L-Iskandlu LIBOR


Matul dawn l-aħħar ġimgħat, id-dinja finanzjarja kienet milquta minn skandlu finanzjarju ieħor, din id-darba fir-rigward tal-mekkaniżmu magħruf bħala LIBOR. Numru ta’ banek prestiġjużi bħal Barclays Bank kienu involuti f’dan l-iskandlu bis-CEO u ċ-Ċermen tal-bank ikunu mġiegħla jirriżenjaw, u bil-bank jeħel multa ta’ 290 miljun lira sterlina.

Il-Mekkaniżmu

Meta nitkellmu dwar ir-rati tal-imgħax, normalment nassoċjaw dawn ir-rati mal-Bank Ċentrali tal-pajjiż, fil-każ tagħna dak Ewropew, li kull xahar bil-politika monetarja tiegħu jissetja dawn ir-rati.  Bħal issa dawn ir-rati qegħdin fl-iktar livell baxx li qatt kienu fl-istorja tagħhom.

Pero’ kuljum il-banek jidħlu għal self mingħand banek oħrajn u hawnhekk ir-rata tas-self tiddependi ħafna mill-likwidita’ li teżisti fis-suq u r-riskji li dan is-self jinvolvi.

Din ir-rata hija dik reali, tas-suq. U għalhekk huma ħafna li jkunu jridu jorbtu il-kuntratti finanzjarji tagħhom ma’ din ir-rata. Fost dawn il-kuntratti nsibu xiri ta’ djar bis-self (mortgages), derivati (derivatives) u kuntratti oħra. Kien għalhekk li minn ħafna snin ilu nħolqot dik li tissejjaħ il-‘London Interbank Offer Rate’ jew LIBOR fil-qosor, jiġifieri r-rata li joffru ċertu banek ewlenin f’Londra. Billi din ir-rata hi ssettjata minn ftit banek ewlenin fis-City, mhux iktar minn tużżana, kienet tgawdi rispett kbir mad-dinja kollha. Dawn il-banek kbar u rinomati jinkludu il-Barclays, HSBC, Deutsche Bank, RBS kif ukoll JP Morgan, Chase u anke City Group. Il-kummerċ finanzjarju li hu stmat li jkun marbut ma’ din ir-rata jiġifieri l-LIBOR ilaħħaq mal-ħames mitt triljun  dollaru.

“Raw li jekk jiftehmu bejniethom, kif fil-fatt għamlu, setgħu jagħmlu qliegħ ta’ miljuni kbar ta’ dollari jekk iċaqalqu din ir-rata artifiċjalment kif jaqbel lilhom biss u mhux kif fir-realta’ kellha tkun.”

Din ir-rata kienet tiġi stmata billi dak in-numru żgħir ta’ banek li semmejna kienu jikkuntattjaw lil xulxin kull filgħodu, jiġbdu l-medja tar-rati, u imbagħad din tiġi mxandra mad-dinja kollha minn Reuters għal xi l-ħdax ta’ filgħodu.

Pero li kien qiegħed jiġri huwa li l-uffiċjali ta’ dawn il-banek li kienu involuti fl-istima ta’ kuljum tal-LIBOR, kienu wkoll involuti u jikkumerċjaw prodotti bankarji oħra. Raw li jekk jiftehmu bejniethom, kif fil-fatt għamlu, setgħu jagħmlu qliegħ ta’ miljuni kbar ta’ dollari jekk iċaqalqu din ir-rata artifiċjalment kif jaqbel lilhom biss u mhux kif fir-realta’ kellha tkun.

Ħafna minn dawn kienu żgħażagħ li kienu jwegħdu saħansitra rigali lil xulxin bħala ringrazzjament għal pjaċiri li kienu jagħmlu lil xulxin.

Dan l-abbuż kien baqa’ sejjer għal snin twal tant li fl-2008 ir-Regolatur Amerikan induna li dawn l-affarijiet li ma jitwemmnux kienu qed isiru. Huwa kien innota li waqt li l-kriżi finanzjarja issiżjat minħabba n-nuqqas ta’ likwidita’, bħal magna bla żejt, u r-rati bdew jogħlew, il-LIBOR ma kienitx qegħda titla’ b’daqshekk simpatija ma’ dawn ir-rati. Kien għalhekk li ħolqot suspett u b’hekk bdew l-investigazzjonijiet. Din l-investigazzjoni mill-Amerika marret ukoll l-Ingilterra. Il-Barclays kien l-ewwel bank li ammetta u allura ħallas mill-ewwel il-piena ta’ xi tlett mitt miljun lira sterlina. L-investigazzjoni issa kibret u anke l-Unjoni Ewropea daħlet fiha wkoll.

Implikazzjonijiet u riperkussjonijiet

L-implikazzjonijiet u riperkussjonijiet ta’ dan l-iskandlu huma devastanti. Biss biss meta wieħed jgħid li hemm ħames mitt triljun dollaru f’valur ta’ kuntratti madwar id-dinja kollha, biljuni ta’ kuntratti li kollha kienu jiddependu fuq ir-rata tal-LIBOR wieħed lanqas jista jimmaġina l-kobor ta’ l-effett ta’ dan l-iskandlu. Meta issa nafu li din ir-rata kienet falza tul dawn is-snin allura wieħed jistenna li permezz ta’ kawżi ċivili ifittex għad-danni speċjalment għal min laqtitu ħażin. Dan għaliex nofs laqtithom tajjeb u nofs laqtithom ħażin skont il-kuntratt. S’intendi min intlaqat ħażin se jilmenta u se jfittex għad-danni minħabba li tilef dawk il-flejjes kbar kawża ta’ din r-rata.

Hemm ukoll in-naħa regolatorja, bir-regolaturi li qed ifittxu u jaraw minn naħa tagħhom li jwaħħlu pieni kbar lil dawk il-banek li kellhom in-nies tagħhom involuti. Dalwaqt naraw jerġa’ jissemma r-Royal Bank of Scotland (RBS). Jekk kienx hemm iktar banek jew anke awdituri li kienu jafu x’kien għaddej wieħed għad irid jara.

Agħar minn hekk hemm suspett li anke r-regulatur seta’ kien involut ukoll. Fi żmien il-kriżi tal-2008 setgħu nkoraġixxu lil banek jżommu r-rata tal-LIBOR baxxa. Dan biex ma jallarmawx is-swieq b’rata għolja. Forsi wieħed jista jgħid ‘for a a good cause’ imma l-punt huwa li ma kienitx ir-rata vera u allura xorta dawn il-banek flimkien mar-regolatur naqsu.

Min-naħa tagħna fil-Parlament Ewropew, flimkien mal-Kummissjoni u l-Kunsill diġa bdejna ninvestigaw din il-problema.  Żgur li għal quddiem il-mod kif tiġi kkalkulata din ir-rata, ser jinbidel għal kollox. Il-banek jidhru li ma jridux jitgħallmu. Jekk le stennew xita ta’ regolamenti oħra mill-Parlament Ewropew.

Dan hu skandlu finanzjarju ieħor li d-dinja ma kelliex bżonn tiffaċja f’dawn iż-żminijiet diġa’ ferm diffiċli.

 

 

 

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 6 ta’ Awwissu, 2012


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *