L-ekonomija ma tikbirx b’kumbinazzjoni


Il-ġimgħa l-oħra ħareġ rapport preliminari dwar Malta mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Dan ir-rapport sar minn delegazzjoni ta’ sebgħa uffiċjali għolja li ġew f’pajjiżna apposta. Qattgħu ħmistax-il ġurnata hawnhekk li matulhom evalwaw ir-riżultati ekonomiċi, l-istatistika u l-istituzzjonijiet. Għamlu diversi intervisti u laqgħat oħrajn biex jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom dwar l-ekonomija u l-finanzi ta’ pajjiżna.

 

12_ORZ featured

 

L-għada li ħareġ ir-rapport tal-FMI, il-Kummissjoni Ewropea (KE) ħarġet ir-rapport tagħha dwar il-Baġit ta’ pajjiżna, bħalma għamlet fil-konfront ta’ pajjiżi oħrajn fiż-Żona tal-Ewro. Nhar it-Tnejn li għadda, fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni li wettqet il-Kummissjoni, il-Grupp tal-Ewro approva l-Baġit ta’ Malta għall-2016.
Ta’ min jgħid li dawn iż-żewġ dokumenti għandhom importanza kbira. Kull pajjiż ikollu kull interess li jara l-konklużjoni ta’ istituzzjonijiet internazzjonali tant importanti bħalma huma l-FMI u l-KE. Dan għax kull pajjiż irid jara kif jidher f’għajnejn l-investitur. Dawn huma l-esperti bl-ikbar reputazzjoni internazzjonali u l-opinjoni tagħhom għandha ħafna valur.

 

Ir-rapport tal-FMI

Fil-każ tal-FMI, minbarra l-affarijiet li huma fattwali u pożittivi bħalma huma t-tkabbir ekonomiku qawwi li għandna f’pajjiżna, ir-rata qawwija ta’ impjiegi u r-rata baxxa tal-qgħad, fuq il front tal-Finanzi l-iktar li jagħtini konfort dwar il-konklużjoni tagħhom huwa l-fatt li fl-ewwel sentenza jgħidu li Malta għandha tkabbir b’saħħtu minħabba l-inizjattivi politiċi tal-Gvern. Qegħdin jgħidu li dan it-tkabbir ma sarx b’xi kumbinazzjoni. Mhux il-każ li Malta bħalissa qiegħda f’ċiklu pożittiv sempliċiment għax hekk, imma għax l-inizjattivi li ttieħdu u l-istrateġiji li saru fl-aħħar tliet Baġits fl-aħħar tliet snin qed iwasslu biex isir dan it-tkabbir.
Aħna mal-FMI mill-bidu nett konna ddiskutejna bil-kotba miftuħa. Fejn kien hemm id-dgħjufija wrejniehom u fejn kien hemm l-affarijiet b’saħħithom urejniehom ukoll. Spjegajnielhom x’aħna nagħmlu biex nindirizzaw dawk l-affarijiet li huma dgħajfa u kif kellna l-ħsieb li nkabbru l-ekonomija, u fil-fatt hekk qed jiġri. Allura fid-dikjarazzjoni tal-ftuħ tagħhom qed jagħtu ċertifikat li l-inizjattivi u l-istrateġiji baġitarji li ħadna u fassalna s’issa qed iwasslu għal dan it-tkabbir ekonomiku.

 

orizzont thumbnail

Qed jagħtu ċertifikat li l-inizjattivi u l-istrateġiji baġitarji s’issa qed iwasslu għal dan it-tkabbir ekonomiku

 

Imbagħad jidħlu fid-dettall u jitkellmu dwar ir-riskji ekonomiċi għall-futur f’kull pajjiż. Dawk li huma koroh bl-Ingliż ngħidulhom id-“downside” u dawk li huma pożittivi – li jistgħu jiġru iżda li m’aħniex żguri minnhom – ngħidulhom l-“upside”. Fil-każ ta’ Malta l-FMI qed tgħidilna li r-riskji li jeżistu huma bbilanċjati: hemm kemm pożittivi kif ukoll negattivi, li jibbilanċjaw lil xulxin.
Ir-rapport jitkellem ukoll dwar il-valur pożittiv ta’ ċerta immigrazzjoni mill-Ewropa stess u anke minn barra l-Ewropa, li qed issaħħaħ l-ekonomija għax qed tkabbar is-suq tax-xogħol u tkompli ssaħħaħ ir-ritmu ekonomiku f’dak li huwa konsum.

 

Ir-rapport tal-Kummissjoni

Għall-Kummissjoni Ewropea, l-iktar importanti hu li l-Baġit li fassalna għas-sena d-dieħla jimxi mar-regolamenti tagħha, u għalhekk qed tipproponi li l-Kunsill tal-Ministri japprovah. Dawn ir-regolamenti huma stretti ħafna, u mhux biss fuq il-kwistjoni ta’ jekk id-defiċit jinżilx jew ikunx taħt it-3 fil mija imma b’liema rata huwa nieżel. L-istess għad dejn: hemm regola mhux dwar li jinżel imma b’kemm jinżel kull sena. Imma l-iktar importanti hija n-nefqa pubblika. Inutli ngħidu li n-nefqa qed tiżdied. Dażgur li qed tiżdied. L-ekonomija qed tiżdied u n-nefqa qed tiżdied, imma hemm regoli ekonomiċi li l-Kummissjoni tapplika biex tara li ż-żieda tkun sostenibbli. Jiġifieri għalkemm l-ispiża tal-Baġit qed tiżdied, iż-żieda trid tkun sostenibbli u skont ir-regoli.

 

12_ORZ image

Dan huwa dak li qed tgħid il-Kummissjoni. Tikkonkludi billi tgħid li l-Baġit għas-sena d-dieħla huwa kompatibbli mar-regoli, kemm fejn tidħol iż-żieda tal-ispiża tal-Gvern kif ukoll fuq id-defiċit u d-dejn. Kien għalhekk ta’ sodisfazzjon kbir għalija meta, waqt il-laqgħa tal-Grupp tal-Ewro nhar it-Tnejn, il-Baġit ngħata t-timbru tal-approvazzjoni. Il-valutazzjoni li għamlet il-Kummissjoni hija waħda realistika u aħna lesti nieħdu kwalunkwe miżura neċessarja biex niżguraw li nżommu l-pożizzjoni fiskali tagħna.

 

– Ġimgħa, 27 ta’ Novembru 2015

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *