Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest Articles, Maltese Articles


L-‘Equity Release’

Il-ġimgħa l-oħra ħabbart skema msejjħa ‘Equity Release’. Din l-iskema ġiet imfassla għall-anzjani  bil-għan li jkunu huma fil-kontroll tal-assi tagħhom. Dan sabiex jgħixu  s- snin tal-irtirar tagħhom b’mod aħjar. Il-maġġoranza tal-anzjani huma sidien ta’ djarhom, u nistmaw li bejn wieħed u ieħor hemm 82 fil-mija ta’ dawn il-familji li huma sidien ta’ djarhom. Huwa minnu li parti minn dawn il-familji għadhom għaddejjin bil-ħlas tal-‘loan’ mal-banek, iżda hemm oħrajn li ħallsu s-somma kollha, u llum jistgħu jgħidu li darhom hi kompletament tagħhom. Il-figura ta’ 82 fil-mija li huma sidien ta’ darhom hija waħda mill-ogħla fl-Unjoni Ewropea. Dan għax il-prijorita’ ta’ investiment għal Maltin dejjem kienet il-propjeta’.

Mod għall-Anzjani, Sidien ta’ Darhom ,

ta’ kif ikunu jistgħu jużaw ftit minn dak li ġemmgħu

Il-vantaġġ li wieħed jinvesti fil-propjeta’ hi  għax din iżżomm il-prezz minn żmien għal żmien. Hemm minn jirraġuna li l-flus fil-banek maż-żmien jittieklu minħabba l-inflazzjoni. Meta wieħed jinvesti €5,000 u jmur jiġbidhom 10 snin wara, se jsib li dan l-ammont ma għadx għandu valur bħal qabel. Kull Gvern dejjem inkoraġixxa lil koppji żgħażagħ li jkunu sidien ta’ darhom. Dan għaliex meta jgħaddi ż-żmien nistgħu niġu f’punt fejn wieħed ma jkunx jista’ jġemma’ iżjed mingħajr ma jagħmel sagrifiċċju. Dan għax wieħed jista’ jasal f’punt, l-aktar meta jkollhu t-tfal li ma jkunx  jista’ jġemma’ ħafna.

Dak li wieħed iħallas fi ħlasijiet ta’ ‘loan’ fuq il-propjeta’ jkun qed iġemmgħu awtomatikament, għax il-flus ikunu qed imorru fi propjeta’ li tista’ tgħola fil- valur. Iżda barra minn hekk din il-propjeta’ tista’ tissarraf lura fi flus u ġieli iġġib iżjed flus lura. Tista’ tbiegħ il-propjeta’ kurrenti, u tixtri waħda akbar jew iżgħar, kollox f’idejn l-għażla tiegħek. Madankollu huwa ta’ sodisfazzjoni kbir li lit-tfal tagħna ngħidu se nħallulhom din il-propjeta’ u litteralment tgħix biex tagħmel hekk.

Iżda ħafna anzjani kienu qed jgħiduli li qed isibu ruħhom f’diffikultaˋ għal fatt li bejn iridu jħallu din il-propjeta’ li tiswa l-flus lil ta’ warajhom, u bejn jixtiequ kieku jieklu biċċa mill-propjetaˋ tagħhom għal xi kapriċċ jew bżonn ta’ dak il-mument.

L-unika soluzzjoni li tibqa’  għalihom tkun li jbigħu din il-propjeta’. Mingħalik tkun xi sinjur  żgħir għax għandek propjeta’ tiswa l-eluf, imma fil-verita’ la ma tkunx likwida u tista’ ssarrafa ma jkollok xejn.  Issa ejja nqablu żewġ pensjonanti ma’ xulxin; wieħed għandu €250,000 fil-bank u l-ieħor €250,000 fi propjeta’. Dak li għandu l-flus il-bank għandu vantaġġ, li jekk irid jagħmel kapriċċ eżempju jmur ‘cruise’ dan jista’  jagħmlu b’mod sempliċi, jmur u jiġbed eżempju €1,000. Iżda dak li għandu l-istess ammont fi propjetaˋ dan huwa ferm iżjed diffiċli għax ma jistax ibiegħ biċċa mil-propjeta’ u jħallas dak il-‘cruise’.

Meta dan il-Gvern ra din is-sitwazzjoni, xtaqna li nġibu din is-sitwazzjoni fuq l-istess livell. Li minn għandu l-propjeta’ jista’ iva jiġbed il-flus minn fuqha, eżatt bħal dak li għandu €250,000 il-bank. Biddilna l-liġi għal dawk li b’mod volontarju jridu jieklu biċċa mid-dar tagħhom mingħajr ma jħallu darhom jew ibiegħuha. Dan jistgħu jagħmluh għal diversi raġunijiet fosthom ta’  saħħa, divertiment eċċ. Il-Gvern ħoloq skema tal-Equity Release li permezz tagħha l-istituzzjonijiet finanzjarji Maltin ikunu jistgħu joffru servizz li permezz tiegħujirċievu pagamenti li jissuplimentaw id-dħul preżenti tagħhom bħal li kieku l-assi tagħhom huma likwidi bħal flus il-bank.biex wara titħallas lura ġa la darba tinbiegħ il-propjeta’ wara mewtu.

Din kienet miżura mħabbra fil-Baġit ta’ din is-sena , ftit qabel il-baġit kont qabbadt erba’ persuni esperti fis-suggett u waqqaft ‘taskforce’ sabiex jagħżlu l-aħjar skema addatta għal pajjiżna. Imbagħad din l-iskema sarfuha permezz tal-liġi, ħalli l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu jistgħu joffru din l-iskema. L-iskema hija tajba għar-raġuni li inti tiddeċiedi kemm trid int tiekol mill-propjeta’ tiegħek. F’din l-iskema inti tiġi offrut bil-quddiem ir-rata tal-imgħax li fuqha trid tissellef fuq dik il-propjetaˋ. L-aktar importanti hu li inti tibqa’ tgawdi dik il-propjeta’. Din il-propjeta’ imbagħad tgħaddiha lill-werrieta jiġifieri lit-tfal tiegħek, li mbagħad jiddeċiedu huma lil min ibiegħuha wara li jirtuha. Wara l-mewt ta’ dak li jkun huma jkollhom ċans ta’ tliet snin sabiex ibiegħu din il-propjeta’.

Ġa la darba mbagħad tinbiegħ il-propjeta’, il-bank jieħu s-sehem tiegħu, flimkein mall-imgħaxx dovut lejh. Imgħax li diġa jkun maqbul minn qabel wieħed iffirma l-kuntratt. F’din l-iskema l-banek huma liberi li jsellfu sa massimu ta’ 60 fil-mija tal-valur kollhu tad-dar. Wieħed jista’ jagħżel li jieħu dawn il-flus jew f’somma ta’ darba jew inkellha f’pensjoni oħra kull xahar jew tliet xhur.

Nemmen li din hi skema oħra fid-direzzjoni t-tajba, bil-għan li ntejjbu l-ħajja tal-pensjonanti Maltin u Għawdxin.

Il-Ġimgħa 5 ta’ April 2019


Ask Edward