L-istabbilitaʽ – kif titlifha u kif tirbaħha


 

Huma ħafna li jassoċjaw iż-żmien ta’ kampanja elettorali ma’ l-instabillitaʽ.  Jaraw mill-esperjenzi tagħhom stess x’ġara u x’ma ġarax fil-passat meta saħnu l-irjus. Meta l-provokazzjonijiet jiżdiedu. Meta l-fuse jew niċċa ta’ ħafna persuni tiqsar sew, u jkun irid jirrispondi fil-pront apertament u b’mod mill-iżjed drammatiku. Jekk inħarsu madwarna l-bogħod minn xtutna nosservaw li l-iktar ma l-pajjiż ikollu livell għoli ta’ demokrazija iżjed ikun hemm tolleranza u għalkemm l-atmosfera tkun mimlija tensjoni ma jkunx hemm inċidenti li jħammru wiċċ il-pajjiż. Għal kuntrarju iktar ma l-pajjiż ikun lura fl-iżvilupp demokratiku tiegħu iktar għid li ser ikun hemm inċidenti u inċidenti koroh ħafna.

Importanti li ngħidu li l-proċess innifsu li tingħajjat elezzjoni huwa l-aqwa mod li jippreveni l-mod vjolenti li jinbidel gvern ta’ pajjiż. Bl-ingliż ngħidu li fejn hemm id-demokrazija u l-elezzjonijiet ġusti u fiera l- ballot box tieħu post l-bullet.  Ir-rivoluzzjonijiet isiru fejn ma jkunux hemm possibilitaʽ  ta’ alternanza demokratika tal-gvern. Fil fatt jiġu b’mod spontanju u bħan-nar jinfirxu u jibqgħu jaqbdu għal żmien twil ħafna.  Illum ma għandniex bżonn inqallbu l-kotba tal-istorja. Kemm biss inħarsu madwarna u naraw x’ġara u qed jiġri fid-dinja Għarbija fil-Meditterran u fil-Lvant Nofsani. Huwa għalhekk importanti li ngħożżu d-demokrazija u nsaħħuha u mhux indajfuha. Min iħobb lil pajjiżu ma jistax ma jżommx f’moħħu li dawn il-prinċipji li fuqhom hi mibnija d-demokrazija ma nilgħabux magħhom.

Fl-isfond tal-inċidenti li ġraw nhar il-Ġimgħa dwar il-programmi televiżivi wieħed ma għandux jintilef fuq x’qal dak u x’qal l-ieħor u min beża’ minn min. Dawn il-mossi mill-partiti opposti wieħed jifhimhom. Huma parti mill-logħoba tal-kampanja elettorali fejn wieħed jiskorja goal illum u l-ieħor għada. Peroʽ ikun għama minn ma jarax l-ovvju quddiem wiċċu, dak li ngħidulu l-iljunfant fil-kamra. Dan l-iljunfant hu l-prinċipju bażiku li fuqu hija mibnija d-demokrazija.

Il-liberta tal-kelma.

Meta soċjetaʽ żviluppata bħal ma hi s-soċjeta’ Maltija tkun organizzat ruħha b’mod li jkollha stazzjon tal-istat mħallas minn butha biex tisma’ l-argumenti kollha, jiġu minn fejn jiġu, ħadd ma għandu jipprova joħnoq jew jilgħab b’dan id-dritt demokratiku tagħha. Ħadd.

Fil-fatt wieħed mill-kriterji li fuqhom jingħata l-ġudizzju ta’ jekk elezzjonijiet f’ċertu pajjiżi tad-tielet dinja tmexxewx b’mod fier u ġust huwa x-xandir tal-istat. Meta kont magħżul minn Lady Ashton biex immexxi missjoni tal-Unjoni Ewropea li kienet tikkonsisti f’mija u għoxrin ruħ fl-Uganda kważi sentejn ilu konna bgħatna kontinġent xahar u nofs qabel fil-pajjiż biex jimmoniterja x-xandir. Meta darba kont stqarrejt fil-pubbliku li l-missjoni qed tosserva nuqqas ta’ bilanċ fix-xandir, l-għada fil-għodu qrajt fil-gazzetti li l-gvern Ugandiż kien ġiegħel lil kap ta’ dawn ix-xandiriet biex jirriżenja.  Dan sar fl-Uganda. U f’Malta?

Hijack tad-demokrazija

Bħala kandidat ta’ partit politiku li fl-aħħar elezzjonijiet il-partit ġab nofs il-voti tal-pajjiż kif tista’ taċċetta li tiġi mistieden fuq programm ta’ dibattitu fejn kollox hu orkestrat biex jonsbok u jaqbdek f’nassa fil-waqt li jidlek bix-xama l-kandidat tan-naħa tal-gvern, jgħaddilu il-mistoqsijiet bil-quddiem biex jilħaq jitgħallem ir-risposta bl-amment, jtella’ filmati biex jirridikolak, u jinterrompik kull darba li tkun qed tesponi argument konvinċenti. Mill-bidu sa l-aħħar. Bl-ikbar mod sfaċċat.

L-ikbar “hijack” tad-demokrazija sar nhar il-Ġimgħa meta persuna li hi kkuntrattata għal serje ta’ programmi televiżivi mħallsa mill-poplu minn jedda mingħajr il-permess tal-Awtoritaʽ tax-Xandir taqbad u tidher quddiemek għal aktar minn siegħa u bl-iktar mod parżjali u sfaċċat toffendi partit politiku ewlieni tal-pajjiż.

Filwaqt li s-soċjetaʽ Maltija hi verament ixxukjata u mħassba bit-tinwir minn element kriminali fil-ġudikatura tagħha hekk għandha għalfejn tkun ixxukjata u ddiżapuntata wkoll bil-kbir li l-liberta tal-kelma f’pajjiżha qed tiġi sfaċċatament imkassbra. Il-bogħod mill-partiġġjaniżmu wieħed ma jistax ma jkunx mħasseb. L-Awtoritajiet ewlenin f’pajjiżna li l-Kostituzzjoni qed tafdalhom dawn l-istituzzjonijiet ewlenin ma jistgħux ma jqumux u jagħmlu dmirhom mingħajr biża’.  Pajjiżna hekk qed jitlob minnhom.

Garanzija

Fl-istess ħin wieħed ma jistax ma jinnotax li partit li għadu fin-naħa tal-oppożizzjoni qed jagħmel l-almu tiegħu kollu biex iġib l-istabbilitaʽ u l-kalma fil-pajjiż anke jekk qed jiġi pprovokat ripetutament.

Fil-konfront tat-tiġbid tad-data kalendarja tal-elezzjonijiet li qed titħabbar għażel it-triq tat-tolleranza anke jekk din ser tissarraf f’telf ta’ voti għalih. Aċċetta d-dati kollha li l-Gvern għażel bħala parti mill-logħba chess li daqstant iħobb jilgħab f’kull kampanja elettorali.  Dan sar biex ikompli jżomm il-kalma fil-pajjiż u biex ħadd ma jipprova jwaħħal fil-partit li qed jisfratta l-Milied għal ħafna familji Maltin u Għawdxin.

Iżda l-isbaħ aħbar li fl-istrobju li inqala’ ftit innutaw hija l-istqarrija tar-Rating Agency Fitch Ibca li stqarret li la l-fatt li ma għaddiex il-Baġit fil-parlament, la l-waqa’ tal-gvern, u lanqas il-probabilita’ li jinbidel il-gvern mhu qed tinkwetaʽ. Ma tara li żdied l-ebda riskju għal pajjiżna. U dan kif qalet l-aġenzija hu għaliex il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Joseph Muscat iggarantixxa li ser jżomm il-qafas tal-Baġit u ser jara li l-pajjiż ikompli jirrispetta l-prinċipji ta’ governanza ekonomika u finanzjarja f’pajjiżna jekk ikun fil-gvern. Din id-deċiżjoni diffiċli ħalliet ir-riżultat mistenni. L-aġenzija stqarret li din il-garanzija serrħet moħħ l-partners tagħna fl-Ewropa u l-investituri barranin għaliex aċċertat l-kommitment tal-oppożizzjoni għal din l-governanza.

Nieħu gost ħafna nosserva li l-Partit Laburista qed iġib il-bidla u n-normalitaʽ kif ukoll l-ammirazzjoni mill-barranin lejn pajjiżna minn qabel ma jiġi elett. Żgur li l-poplu Malti u Għawdxi qed jieħu nota ta’ dan kollu.

 

 

– l-orizzont: It-Tnejn, 17 ta’ Dicembru, 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *