Kontra l-evażjoni, favur il-flessibbiltà


Il-ġimgħa l-oħra tkellimna dwar il-moviment li hawn fuq skala globali – mill-midja, minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, u minn ħafna oħrajn fosthom gvernijiet – kontra li kumpaniji  internazzjonali jevadu jew jevitaw it-taxxi.

 

Orizzont 15th Dec

 

Dwar dan naqblu. Naturalment, jissemmew diversi miżuri li jridu jittieħdu biex jinqata’ dan l-abbuż. Iżda jista’ jkun li l-isforz li jsir biex dawn il-miżuri jagħtu r-riżultati jwassal biex ikun hemm dak li bl-Ingliż ngħidulu ‘collateral damage’, ħsara kkawżata minn pressjoni fuq pajjiż jew ieħor u li tkisser sistemi illi jkunu s-sors ta’ żvilupp ekonomiku għal dawk il-pajjiżi.

 

“Il-gvern Malti huwa impenjat kontra l-evażjoni tat-taxxa…  

iżda meta niġu għar-reġim tat-taxxa ta’ pajjiżna, se nżommu sod.”

 

Malta tirreżisti li jsir xi tibdil fir-reġim tat-taxxi tagħha. L-ewwel nett, irridu nagħmluha ċara li għalkemm aħna kontra l-evażjoni tat-taxxa, ma naqblux li kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea għandu jkollu l-istess livelli u rati tat-taxxa fejn jidħol id-dħul tal-kumpaniji. Ma naqblux għax il-pajjiżi jikkompetu wieħed mal-ieħor fejn jidħlu l-pagi, il-ħlas tal-bolol, u l-produttività. Kull pajjiż għandu taħlita ta’ fatturi u riżorsi li bihom jirnexxilu jsir aktar kompetittiv ħalli jesporta iżjed u jattira iktar investiment. Din hija s-sovranità ta’ pajjiż f’dan il-qasam: li ħadd ma jindaħal f’dak li parlament nazzjonali jiddeċiedi fejn jidħlu l-livelli tat-taxxa.

Hemm pajjiżi fejn il-livell tat-taxxa huwa għoli ħafna, biex jirfed settur pubbliku kbir. Insemmu bħala eżempji l-Iżvezja, Franza, u l-Ġermanja. Dawn ma jistgħux, u m’għandhomx, jobbligaw pajjiżi oħra bħall-Irlanda, Malta, u r-Renju Unit, li għandhom livell effettiv ta’ taxxa iktar baxx, jgħollu l-livell tat-taxxa tagħhom. Bħalma aħna ma nistgħux nindaħlu fis-sovranità ta’ pajjiżi oħrajn u ngħidulhom ibaxxu l-livell ta’ taxxi għoljin tagħhom, daqstant ieħor ma nistennewx li dawn il-pajjiżi jagħmlu tentattivi biex jippruvaw jgħollu l-livell minimu effettiv ta’ taxxi fuq il-kumpaniji f’pajjiżna jew f’xi pajjiż ieħor.

Huwa ċar li dan it-tentattiv huwa qawwi għax ġej minn pajjiżi kbar u b’saħħithom, iżda t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jitkellem ċar li t-tassazzjoni taqa’ fil-kompetenza tal-Istati membri individwali, u ħadd ma  għandu jindaħal lil ħadd. Huwa minnu li se jkun hemm min minflok jidħol mill-bieb jipprova jgħaddi mit-tieqa, imma Malta se tirreżisti bil-qawwa tagħha kollha. Il-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat, din għamilha ċara. L-Oppożizzjoni qed taqbel ma’ din il-pożizzjoni wkoll. Fejn jidħol il-livell tat-taxxi fuq il-kumpaniji f’pajjiżna, ħadd ma għandu jindaħal fil-kompetenza tagħna.

Naraw ukoll tentattiv biex is-sistema ta’ kif aħna nintaxxaw il-qligħ mill-kumpaniji titpinġa f’dawl mhux daqstant sabiħ. Ħa nagħmluha ċara: kull pajjiż għandu r-reġim partikulari tiegħu għax dan żvolġa kif żvolġa tul is-snin. Jekk nieħdu s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna,  il-Kummissarju tat-Taxxi jimponi 35% fuq il-profitti ta’ kumpanija meta dawn il-profitti jitqassmu f’dividendi lill-azzjonisti. Hemm sistema li tgħid li azzjonist iħallas it-taxxa mhux bilfors bil-35% imma skont l-istat tiegħu mad-Dipartiment tat-Taxxi.

