tal-llum nistennew li kumpaniji kbar bħal Google, Amazon u Starbucks iħallsu t-taxxa x’imkien u allura dawn id-direttivi li għaddejjin bħalissa huma għal dan l-għan u mhux biex kull pajjiż ikollu l-istess taxxa. Għax żgur li dik ma naċċettawiex, u lanqas illi b’mod artifiċjali il-profitti ta’ kumpanija jitpoġġew f’pajjiż ieħor xi ħaġa li ngħidulha Common Consolidated Corporate Tax Base (CCCTB). Qegħdin, għalhekk nitkellmu ma’ pajjiżi oħra fil-funzjoni tagħna ta’ Presidenza fil-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) biex minn naħa waħda naħdmu kontra l-ħasil tal-flus u minn naħa l-oħra naraw li ma nħallux kumpaniji li jevadu taxxa fuq skala internazzjonali.
 
Din in-network ħa tikber u aħna mill-OECD ser naraw li ma jkunx hemm pajjiżi oħra fil-Paċifiku, fil-Karibew fost oħrajn li jieħdu l-opportunità minn dawn ir-restrizzjonijiet li aħna qegħdin niftehmu fuqhom biex imbagħad il-flus jaħarbu u jmorru hemmhekk, f’dan il-każ dawn il-pajjiżi jissograw jiġu blacklisted. Għalhekk din hija xi ħaġa fuq skala globali li ‘l quddiem ħa tisimgħu fuqha għax dan huwa progress li bil-mod il-mod irridu naslu għalih.
Altru li Malta m’hijiex tax haven.

 

– Friday, 20th January, 2017

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *