KONTINWITÀ jew BIDLA


Kontinwita’ jew bidla? Żewġ kelmiet li jidhru kontradittorji għax jew se tbiddel u allura mhux se jkun hemm kontinwità jew inkella għall-kuntrarju tmur għal kontinwita’ u ma tbiddilx.

Pero’ wieħed irid jidħol aktar fil-fond biex jifhem is-sens ta’ dawn iż-żewġ kelmiet. Fil-kuntest ta’ pajjiżna meta l-Prim Ministru l-ġdid  jitkellem fuq kontinwita’, ma jfissirx li jkun hemm kontiniwita’ ta’ kollox li jkun sar imma li jkun hemm kontinwita’ tat-tajjeb li jkun sar.

l-istess għall-każ ta’ bidla. Hemm bidla li, kif jgħid il-Malti, tkun bl-għeruq u x-xniexel. Din tkun bidla radikali bħal meta jkun hemm xi rivoluzzjoni. F’każ bħal dan, tant is-sistema tkun imnawwra li jkun hemm bżonn bidla radikali. Sfortunatament, meta jiġri hekk, l-istorja turina li l-bidla tant tkun kbira, li jkunu jridu jgħaddu snin twal biex poplu jidra u jaċċetta s-sistema l-ġdida. Eżempju ta’ bidla radikali bħalma qed insemmi kienet il-bidla f’dawk il-pajjiżi li kienu jħaddnu s-sistema komunista. L-istess jista’ jgħid fuq pajjiżi li kienu jitmexxew b’mod dittatorjali minn persuna waħda taħkem il-pajjiż għal għexieren ta’ snin. Ħarsu lejn il-każ tal-Libja biex tifhmu għalxiex qed nirreferi.

Hemm bidliet oħra li huma ferm inqas radikali u assoluti minn hekk.

Jekk niġu għal pajjiżna, il-fatt li Prim Ministru ġdid iwiegħed li jrid il-kontiniwita’, imma fl-istess nifs jgħid li hemm x’wieħed ibiddel, il-kontinwita’ u l-bidla ma jiġux kontradittorji.

Pajjiżna qed iħaddan sistema ekonomika li qed tagħti l-frott u qed tikkrea l-ġid. Qed iġġib investiment barrani lejn pajjiżna. Qed titjieb il-kwalita’ tal-ħajja taċ-ċittadin. Qed trendi sitwazzjoni finanzjarja b’saħħitha li qed twassal biex il-gvern ikun f’pożizzjoni li jista’ jżid il-pensjonijiet u jtejjeb il-benefiċċji. B’din is-sitwazzjoni li ftit rajna bħala l-ebda familja ma tkun trid li din is-sistema ekonomika tiġi mibdula, b’riskju li jieqaf dan is-suċċess.

Is-sens komun jitlob li jkun hemm kontiniwita’ ta’ din is-sistema ekonomika. F’ċirkostanzi bħal dawn, jagħmel sens li wieħed ikompli jsaħħaħ is-sistema ħalli jkompli jiġi maħluq il-ġid.

Dan ma jfissirx li ma jkunx hemm deċizjonijiet u ġrajjiet li  ġraw li biex żgur ma jerġgħux jiġru jkun hemm bżonn li jkun hemm bżonn kbir tal-bidliet. Bidliet ta’ liġijiet, ta’ ċertu uffiċjali,  ta’ proċessi u proċeduri. Dan isir biex jissaħħah il-kontrol, tiżdied it-trasparenza u l-kontabilita’.

Kull wieħed u waħda minna, fil-kapaċita’ u r-rwol tiegħu jew tagħha, hemm bżonn li tagħmel il-parti tagħha ħalli din il-bidla sseħħ. Jiena stess għidt li mill-ministeru tiegħi sejjer inressaq dossier lill-Prim Ministru l-ġdid bi proposti għal dawk il-bidliet li jikkonċernaw id-dekasteru tiegħi. Dan biex inkomplu ntejbu u nsaħħu l-istituzzjonijiet tagħna, ikun hemm  kontrol effettiv fl-infieq  mill-gvern.

Dan hu l-mument li wieħed għandu jirrifletti fuq il-proċessi tal-operat tal-gvern, liema operat ikun daħal tul għexieren ta’ snin u jkun jeħtieġ riforma u li jiddaħħlu prassi ġodda li jirriflettu l-esiġenzi preżenti u kemm jista’ jkun anki dawn futuri.

U hu dan li se jkun qed isir taħt il-gvern il-ġdid immexxi mill-Prim Ministru l-ġdid, Dr Robert Abela. Fl-istess ħin, bħalma jgħid l-Ingliż “ Let us not throw the baby out with the bathwater”, fejn dan il-qawl irid iwassal il-messaġġ li meta tagħmel bidla, warrab dak li hu ħażin iżda żomm dawk l-affarijiet li huma tajbin u ħallew il-ġid. U l-ġid li daħħal il-gvern tul dawn l-aħħar snin mhux biss suċċess finanzjarju u ekonomiku, iżda anki f’dawk li huma drittijiet ċivili, it-tolleranza lejn minoranzi – dan hu il-legat ta’ dan il-moviment.

Fl-istess ħin dak kollu li huwa ħażin u li huwa kundannabbli, għandna nwaqqfuh jew nirranġawh jew ntejbuh, skont in-natura tal-każ.

Il-Prim Ministru Dr. Robert Abela, dak hu li qed iwiegħed u jassigura. Li dawk il-prattiċi ħżiena li seħħew ma jerġgħux jiġru.

Jien se nkun qed nagħti sehmi biex ma’ sħabi fil-Kabinett il-Ġdid din il-wegħda tal-Prim Ministru titwettaq.

 

Il-Ġimgħa 17 ta’ Jannar 2020

,