Mela, f’każ estrem, azzjonist pensjonant li bħala individwu huwa eżentat milli jħallas it-taxxa, dan jieħu lura t-taxxa li l-Gvern ikun qatagħlu minn ras il-għajn fuq id-dividendi. B’hekk, ma jiġix intaxxat fuqhom. Jekk wieħed, pereżempju, l-income bracket tiegħu jkun li jħallas taxxa ta’ 15%, jieħu lura l-20% li jibqa’ mit-taxxa li tkun inqatgħetlu minn ras il-għajn fuq id-dħul mill-kumpanija. Jekk ir-rata tat-taxxa li wieħed ikun iħallas tkun ta’ 25%, jieħu lura 10%. Min qiegħed fil-faxxa tal-35% ma jagħmel xejn għax it-taxxa tkun inqatgħet.

logo orizzont

Is-sistema tagħna 

Din hija s-sistema li teżisti f’Malta, magħrufa bħala s-sistema ta’ imputazzjoni. Ftit pajjiżi fid-dinja jużawha, iżda hija leġittima. Huwa reġim li ġie skrutinizzat mill-Kummissjoni Ewropea qabel ma sirna Stat membru tal-UE, u ġie approvat. Allura, ma nistennewx lil xi ħadd, għal xi raġuni jew oħra, ibiddlilna din is-sistema. Ir-raġuni għaliex pajjiżna m’għandux taxxa oħra fuq il-kumpaniji hija l-fatt li, billi aħna pajjiż żgħir u ġzira, nimpurtaw kważi kollox għall-bżonnijiet tagħna. Ftit kellna kumpaniji qabel ma ħadna l-Indipendenza, imma fuq l-importazzjoni kellna taxxa qawwija, kultant ogħla minn 100%. Dan għax kulma jidħol f’pajjiżna jidħol minn sors wieħed – il-port – u allura kien faċli li l-uffiċjal tad-Dwana jieqaf f’dak il-punt u jintaxxa. Dan kien jipprovdi d-dħul meħtieġ. Għandna t-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi għolja – kulħadd jistagħġeb għaliex. Ir-raġuni hija li f’pajjiż li huwa miftuħ u jimporta kollox, l-aħjar sors biex ilGvern jiżgura d-dħul tiegħu huwa li jintaxxa l-importazzjoni.

Din is-sistema tbiddlet xi ftit meta ddaħħlet il-VAT, meta bdejna nintaxxaw ukoll is-servizzi u nnaqqsu t-taxxa fuq prodotti tal-manifattura li nimpurtaw f’pajjiżna. Pereżempju, m’għadniex taxxa fuq l-ikel. Inbidlet is-sistema iżda t-taxxa fuq il-kumpaniji, jew inkella t-taxxa fuq id-dħul minnhom, baqgħet l-istess bħalma kienet meta twieldet wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

M’għandniex xi reġim ta’ taxxa li għamilnieh apposta biex inkabbru s-servizzi finanzjarji jew inkella l-iGaming. Huwa stat ta’ fatt li kumpaniji li jaħdmu f’pajjiżna din is-sistema jsibuha attraenti. Aħna nintaxxaw b’dan il-mod u huma f’pajjiżhom ikunu jistgħu jħallsu l-kumplament. Ma hemm xejn li m’huwiex ċar. Is-sistema hija trasparenti, ma tiddiskriminax, xi ħaġa illi jafha kulħadd. F’idejn pajjiżi oħrajn biex jaraw jekk iridux ikomplu jintaxxaw dawn il-kumpaniji li jkunu stabiliti f’Malta.

Intenni li l-Gvern Malti huwa impenjat kontra l-evażjoni tat-taxxa. Nissapportjaw u niskambjaw kull informazzjoni, iżda meta niġu għar-reġim tat-taxxa ta’ pajjiżna, se nżommu sod. Aħna m’għandniex riżorsi naturali imma għandna sistema li tiddependi minn nies bil-għaqal, u minn professjonisti fil-kontabilità, fil-Liġi, u fl-Informatika, illi pajjiżna llum jista’ jiftaħar bihom.

Għandna wkoll il-livell ta’ għajxien li għandna llum għax dejjem għarafna nħaddmu moħħna. Irridu naraw li nipprotegu dak li ksibna tul is-snin.

 

Il-Ġimgħa 18 ta’ Diċembru 2015

 

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *