Made in Germany


Ir-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bejn ir-Repubblika ta’ Malta u r-Repubblika Federali Ġermaniża bdew ħafna qabel ma’ Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea. Xhieda ta’ dan huwa l-investiment qawwi Ġermaniż f’pajjiżna li rranka fis-snin sebgħin u kompla jissaħħah tul is-snin. Ir-rabtiet politiċi wkoll huma b’saħħithom u dan hu rifless fil-ħafna żjarat uffiċjali bejn l-ogħla awtoritajiet Maltin u Ġermaniżi fiż-żewġ pajjiżi rispettivi. L-aħħar minn dawn iż-żjarat saret propju x-xahar li għadda f’Malta minn delegazzjoni parlamentari Ġermaniża mmexxija mill-Professur Norbert Lambert, President tal-parlament Ġermaniż il-Bundestag.

L-ekonomija tal-Ġermanja hija l-akbar fl-Ewropa u l-influwenza tagħha fl-Unjoni Ewropea u speċjalment fiz-zona ewro hija daqstant sinifikanti. Bħala membru taz-zona ewro Malta għanda tkun ferm interessata dwar x’messaġġ qed twassal il-Ġermanja u tara fejn, u fejn mhux, jgħodd għaliha dan il-messaġġ.

Meta tħares lejn iz-zewġ pajjiżi naħseb li ma jistgħux ikunu daqshekk differenti minn xulxin. Il-Ġermanja għalkemm bħalna huwa membru tal-Unjoni Ewropea, huwa l-ikbar pajjiż, jipproduċi kważi kwart  tal-ġid tar-reġjun Ewropew u s’intendi għandu influwenza politika qawwija fl-istituzzjonijiet ewlenin ewropej. Biss biss fil-Parlament Ewropew għandek 99 Membru Parlamentari Ewropew mentri aħna għandna sitta.  Il-Ġermanja tinsab fit-Tramuntana tal-Ewropa u għandha ħafna riżorsi naturali u kapital għoli ras għal ras. Il-Ġermanja hija magna ekonomika kbira li jirnexxilha tesporta mad-dinja kollha u aħna pajjiż żgħir ħafna, Mediterranju, bl-iżgħar ekonomija fl-Unjoni Ewropea, u mingħajr riżorsi għajr għal dawk umani.

Il-popli taż-żewġ pajjiżi għandhom rispett reċiproku. Il-Maltin kienu jammiraw il-Ġermaniżi għal mod dixxiplinat u għall-qlubija tagħhom anke saħansitra fil-gwerra meta dawn kienu l-għadu tagħna. Jiena naħseb li anke l-Ġermaniżi iħarsu lejna b’mod pożittiv, għall-fatt li aħna nitkellmu bl-Ingliż u  minħabba l-fatt li mill-Ingilterra writtna ċerti dixxiplini iktar minn pajjiżi Mediterranji oħra u allura hemm ċertu affinita’. Fil-fatt dan deher l-iktar fl-aħħar tas-snin sebgħin meta kellna dak l-investiment qawwi minn dan il-pajjiż. Kellna numru konsiderevoli ta’ kumpaniji Ġermaniżi li twaqqfu f’Malta, ħafna minnhom minn kumpaniji mmexxija minn familji Ġermaniżi. Xi ftit minnhom għadhom Malta sal-lum.

Mudell Ekonomiku

Kollox ma’ kollox Malta għandha x’titgħallem minn  mudell ekonomiku Ġermaniż? Nahseb li għandha. Ħu d-dixxiplina. Id-dixxiplina tiġi minnhekk innifsek jew minn kumpanija nnifisha, iktar milli tiġi infurzata mill-gvern jew mir-regolamenti. Jekk inti tonqos tkun qiegħed titfa dak il-piż fuq ħaddieħor. Ċertament hemm differenza fil-produttivita’ qawwija li għandhom il-Ġermanja. Minkejja dan il-fatt meta l-Ġermaniżi ġew Malta kienu kuntentissimi u jiftaħru li ħafna drabi l-produttitivita’ taħt it-tmexxija u taħriġ tagħhom kienet tlaħħaq u kultant tiżboq dik li kienu jilħqu fil-Ġermanja.

Il-Ġermaniżi għandhom mudell ieħor uniku, dak ta’ kif għandu jkollok parteċipazzjoni vera fl-azjenda, bħal per eżempju, fejn direttur ħaddiem jipparteċipa fuq il-bord tal-kumpanija. Aħna kellna dan l-esperiment. Kien fit-Tarznari u xi bnadi oħra, fosthom xi banek u kumpaniji parastatali. Izda ma kellux sapport, beda jmajna u fl-aħħar twaqqaf għal kollox minn dan il-gvern.

