Lil hinn mill-Prodott Gross Domestiku


Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li għadna fiha bħalissa qegħda timbuttana biex nagħmlu affarijiet li forsi kaxkarna saqajna biex nagħmluhom fil-passat.  Hekk per eżempju billi llum hemm il-biża li t-tkabbir ekonomiku ma jkunx daqshekk qawwi daqs kemm kien f’dawn l-aħħar għaxar jew anke għoxrin sena li għaddew, hemm bżonn li l-gvernijiet issa jieħdu deċiżjonijiet kruċjali. Iridu jkunu aktar attenti biex jaraw li l-ftit ġid li jinħoloq jitqassam sew. Iżda daqshekk importanti hu li r-riżultat ta’ din il-politika jiġi mkejjel permezz ta’ indikaturi li juruna jekk tassew din il-politika hux qed taħdem.

 

Ma nistgħux naraw gvernijiet jiftaħru biss bit-tkabbir ekonomiku u imbagħad tmur tkellem il-familji u jgħidulek li l-kundizzjoni tagħhom tkun ferm il-bogħod minn dak li jkun qiegħed jintqal jew jiġi ppublikat permezz ta’ l-istatistika. Jiġifieri l-familji qed ikunu kompletament distakkati minn din l-istatistika li suppost qegħda hemm biex tirrifletti l-kwalita’ tal-ħajja tagħhom.

 

Għalhekk wasal iż-żmien illi kull gvern irid ikun ċar dwar x’inhi s-sitwazzjoni lil hinn minn dak l-indikatur, li għalkemm jibqa’ ħafna importanti minħabba il-Prodott Gross Domestiku jkejjel l-produzzjoni li tiġġenera l-ekonomija u li tesporta prodotti u servizzi barra l-pajjiż, mhux sodisfaċenti biex jagħti stampa kompleta. Mihiex stampa korretta ta’ sitwazzjoni fejn l-ambjent imur għall-agħar, jew inkella jkollok is-servizzi tas-saħħa imorru għall-agħar filwaqt li l-Prodott Gross Domestiku jibqa sejjer il-quddiem. Hawn żgur li l-PGD mhux qed jirrifletti l-vera kundizzjoni tal-poplu.

 

Għalhekk huwa importanti li l-istatistika tiffoka fuq dak li hu relevanti u  importanti għall-familja u l-kwalita’ tal-ħajja tagħha.

 

Fil-fatt anke f’pajjiżi sotto żviluppati ukoll ħolqu dak li ngħidulu ‘Human Development Index’. Indiċi li jmur lil hinn mill-Prodott Gross Domestiku. Per eżempju kemm hemm tobba għal kull elf ruħ, u statistika simili. Jiġifieri issa hemm bżonn li fil-pajjiżi avvanzati nagħżlu dawk l-indikaturi veru relevanti biex l-gvernijiet jibdew jipproduċuwhom. B’hekk il-poplu jkun jaf veru x’inhi l-kundizzjoni tiegħu fil-pajjiż.

 

Ġimgħatejn ilu  jiena kont  il-kelliem ewlieni fl-ewwel sessjoni ta’ konferenza Ewropea organizzata f’Pariġi mill-Organizzazzjoni Ekonomika Għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp, l-OECD. Din il-konferenza li għaliha attendew mat-tlett mitt espert minn madwar l-Ewropa tittratta l-mod kif għandu jitkejjel il-Prodott Gross Domestiku biex jirrifletti aħjar il-kwalita’ tal-ħajja. Fost il-kelliema oħra ewlenin kien hemm il-Kap tal-Eurostat Walter Rademacher, d-deputat Segretarju Ġenerali tal-OECD Yves Leterme kif ukoll il-Kummissarju Ewropew dwar it-Tassazzjoni Algediras Semetas. Din kienet konferenza importanti ħafna għaliex matulha ġew preżentati u diskussi ħafna studji li saru minn diversi entitajiet pubbliċi u istituzzjonijiet importanti tul dawn l-aħħar snin dwar is-suġġett.

 

Studji

Il-konferenza  f’Pariġi kienet il-qofol ta’ snin kbar ta’ xogħol minn universitajiet, minn gvernijiet u minn uffiċji ta’ l-istatistika biex ikomplu jaħdmu dwar indikaturi ġodda li jridu jmorru lil hinn mill-Prodott Gross Domestiku. Bħal ma nafu l-Prodott Gross Domestiku huwa l-mod kif il-gvernijiet ikejlu s-suċċess tagħhom u t-tkabbir ekonomiku pero ilu żmien twil li indunaw illi dan mhuwiex biżżejjed u mhux indikatur ċar, anzi jagħti kultant stampa mhux preċiża ta’ x’inhi s-sitwazzjoni fil-familji u fid-djar ta’ dak il-pajjiż partikulari. Huwa għalhekk li wara ħafna xogħol sew fuq l-indikaturi ambjentali, indikaturi fuq il-faqar, indikaturi fuq it-tqassim tal-ġid, fuq il-kundizzjonijiet tas-servizzi li jingħataw mill-gvernijiet, fuq it-trasport, fuq is-saħħa issa  kull ma mmoru qegħdin nersqu biex f’Konferenza Internazzjonali li ser issir f’Ottubru fl-Indja jittieħdu d-deċiżjonijiet biex titwettaq armonizzazzjoni ta’ din l-istatistika ġdida. Dan kien il-qofol f’din il-konferenza li ġejt mistieden biex nagħti il-‘key address’ fejn  irrapreżentajt lil-Parlament Ewropew.

 

 

Tibdil

Fl-isfond ta’ dan it-tibdil żgur li se jkun hemm effett fuq il-gvernijiet u l-leġislaturi fiż-żmien li ġej. Dan għaliex li jiġri hu li l-gvernijiet jimxu bħal ma student jimxi fl-eżami. Qabel ma jmur għall-eżami jistudja biss dawk l-affarijiet li jaħseb li ħerġin fl-eżami. Il-gvernijiet jaħdmu biex kemm jista jkun jimbuttaw dak l-indikatur li jkun qed jirifletti s-suċċess tagħhom.

 

Issa jekk dak l-indikatur huwa t-tkabbir ekonomiku biss, il-Prodott Gross Domestiku allura ssib li l-politika tal-gvern tiġi determinata minn dak l-indikatur biss. Jekk jaraw settur wieħed per eżempju s-settur finanzjarju jikber u anke jekk ikun bużżieqa u anke jekk ikun qiegħed iżid il-Prodott Gross Domestiku iħalluh isir għaliex se jkompli jimbotta ‘l quddiem dak l-indikatur. Imma jekk l-indikatur tagħhom, per eżempju fil-baġit minflok nitkellmu fuq it-tkabbir ekonomiku nitkellmu b’indikaturi ġodda ta’ l-ambjent fil-pajjiż, il-kundizzjonijiet tas-servizzi tas-saħħa, s-serviżżi li jingħataw mill-iskejjel, l-prodott tal-universitajiet tagħna, t-trasport u anke servizzi pubbliċi oħra jkollna stampa iktar ċara.

 

Iridu jaraw anke l-kundizzjonijiet tal-familji u  nieħdu dawn l-indikaturi bħala l-miri tagħna fi żmien il-baġit biex b’hekk il-politika tal-gvern tkun iffukata fuq dak li jgħodd biss għall-familji. Dan billi jagħmlu politika differenti milli kien hemm qabel.

 

Għalhekk l-indikatur huwa importanti, mhux bħala xi ħaġa fejn ix-xjenzati joqgħodu jilgħabu bl-istatistika u bl-indikaturi imma biex ibiddlu id-direzzjoni tal-politika tal-gvernijiet li tkun mill-lum il-quddiem iktar taħseb fil-familji, u l-kundizzjonijiet tagħhom.  Fuq kollox fuq il-kwalita’ tal-ħajja. Dan huwa l-indikatur li rridu naslu għalih. Il-kwalita’ tal-ħajja hi fuq kollox dak li jridu n-nies mhux ċaqlieq biss f’xi indikatur li jħossuhom il-bogħod minnu.

 

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 9 ta’ Lulju 2012

 

 


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *