L-Aċċenn fuq il-Kwalità


It-tema li ġiet magħżula għad-dokument li jiġi preparat qabel il-Baġit hija ‘Fostering a Quality Culture’. Għaliex intagħżel dan is-slogan u x’messaġġ irid iwassal il-Gvern?

Il-Gvern dejjem ifittex l-aħjar biex ikun fuq ta’ quddiem.

Fil-ħajja ta’ kull familja, meta tkun bdiet mix-xejn u tibda tiżviluppa, l-ewwel essenzjal jaqa’ fuq l-ikel. Meta tistà taffordja l-ikel, imbagħad tibda taħseb għal affarijet oħrajn u tasal f’fażijiet ġodda. Fażi li tagħddi minnha kull familja, kif ukoll pajjiż sħiħ.

Fażi ġdida fejn wara li nkunu ssodisfajna l-bżonnijiet essenzjali, nibdew nagħtu prijorità u nagħtu kas dawk l-affarijiet li huma l-iżjed importanti fil-ħajja. L-ewwel tiġi s-saħħa fejn tfittex l-aħjar servizz biex wieħed ma jkunx fi tbatija u jgħix ħajja twila. Wieħed jibda jaħseb ukoll fl-edukazzjoni għal uliedu u fl-investimenti tal-futur, imbagħad tibda tħares lejn l-ambjent ta’ madwarek.

Huwa għalhekk li aħna bħala pajjiż qegħdin nitkellmu fuq investimenti ġodda, l-ambjent, l-infrastruttura u t-toroq. Wasalna f’fażi ta’ livell għoli ekonomikament fejn l-affarijiet essenzjali qegħdin noħduhom foregranted. L-aċċenn fuq il-kwalità huwa xhieda ta’ sinjali li juru li l-pajjiż wasal fi stat ta’ żvilupp avvanzat.

Il-kwalità tissarraf ukoll għal ċertu setturi ekonomiċi. Hekk fit-turiżmu  inti tibda timmira fuq il-kwalità iżjed mill-kwantita. Li kull persuna tħalli iżjed flus fil-pajjiż biex din mbagħadt issarraf f’servizzi ta’ kwalità ogħla u aħjar. Din tapplika wkoll għall-ħaddiema tagħna, li jkunu aktar imħarrġa u aktar kapaċi jagħmlu xogħlhom. Dan isir biex il-kwalità tax-xogħol tkun tistà tirrendi iżjed fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Il-kelma kwalità mhux qiegħda hemm inċidentalment. Għandna bżonn nipproduċu biżżejjed biex inlaħħqu mal-livell tal-ekonomija. L-affarijiet iridu jsiru b’mod ta’ ħsieb u wieħed irid jimxi b’sistema ta’ targets. Fuq kollox nibgħqu naraw il-ġid jitqassam fuq kulħadd.

Nieħdu l-faqar. Meta ġejna eletti fil-Gvern sibna li għoxrin fil-mija tal-familji Maltin kienu materially deprived fejn fost għaxar indikaturi li familja bażika għandu jkollha, kellhom tlett nuqqasijiet jew iżjed. Dan il-persentaġġ waqqajnih ferm u rnexxielna nniżluh għal tmienja fil-mija skont l-aħħar statistika. Ma jfissirx li eliminajna l-faqar, iżda d-differenza hija ċara u ta’ ammont sostanzjali fil-waqà tal-faqar f’pajjiżna. Aħna qegħdin naħdmu biex Baġit wara ieħor din il-figura tkompli tonqos.

 

Fejn jidħol it-titjib fil-ħajja tal-pensjonanti, baqgħet prijorità ta’ dan il-Gvern?

 

Huwa fatt li l-pensjonanti huma fost l-aktar settur vulnerabbli fis-soċjetà.

Wara li s-saħħa tibda tnaqqas, l-akbar xokk jittieħed meta s-salarju jieqaf ħesrem. Tajba kemm hi tajba l-pensjoni mogħtija, xorta ma’ twassalx daqs kemm kien iwassal is-salarju u d-dħul ta’ qabel. B’hekk, dak li jkun jibda jirrikjedi iżjed għajnuna.

Fil-pajjiż kellna problema fejn il-minimu tal-pensjoni tant kien baxx li lill-pensjonanti bdew jaqgħu fi stat ta’ faqar. L-ewwel ħaġa li għamilna meta indirizzajna dan is-settur hija li għażilna li naħsbu fiż-żgħir b’ pensjoni minima. B’hekk qegħdin inserrħu moħħna li kull min qed jirċievi l-pensjoni minima jistà jgħix ħajja diċenti. Biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna, ħaġa oħra li għamilna hija li neħħejna t-taxxa minn fuq il-pensjoni.

F’Malta għandna 90,000 pensjonant u aħna għażilna li nagħtu €2 fil-ġimgħa li kull wieħed u waħda minnhom. Tajna wkoll xi ħaġa żgħira, imma li ntlaqgħet tajba, lil dawk li fil-passat ħadmu ftit snin minħabba xi ċirkostanzi li ma ppermettewx li jibqgħu jaħdmu u b’hekk tilfu d-dritt għal pensjoni. Fost dawn, hemm 11,000 li huma nisa. Illum neħduha foregranted li l-mara toħroġ taħdem, iżda fil-passat is-sistema kienet differenti. Dan ifisser li kien hemm bosta li maż-żwieġ tagħhom kellhom jirriżenjaw mill-pożizzjoni tagħhom u baqgħu bla pensjoni. Huwa għalhekk li aħna għamilniha biċ-ċert li dawn jinagħtaw somma li tvarja minn €150 u €250. Qegħdin naraw kif nistgħu nkomplu naġevolaw din l-iskema.

Dan il-Gvern dejjem iżomm iż-żgħir f’moħħu u jisma’ dak li għandu xi jgħid il-poplu biex f’Baġit ieħor nindirizzaw il-proposta bil-prijorità li tkun tixirqilha.

 

Bħala konklużjoni, kif tiddeskrivi li ser ikun il-Baġit li jmiss?

Il-Baġit huwa eżerċizzju interessanti li jġiegħlek terġà lura u tħares lejn l-ekonomija u tanalizza x’irnexxielna nagħmlu u fejn nixtiequ naslu.

Dan huwa eżerċizzju ta’ darba fis-sena u għalhekk jingħata daqshekk importanza għaliex jagħtina ċ-ċans naraw jekk ksibniex dak li wegħdna u naraw xi prospetti għandu l-pajjiż għal quddiem.

Huwa dmir tal-Gvern li jinżamm il-bilanċ meħtieġ. L-ekonomija rnexxielna nżommuha b’inflazzjoni baxxa u b’hekk dan ippermetta li l-ekonomija tkompli tikber u żżomm il-kompetitività tagħha. Irridu ngħożżu u nieħdu ħsieb dak li għandna. Dak li għad irid isir għandu jsir kollu bil-ħsieb u bil-galbu.

 

Artiklu Orizzont 28th Sept 2018

, ,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *