L-utilità tal-Household Budgetary Survey


Ftit tal-ġranet ilu l-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali (NSO) ippubblika r-riżultati ta’ stħarriġ li sar fost il-familji Maltin, stħarriġ imsejjaħ Household Budgetary Survey. Stħarriġ li jindaga l-ispiża tal-familji. Ma jkunx stħarriġ li fih jieħdu sehem il-familji kollha tal-pajjiż, bħalma jkun ċensiment, imma stħarriġ fuq 6,000 familja u li minnhom normalment jwieġbu madwar 4,000. Ammont li huwa kampjun sostanzjalment tajjeb u għalhekk tkun tista’ tibbaża ċertu konklużjonijiet abbażi tiegħu.

L-aħħar stħarriġ simili kien sar fis-sena 2008 u dan li tħabbar ir-riżultat tiegħu beda jinħadem fis-sena 2015. Bejn stħarriġ u ieħor kienu għaddew seba’ snin.

Il-familji jvarjaw. Tista’ tkun persuna li tgħix waħedha. Tista’ tkun koppja, kemm anzjana kif ukoll żagħżugħa. Għandek imbagħad familji bit-tfal. Għandek familji estiżi li jkunu ffurmati minn ġenituri li magħhom ikollhom jgħixu lil xiħadd minn uliedhom. Dan huwa dak li bl-Ingliż jissejjaħ household.

Huwa dan il-unit li naraw kemm ikollu dħul u kemm ikollu spejjeż, għax ħafna drabi jiddeċiedu flimkien dwar il-basket tal-familja u allura  ma jkunx ta’ persuna waħda imma ta’ familja li tgħix fl-istess dar. Ifisser li meta wieħed jaqra jew jisma’ dwar jekk id-dħul ikunx żdied jew naqasx dan ma jkunx japplika għal individwu imma għal familja.

Stħarriġ bħal dan huwa importanti ħafna għall-għaqdiet tal-ħaddiema, it-trade unions. Fuq ir-riżultati ta’ stħarriġ bħal dan it-trade unions ikollhom f’idejhom materjal li fuqu, u bih, ikunu jistgħu jiġġustifikaw in-negozjar tagħhom meta jiġu għal diskussjonijiet dwar il-ftehim kollettiv tal-ħaddiema u li ovvjament ikunu jinkludu diskussjonijiet dwar żjidiet fis-salarji. Argumentar li jkun bażat fl-indiċi tal-prezzijiet. L-istess indiċi ta’ prezzijiet li fuqhom tinħadem iż-żjieda li tingħata għall-għoli tal-ħajja, dik magħrufa bħala Cost Of Living Adjustment (COLA).

Huwa fatt magħruf li hemm eluf ta’ oġġetti li l-prezz tagħhom ivarja. Tqum il-problema dwar lil liema oġġetti se tingħata l-importanza, jekk hux iżjed jew inqas. Jiddependi mill-basket tal-ħaddiem, mill-basket tal-familja.

Għandek il-familja, li fiha għandek persuni li qegħdin jaħdmu u ovvjament qegħdin ukoll jixtru. Fl-istess familja jista’ jkun hemm ukoll membri, bħalma huma t-tfal, li ma jkunux jaħdmu għax ikunu għadhom ta’ età żgħira jew għadhom jattendu l-iskejjel, li flus ma jdaħħlux imma l-ispiża tal-familja tkun tinkludi l-bżonnijiet tagħhom ukoll.

Il-basket tal-familja jkun jiddependi mid-dħul li jkollha. Wara li mid-dħul jitħallsu t-taxxi dovuti jibqa’ dak li jkun disponibbli biex jintuża, imma ġeneralment mhux kollu, peress li l-familja Maltija u Għawdxija hija waħda għaqlija u mid-dħul li jkollha tara kif tagħmel biex twarrab parti minnu biex kif jgħid il-Malti “ikollha xiħaġa taħt rasha”. Li huwa tajjeb u tajjeb ħafna.

It-trade unions ikunu jridu li stħarriġ bħal dak li sar ftit ilu jkun aġġornat minn żmien għall-ieħor. Jinsistu għal dan għal raġuni sempliċi. Aktar ma jgħaddi ż-żmien ċerti prodotti ma jibqgħux jintużaw u sadattant jidħlu fis-suq prodotti ġodda. Eżempju tipiku hija t-teknoloġija tat-telefonija. Għoxrin sena ilu tali teknoloġija ma kinetx teżisti, imma llum qegħda magħna u hija essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum u allura trid tidħol fil-basket tax-xirja tal-familja. Eżempju ieħor li jista’ jingħata huwa dwar l-użu tal-pitrolju fil-heaters. Illum tista’ tgħid li l-użu tal-pitrolju għal dan il-għan inqata’ għal kollox, illum jintuża l-gass u l-elettriku.