Fil-Ġermanja dan huwa l-mezz kif jintlaħaq ftehim bejn il-ħaddiema u minn jimpjegagħom biex jagħmlu ċertu sagrifiċji f’ċertu żminijiet partikolari, pero imbagħad jiggwadanjaw u jaqsmu f’dak il-ġid li jkun inħoloq b’ċertu miżuri li jkunu ittieħdu. Jiġifieri dan il-mudell irnexxa biex il-Ġermanja tiddivalwa internament u b’hekk iggwadanjat il-kompetittivita’ li ġiet riflessa f’dik li hi esportazzjoni qawwija u tkabbir ekonomiku.

Aspett ieħor hu l-enfasi li l-Ġermanja tagħti lit-teknika u l-enġinerija.  Għalina fil-passat kienet qisa xi ħaġa baxxa li tifel jew tifla jagħzlu xi sengħa minnflok jitgħallmu “l-iskola” bħallikieku dawn huma kontra xulxin. Mhux hekk fil-Ġermanja, it-teknika hija parti integrali mal-mod tat-tkabbir ekonomiku.

Pero mhux kull ma’ temmen fih il-Ġermanja jgħodd għalina. Dan jgħodd speċjalment għall-mod ta’ kif tħares lejn l-ekonomija . Il-Ġermanja sfortunatament il-lum qegħda tipprattika politika u trid lill-Unjoni Ewropea u partikularment liz-Zona Ewro tipprattika din it-tip ta’ politika ekonomika illi nsejhula klassika, dik purament kif iħares lejha bankier. Dik illi biss trażżan id-dejn u xejn iżjed.  Bħala ekonomisti aħna wkoll naqblu li hekk għandu jkun fuq medda twila ta’ żmien. Imma mhux għal-żmien qasir. Meta inti qiegħed f’riċessjoni ma’ tistax tagħmel dawn il-programmi ta’ awsterita’ għax inkella twaqqa l-ekonomija f’riċessjoni kbira jekk mhux ukoll f’dipressjoni. Dan lanqas ma jgħin biex twaqqa’ d-dejn innifsu. Dan l-argument loġiku l-Ġermaniżi ma jridux jarawh u qed iwebbsu rashom.  Waslu biex iġegħlu l-pajjiżi fiz-zona ewro, inkluż Malta, li jbiddlu l-Kostituzzjoni tagħhom biex jiżguraw li dak li jemmnu fih huma nintrabtu li nagħmluh. Din hija magħrufa bħala l-‘Golden Rule’ li titlob li jiġri x’jiġri f’pajjiż dejjem irid ikollu l-bilanċ strutturali bejn l-infieq u d-dhul. Ħaġa sabiħa li tilħaqa fuq medda ta’ snin, pero sakemm ikun inqala’ l-għawġ fi żmien qasir jista jkun li jkollok bżonn politika differenti.

Kien dan l-aħħar biss li l-Ġermanja bdiet tkun daqxejn iktar flessibli. Il-Kummissjoni Ewropea baqgħet tkun influwenzata mill-Ġermanja u ma wettqitx programmi ta’ tkabbir ekonomiku. Fil-bidu ta’ April fi Strasburgu l-President tal-Kummissjoni Ewropea Barosso beda jlissen, jagħti għallinqas ‘lip serviċe’ lil dan il- bżonn ta’ investiment, ta’ tkabbir, u ta’ ħolqien ta’ impiegi. Dawn huma affarijiet li aħna tal-Grupp Soċjalisti u Demokratiċi ilna ninsistu fuqhom pero qatt ma ingħatajna widen. Issa bdew jissemmew. Il-kritika tagħna hija li mhux biss issemihom trid iżda jeħtieġ li jsir programm ta’ azzjoni. Nisperaw li l-Ġermanja tiġi influwenzata minn dan u taqbel miegħu.

Fl-isfond ta’ dan kollu għad hemm xorta minn hu xettiku dwar jekk il-Ġermanja tikkonvinċix ruħha biex trattab xi ftit rasha dwar il-politika ekonomika tagħha. Jiena naħseb iżda li peress li qegħda tiġi issikita ħafna u ċ-ċirkustanzi ekonomiċi tant sejrin għall-agħar, fl-aħħar is-sens komun se jwassal biex il-Ġermanja taċċetta xi ftit minn dak li qed ninsistu fuqu aħna s-Soċjalisti u Demokratiċi Ewropej.

 

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 7 ta’ Mejju, 2012


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *