Lejn titjib fl-Infrastruttura tal-pajjiż


Wasal iż-żmien tas-sena fejn bħala Ministru tal-Finanzi irrid nippreżenta l- Pre Budget Document jiġifieri d-dokument ta’ qabel il-baġit. Fil-fatt kmieni din il-ġimgħa ppreżentajtu lill-imsieħba soċjali fi ħdan l-MCESD. Lill-imsieħba soċjali nagħtuhom priorità għar-raġuni li fl-MCESD, permezz tal-unjins ewlenin tal-pajjiż għandek rappreżentati sezzjonijiet kbar tal-ħaddiema. Imma mhux biss. Fl-MCESD għandek ukoll dawk li huma self employed. Għandek ukoll dawk li jħaddmu, rappreżentati mill-Malta Employers Association, miċ-Chamber of Commerce, mill-GRTU u l-MHRA.

Huma kollha kemm huma interessati fl-ekonomija ta’ pajjiżna, dwar l-andament tagħha. Dwar x’qegħdin nistennew minnha għall-futur. Dwar x’inhuma l-ħsibijiet tal-Gvern biex jindirizza l-bżonnijiet tal-pajjiż. Huwa mezz li bih il-Ministru tal-Finanzi jitkellem mal-imsieħba soċjali dwar l-andament kollu tal-ekonomija ta’ pajjiżna, inkluż dwar il-Pre Budget Document.
Il-Pre Budget Document mhux il-baġit innifsu jew inkella dettalji ta’ x’nistennew fil-baġit, imma b’mod miftuħ jagħti l-ewwel andament eżistenti tal-ekonomija. Minn fejn tlaqna, fejn wasalna u fejn naħsbu li se mmorru għas-snin li ġejjin. L-istess għall-finanzi tal-Gvern. Naraw x’irnexxielna nagħmlu sew fis-snin li għaddew, speċjalment is-sena l-oħra fejn ilħaqna surplus. Naraw jekk hux qegħdin nistennew li dan jitkompla għal din is-sena u l-istess għas-sena d-dieħla fejn imbagħad ikun imiss mal-baġit għas-sena 2018.

Dawn huma spejjeż li ma tistax tittraskurahom għax jekk nittraskurawhom tkun kawżata konġestjoni, li min-naħa tagħha mbagħad toħloq brejkijiet fuq l-iżvilupp tal-pajjiż.

L-iskop huwa ukoll li wieħed jagħti direzzjoni filwaqt li jħalli lill-imsieħba soċjali jgħidu tagħhom, jagħtu l-proposti tagħhom. Fil-fatt lejn l-aħħar ta’ Awwissu, bħala Ministru tal-Finanzi nikkunsidra l-proposti ta’ dawn l-għaqdiet kif ukoll proposti mill-pubbliku. Huma kollha parti minn eżerċizzju ta’ konsultazzjoni wiesgħa u meħtieġa. Eżerċizzju li jgħin lill-Gvern fi tfassil ta’ iktar miżuri skont il-bżonnijiet tal-pajjż.

Pero f’dan id-dokument ma jkunx hemm dettalji dwar miżuri speċifiċi. Dak isir permezz tal-qari tal-baġit innifsu meta tasal il-ġurnata tal-preżentazzjoni tal-baġit fil-Parlament.
Illum qegħdin naraw l-andament kif ukoll dik il-viżjoni, il-punti saljenti. Upgrading Malta’s Infrastructure huwa fil-fatt kif intitolajna dan id-dokument.
Huwa l-impenn tagħna li inwieġbu għall-bżonn li tittejjeb l-infrastruttura tal-pajjiż. Irid ikollna infrastruttura li tikkumplimenta t-tkabbir li rnexxielna niksbu fl-ekonomija tagħna. Fi kliem sempliċi: l-ekonomija tagħna jixirqilha libsa ġdida, libsa addattata għaliha.

B’infrastruttura m’aħniex nifhmu biss toroq. Mhux qegħdin nitkellmu biss fuq tunnels jew bridges jew bypasses imma qegħdin nitkellmu dwar infrastruttura inġenerali. Infrastruttura għat-turiżmu, infrastruttura għas-swieq tax-xogħol, li hemm bżonn inkunu iktar ampji li min iħaddem ikun iktar faċli għalih isib nies b’ħiliet meħtieġa għall-bżonnijiet tal-azjendi u negozji tagħhom. Ifisser li huwa importanti li ndaħħlu f’moħħna li meta l-ekonomija tikber b’rati kbar, bħalma fil-fatt ġara f’dawn l-aħħar erba’ snin, se jkun hemm dak li ngħidulu wear and tear meta l-affarijiet jintużaw ħafna. Almenu dan huwa dak li jistennew l-ekonomisti.

Kawża ta’ dan il-wear and tear tbati l-infrastuttura inġenerali, bħal per eżempju tbati ż-żamma tal-indafa. Insejħulha infrastruttura, iżda biha nkunu qegħdin infissru kwalunkwe ħaġa li tkun qed tikkumplimenta u tgħin biex setturi diversi, sew finanzjarji, fl-Igaming, fit-turiżmu, fil-manifattura jikbru b’rati mgħaġġla.

 

Sadattant, meta dawn is-setturi jikbru b’rata mgħaġġla ikun hemm ukoll dawk li bl-Ingliż ngħidulhom costs esterni, spejjeż konsegwenzjali li jintefgħu fuq ħaddieħor. Spejjeż konsegwenzjali bħalma huma nuqqas ta’ indafa, it-tniġġiż tal-arja, l-istorbju. Dan huwa l-wear and tear kawżat minn ekonomija li tkun għaddejja b’ritmu mgħaġġel u li wieħed ikun irid jindirizzahom.
Dawn huma spejjeż li ma tistax tittraskurahom għax jekk nittraskurawhom tkun kawżata konġestjoni, li min-naħa tagħha mbagħad toħloq brejkijiet fuq l-iżvilupp tal-pajjiż. Ixxekkel jekk mhux ukoll twaqqaf ir-ritmu li tkun għaddejja bih l-ekonomija. Xi ħaġa li l-Gvern huwa determinat li ma jħallix li jiġri. Brejkijiet bħal dawn ma rriduhomx, m’għandnix bżonnhom. Anzi.
Lill-ekonomija aħna rridu nagħmlula triq aktar wietja ħalli tkompli tikber b’rata mgħaġġla. Dan huwa importanti li jsir għax nafu li l-ġid li joħroġ mit-tkabbir ekonomiku ikun jista’ jitqassam. Bih nippruvaw nilħqu lil kulħadd.

Mill-baġit li ġej se nkomplu naraw li dawk il-pockets li sal-lum jistgħu għadhom ma ntlaħqux mir-riżultat tajjeb tat-tkabbir ekonomiku li sar, jibdew huma wkoll igawdu minn dan il-ġid. Se nkomplu naraw li verament kulħadd igawdi minn dan il-ġid. U dan ma japplikax biss għall-istrati umani tas-soċjetà, imma wkoll b’mod ġeografiku tal-pajjiż. Se naraw li ebda parti tal-pajjiż, min-naħa t’isfel tiegħu sa Għawdex, ma tbati minn nuqqas ta’ attenzjoni. Kull strata umana tas-soċjetà tagħna u kull parti ġeografika ta’ pajjiżna se tkun qed tkompli tingħata, u fejn hemm bżonn titkattar, l-attenzjoni meħtieġa.

Dan huwa fl-interess ta’ kull ċittadin u ċittadina Maltija u Għawdxija. U hekk se jsir. Għax huwa b’hekk li l-pajjiż jibqa’ jiffjorixxi.

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *