Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest Articles, Maltese Articles


LEJN IL-BAĠIT GĦAS-SENA D-DIEĦLA

LEJN IL-BAĠIT GĦAS-SENA D-DIEĦLA

Jinsabu fl-aqwa tagħhom il-preparazzjonijiet għal baġit tas-sena d-dieħla, bix-xogħol fil-ministeru tagħna għaddej ġmielu, u b’ diversi laqgħat bejni u l-Prim Ministru. Ix-xhur tas-sajf nqattgħuhom nippruvaw għadd ta’ miżuri u noħorġu stima ta’ kemm se jkunu se jiġu jiswew lill-gvern.

Dan għaliex huwa importanti li l-gvern jagħmel l-estimi tiegħu qabel l-infiq, filwaqt li jrid jara wkoll li jagħmel stima ta’ kemm bejn wieħed u ieħor ikun ser idaħħal.

Id-dħul tal-gvern jiġi kkalkulat fuq bosta kriterji fosthom it-tbassir ekonomiku li huwa kruċjali għax huwa l-għajn li minnu jsir id-dħul tal-pajjiż.

Id-dħul tal-pajjiż jista’ jsir b’ metodi differenti fosthom mit-taxxa diretti, mill-‘income tax’, taxxa fuq il-kumpaniji, taxxi indiretti bħal VAT u s-SISA u oħrajn li jmorru bħad-dazju u l-bollol. Iżda apparti minn hekk ikun hemm ukoll transazzjonijiet ekonomiċi u dħul ieħor marbut ma’ propjetajiet tal-gvern, għotja mill-Bank Ċentrali u kif ukoll għotjiet jew grants mill-Unjoni Ewropeja. Dawn kollha huma għejun ta’ dħul għal pajjiżna.

Din l-istima tkun il-massimu li tista’ tonfoq bħala pajjiż, għax jekk ma rridux nisselfu wieħed irrid jgħix fil-mezzi tiegħu u ma jonfoqx aktar mid-dħul. B’hekk biss wieħed jista’ jwaqqaf id-deficit u jniżżel id-dejn.

Dan jissejjaħ ‘Planning Total’ jiġifieri l-gvern jagħmel stima ta’ kemm se jdaħħal fil-but u kemm minn dak id-dħul huwa se jonfoq.

Xi ħaġa bażika hi li forsi anke tixxokja lil ħafna nies hi li minn dak it-total għandek il-parti kbira tiegħu  diġaˋ kommessa. Ma hemmx diskrezzjoni ta’ xejn. Ngħidu aħna s-salarji tal-impjegati fosthom is-suldati, l-Pulizija, l-għalliema, in-nurses, it-tobba u ħaddiema oħrajn.  Magħhom  hemm il-pensjonijiet.

Hawnhekk tidħol l-importanza tal-ftehim kollettiv milħuq mal-ħaddiema għas-snin li ġejjin,  għax minn fuq dan il-ftehim wieħed ikun jista’ jikkalkula kemm ser tkun in-nefqa.

L-ispiża tas-salarji kollha tal-gvern huma proporzjon kbir għas-settur pubbliku flimkien mal-affarijiet tal-manutenzjoni u oħrajn bħas-safar, inkluż id-dawl, l-ilma u l-affarijiet kollha li wkoll jgħoddu spiża kbira ħafna li teċċedi t-tlett biljun ewro.

Allura mbagħad jifdal spazju żgħir ħafna fejn bil-għaqal nistgħu nagħmlu miżuri ġodda, sabiex tiġi mtejba s-sitwazzjoni aħjar milli kienet qabel. Minn dawn il-flus dejjem jifdal bejn għaxar u ħmistax il-miljun ewro, u jekk l-ekonomija tkun sejra tajjeb jista’ jkollok anke bejn għoxrin u tletin miljun ewro.

Meta wieħed jitkellem fuq miżuri ġodda ikun hemm ħafna dan għaliex it-talba u l-bżonnijiet huma kbar.

Eżempju jekk wieħed jagħti ħarsa lejn is-settur tas-saħħa, għandek il-pilloli li jiswew ħafna u kull ma jgħaddi qegħdin isiru iżjed sotisfikati iżda bi prezz akbar – b’ mod partikolari meta nsemmu dawk relatati mal-marda tal-kanċer.

Hemm oħrajn li ġew ivvintatti sabiex permezz tagħhom wieħed ibaxxi r-riskju ta’ ħsara kbira lil ġisem u anke r-riskju ta’ mewt, b’hekk aħna bħala gvern u skond il-mezzi tagħna nixtru dawn il-mediċini mbagħad inqassmuwhom skont min għandu bżonn.

Hemm ukoll il-fatt li s-sena d-dieħla ser ikollna aktar pensjonanti u nies li jaqbżu ċertu eta’, mela allura wieħed irrid jaħseb għalihom ukoll. Għalhekk wieħed irid iżid l-impjegati, l-ispiża, is-soddod u l-istituzzjonijiet li jilqgħu lil dawn in-nies sabiex jieħdu l-kura neċċessarja.

Għandna wkoll l-iskejjel, fejn għalkemm il-popolazzjoni Maltija hija stabbli, peroˋ l-popolazzjoni totali tan-nies li qed jiġu f’ pajjiżna qed tiżdied, u dawn ma jista’ jżommhom ħadd.

Familji li għandhom it-tfal, għandhom bi dritt jirċievu l-edukazzjoni neċċessarja, għalhekk qed inżidu wkoll l-iskejjel, sabiex noffru l-edukazzjoni lit-tfal tal-familji li qed jiġu f’ pajjiżna. Dan nagħmluh anke għal fatt li dawn il-persuni qed jagħtu kontribut qawwi lill-ekonomija bit-taxxi li huma jħallsu.

Imbagħad hemm it-tielet pilastru, biex ngħidu hekk, jiġifieri l-għajnuna soċjali u anke għajnuna fejn hemm id-diżabilitajiet, iżda l-pensjonijiet tibqa l-akbar spiża.

Huwa vera li l-pensjoni qatt ma tista tikkumpara mas-salarju li kienu jaqilgħu meta kienu jaħdmu, iżda xorta waħda tiltaqa’ ma’ persuni li jirringrazzjawk għal dak li qed nagħmlu magħhom, u mhux għax qed jaħtfu imma dan jagħmluh b’mod ġenwin.

Għalhekk kull għajnuna li tista’ tagħti u li l-gvern jista’ jaffordja tiġi apprezzata għaliex ikunu jistgħu jgħixu aħjar, fejn anke lin-neputijiet ta’ madwarhom ikunu jistgħu jixtrulhom xi oġġett.

Imbagħad hemm ukoll l-anomaliji li nbnew maż-żminijiet, fejn anke l-burokrazija qiegħda tibni l-anomaliji hi nnifisa.  Il-loġika tgħidlek li jekk inti dak li qed tagħti lil xi ħadd, lil ħaddieħor għala mhux ser  tagħtih?  Għalhekk kull miżura li nagħmlu rridu naraw mhux biss kif ser insolvu din il-problema imma li ma noħolqux problemi oħrajn.

Niġu issa għal suġġett ieħor; l-ambjent!

Kulħadd huwa konxju aktar minn qatt qabel li rridu nonfqu l-flus sabiex insostnu l-ambjent.

L-iskart huwa problema kbira u uġigħ ta’ ras li ma tista’ tinjora jew titfgħu x’ imkien għaliex dan se jerġa’ jiġi ma’ wiċċek, sew jekk titfgħu fil-baħar u anke fuq l-art. Biex imbagħad taħarqu u toħloq l-enerġija minnu dan imbagħad ser jiġik flejjes kbar.

L-infrastruttura tibqa’ tilgħab irwol kbir fin-nefqa tal-pajjiż, aktar u aktar issa li qed naraw li qed isiru tibdiliet kbar. L-iskop ta’ dawn ix-xogħlijiet kollhu hi li jkun hawn anqas konġestjoni, li ma hijiex faċli għax kull ma jmur dejjem qed jiżdiedu l-karozzi f’ pajjiżna.

Is-Settur tal-‘Housing’ fejn kulħadd iħoss bid-dritt li bis-salarju tiegħu, hu għandu jikri jew jixtri fejn jgħix b’ mod diċenti, fl-ekonomija li għandna bħalissa din tista’ toħloq il-problemi. Għax meta jkun hemm id-domanda akbar mill-offerta, l-prezzijiet se jogħlew.

Din il-ġimgħa sar ukoll l-istampar tad-dokument ta’ qabel il-baġit, imsejjaħ il-‘Pre-Budget Document’, li fuqu diġaˋ għamilt preżentazzjoni fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.

Dan biex f’Settembru nkun nista’ nagħmel ukoll żewġ laqgħat pubbliċi f’ Malta u Għawdex fejn niddiskutu mhux biss l-andament ekonomiku, soċjali u finanzjarju ta’ pajjiżna, imma wkoll it-tbassir għas-sena d-dieħla.

Il-Baġit huwa importanti għaliex jgħin lil dak li jkun, imma fl-istess ħin joffri aktar opportunitajiet lil  dak li jkun.

Minkejja li l-qofol tax-xogħol marbut mal-baġit isir fis-sajf meta kulħadd ikun bil-vaganzi, xorta waħda ninsab kuntent li naħdem fuq il-baġit.

Nisperaw li bħal ma ssodisfajna l-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi bil-baġits tal-passat, hekk nisperaw li se nagħmlu f’ Ottubru li ġej.

Il-Ġimgħa 31 ta’ Awwissu 2018


Ask Edward