Kif għidt aktar ‘il fuq bejn stħarriġ u ieħor għaddew seba’ snin u allura nistgħu naraw x’kambjament kien hemm. Kif nistgħu nindunaw jekk il-livell ta’ għixien tal-familji għoliex jew niżilx?

Tul il-perjodu inkwistjoni kien hemm żminijiet koroh li kienu s-snin ta’ riċessjoni u kien hemm iż-żminijiet sbieħ meta allura l-ekonomija bdiet tmur ‘il quddiem. Kien hemm taħlita ta’ żminijiet b’dak kollu li jġibu magħhom. L-aħjar indikatur dwar x’kien il-kambjament huwa l-proporzjon tal-basket, għax meta nitkellmu dwar basket qegħdin nitkellmu fuq il-proporzjon. Mhux kemm qed tiżdied l-ispiża imma l-proporzjon tal-basket baqgħax l-istess.

Il-Household Budgetary Survey huwa minjiera ta’ informazzjoni  kemm għall-Gvern, għall-privat u għall-istudjużi.

It-tweġiba hija ċara: le, il-proporzjon ma baqgħax l-istess. L-ewwel indikazzjoni ta’ dan huwa li l-proporzjon fuq l-ikel naqas. U dan huwa sinjal tajjeb. Għax fil-ħajja aktar ma jiżdied id-dħul tal-familja, il-proporzjon fuq l-ikel jonqos, avolja l-ikel jizdied, imma l-proporzjon, il-perċentwal, jonqos. Dan meta fl-istess waqt il-perċentwal fuq ir-rikreazzjoni, fuq is-safar, fuq il-ħwejjeġ, jiżdied.

It-tieni indikatur huwa  fuq l-użu tad-dawl u l-ilma u t-tielet infidkatur ikopri l-użu ta’ affarijiet essenzjali, illi normalment min għandu dħul baxx jispiċċa biex id-dħul tiegħu jintefaq fuq l-ikel u fuq affarijiet relatati bħalma huma dawl, ilma u gass.

Kif mistenni wkoll li filwaqt li l-edukazzjoni u s-saħħa normalment jiżdied il-proporzjon fuqhom, fil-każ ta’ pajjiżna f’dik li hija edukazzjoni privata żdiedet. Apparti dak li jipprovdi l-Gvern qed ikun hemm għatx għal edukazzjoni terzjarja li tista’ teħodha anke minn istituzzjonijiet privati u allura żdiedet l-ispiża, anke fuq skejjel privati.

Iżda fejn jirrigwarda saħħa l-proporzjon naqas. Dan huwa sinjal tajjeb ukoll u ta’ sodisfazzjon għall-Gvern illi filwaqt li jidher ċar li l-poplu Malti u Għawdxi jirrikorri għas-servizzi offruti b’xejn mill-Gvern, speċjalment permezz tal-isptarijiet tiegħu, qegħdin jiżdiedu dawk privati. Il-fatt li l-proporzjon fil-basket fir-rigward tas-saħħa naqas huwa sinjal tajjeb ħafna li l-Gvern qiegħed jissodisfa d-domanda taċ-ċittadin fejn jirrigwarda s-servizzi mediċi. Naqas il-proporzjon fil-basket għax iċ-ċittadin m’għadux irid joqgħod fi stennija twila biex isirulu ċerti operazzjonijiet u allura jagħżel li jirrikorri għand il-privat. L-istess fejn jirrigwarda mediċini. Il-fatt li dawn m’għadhomx ikunu neqsin, m’għadhomx ikunu out of stock, naqqas drastikament il-bżonn li jkollok tixtrihom mingħand il-privat. Għalhekk naqas il-proporzjon tas-saħħa fil-basket tal-familja.

Stħarriġ bħalma huwa l-Household Budgetary Survey għandu utilità kbira kemm għall-Gvern kif ukoll għall-privat. Utilità riflessa fl-informazzjoni provduta fid-diversità tagħha. Stħarriġ li jipprovdi indikaturi li mingħajrhom min ikun qed imexxi jkun fid-dlam. Dak li joħroġ minn stħarriġ bħal dan iservi ta’ bażi fl-ifformular ta’ baġit għall-pajjiż. Għax apparti l-oqsma tal-esportazzjoni, l-importazzjoni, il-konsum, l-investiment lokali u barrani l-Gvern ikun irid i]ares lejn dak li jkun qed jindikalu l-basket tal-familji.

Il-Household Budgetary Survey huwa minjiera ta’ informazzjoni  kemm għall-Gvern, għall-privat u għall-istudjużi. Informazzjoni li trid ħafna żmien biex tkun mgħarbula sew għal dawk li huma dettalji fuq il-faxex differenti tal-popolazzjoni tagħna. Informazzjoni kruċjali għal direzzjoni fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Il-Ġimgħa, 2 ta’ Frar 2018

 

 

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *