Kontabilita’ budgetarja akbar tal-Unjoni Ewropea


 

Il-ġimgħa li għaddiet, kelli sessjoni fil-Parlament Ewropew bħala l-Presidenza tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, li hu magħruf bħala l-ECOFIN biex nirrapporta dwar il-budgets ta’ l-Unjoni Ewropeja għas-sena elfejn u ħmistax.

 

Dan huwa dwar l-awditjar ta’ budget enormi Ewropew li jikkonsisti minn il-fuq minn mija u ħamsin biljun ewro li jintefqu mat-tminja u għoxrin pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropeja. Budgets li jagħmlu ħafna ġid, jibnu ħafna toroq, jagħtu ħafna training u programmi ta’ xogħol li huwa wkoll estensiv anka f’settur bħal biedja u kull settur ta’ l-ekonomija. Tista tgħid li dan l-infieq f’ kull pajjiż qiegħed hemm biex iwitti, biex fejn hemm nuqqas ta’ żvilupp isir iktar żvilupp li jwassal allura biex jintefqu iktar flus.

 

Dawn il-flejjes iridu jintefqu b’mod għaqli u effettiv għalhekk f’Lussemburgu għandna instituzzjoni għal tal-apposta, dik li hija l-Qorti tal-Awdituri u li xogħolhom huwa li jiskrunitizzaw din in-nefqa kollha kemm hi. Dan ovjament iwassalhom biex jirrapurtaw kollox fir-rapport finanzjarju annwali  tagħhom kif ukoll rapporti oħra. Sew il-Kunsill u kif ukoll il-Parlament Ewropew, iż-żewġ istituzzjonijiet li jinteressaw ruħom f’din l-ispiża riedu li jaraw dan ir-rapport u jagħtu l-approvazzjoni tagħhom, dik li bl-Ingliż ngħidu jagħtu id-discharge lil Qorti tal-Awdituri. Dan issir sabiex dan ir-rapport finanzjarju, iva ġie approvat u allura jitneħħa l-piż minn fuq spallejn l-Qorti tal-Awdituri bil- liabilities li jkun hemm magħhom.

 

orizzont thumbnail

 

Ma dan ir-rapport dejjem ikun hemm ukoll dik il-famuża figura perċentwali,  ta’ kemm minn dik l-ispiża kollha kienet irregolari, l-‘error rate’. Meta ngħidu irregolari ma jfissirx li kien hemm xi frodi, dik hija xi ħaġa oħra u dik hija f’idejn l- istituzzjoni OLAF biex tara dan. F’dan il-każ qed nirreferi għal irregolarijiet illi ma jintefqux skond il-proċeduri u linji gwida li l-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropeja għanda miftiehma biex tara li din n-nefqa tkun tajba.

 

Importanti ukoll huwa l-fatt illi l-flus li jintefqu jkollhom il-valur u l-benefiċji ta’ dak li jonfqu t-tax payer, jiġifieri n-nefqa tkun effettiva. Fuq kollox dawn huma kollha flus li joħorġu mill-bwiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropeja kollha inkluż aħna l-Maltin. Aħna nagħtu l-parti tagħna mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u minn taxxi oħrajn li bejn wieħed u ieħor jammontaw għal ħamsa u tmenin miljun fis-sena. Dan huwa perċentwal (10%) tal-prodott gross domestiku li jagħti kull pajjiż.

 

Irridu naraw ukoll x’indikaturi jintużaw, is-sistemi fil-post, biex naraw kif intefqu. Din hija xi ħaġa enormi, nefqa enormi, budget kbir u allura jirrikjedi budget kbir għalih biex jitwettaq.

Id-diskussjoni fil-Parlament Ewropew kienet waħda interessanti. Fosthom kien hemm min xtaq per eżempju li jkun hemm iktar case studies ta’ pajjiżi, b’ eżempji ta’ min kellu suċċess u l-mod ta’ kif jistgħu jonfqu u x’riżultati tajbin kellhom minn din in-nefqa. Kien hemm ukoll min issuġġerixxa ħaġa u min issuġġerixxa oħra.

 

Dan huwa suġġett illi l-Kunsill u l-Parlament iridu jaħdmu id f’id ħalli jaraw illi kull Ewro li jagħti ċittadin Ewropej jieħu lura l-benefiċċju tiegħu.

 

Orizzont 10 ta’Marzu

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *