Malta fil-Quċċata tat-Tkabbir Ekonomiku


Din il-ġimgħa l-aġenzija tal-istatistika Ewropea Eurostat ippubblikat r-rata ta’ tkabbir ekonomiku għal pajjiżna għat-tielet kwart ta’ din is-sena. Din ir-rata kienet waħda kbira ta’ 3.8 fil-mija. Xi tfisser din għalina?

L-ewwelnett, biex wieħed jara l-kobor tagħha, jew iqis kemm hija b’saħħitha din ir-rata, wieħed għandu jikkomparaha mar-rati tas-seba’ u għoxrin pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea. Nistgħu nikkumparawha wkoll ma’ barra mill-Unjoni Ewropea, iżda l-UE tirrappreżenta familja kbira ħafna ta’ pajjiżi li kollha qegħdin fl-istess sitwazzjoni.

eurostat_logo

Meta nagħmlu dan il-paragun, insibu li Malta qiegħda fil-quċċata tat-tkabbir ekonomiku. Qbiżna lil kull pajjiż ieħor f’dan ir-rigward. Allura wieħed bilfors irid jinnota u jagħti kas dak li qed jiġri f’pajjiżna u li mhux jiġri f’pajjiżi oħra. Liema huma s-setturi li qed jikbru? Ir-riċessjoni Ewropea mhix qiegħda tolqotna?

Il-verita` hi li r-riċessjoni qiegħda tolqotna, speċjalment is-settur tal-manifattura. Iżda minkejja dan, l-esportazzjoni hija stabbli u dan b’mod ġenerali. Ovvjament, ikun hemm fejn seħħ tnaqqis u fejn seħħet żieda, imma b’mod medju baqa’ stabbli, u l-impjiegi ma waqgħux. Infatti ta’ min jinnota li, sena fuq sena, l-impjiegi żdiedu b’aktar minn tliet mijja f’settur li suppost qed jaqla’ daqqa kbira.

Dan ir-riżultat pożittiv għat-tielet kwart tas-sena qed jimpressjona għall-fatt dan mhuwiex tkabbir staġjonali, imma tkabbbir sostnut u b’saħħtu li ġie rreġistrat anki fix-xhur preċedenti. Tant hu hekk li meta nħarsu lejn l-ewwel disa’ xhur tas-sena, nsibu li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku medja hija ta’ 3.5 fil-mija. Din ir-rata hi l-istess rata li aħna qed nbassru għas-sena d-dieħla. Irnexxielna nilħquha din is-sena. Din hi ħaġa li ttina sodisfazzjon kbir, kif ukoll kuraġġ li r-rata tas-sena d-dieħla m’għandhiex tkun diffiċli biex nilħquha, u nisperaw ukoll li nissuperawha.

Dan it-tkabbir inkorraġġjanti juri wkoll li kull settur ekonomiku kellu tkabbir. Jekk hix il-kostruzzjoni, jekk humiex tal-ħwienet. Ngħid biss li b’rigward dħul minn salarji u pagi, sena b’sena, insibu li kellna żieda ta’ mija u sittin miljun (160) ewro mis-salarji u mill-pagi, mis-sena ta’ qabel. Dawn huma mija u sittin miljun żieda fid-dħul għall-familji u għall-individwi, li parti l-kbira ntefqu tant li l-konsum żdied minn sena għal sena b’rata annwali ta’ mija u għoxrin (12) miljun ewro iżjed mis-sena ta’ qabilha.

 

orizzont_featured

 

Għalhekk f’dak li hu nfiq fil-ħwienet dawk tal-merċa kellna żieda ta’ tmienja u sittin miljun (68) ewro aktar, u għalhekk dak is-settur qed iżid l-impjiegi b’sitt mitt ruħ oħra għaliex hemm in-negozju. Dan kollu kien possibbli għax dan il-Gvern kien il-mutur ta’ imbuttatura li wassal għal żieda fl-investiment, fl-esportazzjoni, fit-turiżmu, fit-tkabbir ekonomiku, u fil-fiduċja tal-poplu u tal-investituri li l-pajjiż sejjer għall-aħjar.

Dan qed iseħħ f’pajjiżna għaliex għandna l-istabbilta` u għandna ukoll Gvern li qed jixpruna permezz tal-baġit tiegħu u fuq il-miżuri kollha tiegħu, mibnija fuq is-suċċess li kellna fil-baġit li ppreżentajna s-sena li għaddiet. Jiena fiduċjuż li b’dawn il-miżuri li għandna f’dan il-baġit għas-sena d-dieħla, jitkompla dan it-tkabbir ekonomiku, filwaqt li naraw li dan it-tkabbir jilħaq lil kulħadd.

 

– Friday, 19th December, 2014

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *