Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest Articles, Maltese Articles


Jitqassmu ċ-Ċekkijiet biex ikompli jitnaqqas il-Piż tat-Taxxa

Il-ġimgħa l-oħra niedejt miżura mill-baġit għal din is-sena, li ġejja mill-programm elettorali għal din il-leġislatura. L-iskop ewlieni ta’ din il-miżura hu li tkompli titnaqqas it-taxxa. Hemm żewġ modi ta’ kif wieħed jista’ jnaqqas it-taxxa, fost oħrajn wieħed jista’ jċaqlaq is-sistema tat-taxxa b’mod li jkun hemm ‘tax refund’. Iżda mbagħad jiġri li dan jispiċċa jittieħed biss minn min iħallas it-taxxa u ma jieħu xejn dak li ma jħallasx taxxa. Agħar minn hekk il-mod kif is-sistema tat-taxxa taħdem iktar ma’ int ‘l fuq ir-rata tkun aktar qawwija, allura l-‘credit’ jikber awtomatikament. Iżda hekk minflok tkun qed tgħin biex jonqos il-faqar tkun qed tkabbar il-‘gap’ bejn dawk li jaqalgħu l-anqas u dawk li jaqalgħu l-iżjed. Għalhekk għall-kuntrarju int trid tagħti ħafna iżjed lil min iħallas anqas.

Huwa b’hekk li l-gvern irnexxielu jnaqqas in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar. Ir-riskju ta’ faqar ma jinżilx waħdu, iżda billi tagħmel miżuri bil-galbu fil-baġit. It-tieni oġġettiv huwa li nkomplu wkoll ngħinu d-dħul ta’ min jaħdem. Fost dawn il-miżuri għandna l-COLA, għandna ż-żieda fil-paga minima wara l-ewwel sena, il-waqa’ tar-rati tat-taxxa li bdejna bihom fl-ewwel tliet snin u komplejna wkoll fir-raba’ sena, għal dawk li jaqalgħu anqas minn €60,000. Fost il-miżuri l-oħra hemm ukoll il-miżura tat-‘tapering’ u l-‘inwork benefit’. Dawn flimkien maż-żieda fil-‘leave’ fost oħrajn kollha għandhom l-għan li b’mod effettiv iżidu d-dħul ta’ min jaħdem.

Niġu għall-aħħar miżura li tnediet dik taċ-ċekkijiet. Din hija t-tieni sena li se nibagħtu ċekk lil kull min jaħdem anke jekk dawn ma jħallsux taxxa. Għal min ħallas it-taxxa l-flus qed jinagħtaw abbażi d-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħhom f’Ġunju 2018, li jiġi d-dħul tas-sena 2017. Iċ-ċekkijiet ivarjaw minn €40 sa €68 skont id-dħul ta’ dak li jkun. Dawk li mhumiex iħallsu t-taxxa, jew inkella l-anqas li jaqilgħu u huma ‘single’ se jirċievu ‘l fuq minn €60. Mentri dawk li huma fil-parti ta’ fuq u jaqilgħu viċin is-€60,000 se jkunu qed jirċievu anqas jiġifieri qrib l-€40. Iċ-ċekkijiet sal-lum għandhom ikunu waslu għand kulħadd. Madankollu dawk li sa issa għadhom ma rċevewhx għandhom ikunu prudenti jagħtu ftit ieħor ċans. Jekk jara li baqa’ ma rċevihx sal-ġimgħa d-dieħla għandu jċempel lid-dipartiment fuq 153.

Is-somma globali li l-baġit ivvota għal din il-miżura hi ta’ €11.5 miljuni u li minnhom se jibbenefikaw 207,492 persuni. Fil-konklużjoni rrid nuri li l-gvern mhux bil-paroli qed inaqqas ir-riskju tal-faqar, iżda bil-fatti . Il-miżuri li qed nagħmlu qed ikunu studjati u meqjusa, bil-għan li s-sena ta’ wara naraw li l-gvern b’wiċċu minn quddiem jgħid li r-riskju ta’ nies fil-faqar nieżel.

Minn 102,000 persuna fl-2013 dawk fir-riskju ta’ faqar niżlu għal 87,000 fl-2019. Ir-rata mbagħad tinżel għal 19.3%. Fl-2018 u anke fl-2019 din ir-rata mistennija terġa’ tinżel. Dan għaliex introduċejna miżuri oħra u li issa kulħadd hu familjari magħhom bħal ngħidu aħna ‘it-tapering’, ‘childcare’, il-‘breakfast club’, iż-żieda fil-paga minima, l-‘inwork benefit’, iż-żieda fil-COLA eċċ eċċ. Għandi lista twila li ma tispiċċax ta’ miżuri li l-gvern żied, u għax l-ekonomija kellha xi tqassam. Dan bl-ingliż ngħidulhom ‘discretionary expenditures’. Jiġifieri spiża diskrezzjonarja u ma hix ‘committment’ mill-‘collective agreement’ jiġifieri mill-pagi, pensjonijiet, spejjeż tas-settur pubbliku u l-‘maintenance’ tagħhom. Kull sena qed inwarrbu somma modesta ħafna ta’ xi ħames miljun ewro u spiċċajna b’ħamsin miljun ewro. Dan sar sabiex noħolqu u inqassmu l-ġid u dan hu l-effett tagħhom.

Ir-‘refund’ tal-ġimgħa l-oħra stmajna li dawk li jaħdmu waqqgħu ir-riskju ta’ faqar b’0.17. L-istess nistgħu ngħidu għaċ-‘children’ s allowance’ u l-‘inhouse benefit’, li kieku ma kienux iddisinjati b’mod għaqli ma kienux iħallu daqstant ġid. Kif qegħdin ngħidu kull indikaturi ta’ setturi tal-popolazzjoni dawk l-erba’ miżuri għenu jew mistennija li jgħinu. Kieku qbadna u qtajna t-taxxa bħal ma bdejt ngħid kien jiġri li l-faqar imur għallagħar. Dan għaliex tispiċċa tagħti iżjed lil ta’ fuq milli lil ta’ isfel. Għall-kuntrarju taċ-ċekkijiet qegħdin taraw li minn qiegħed isfel qed jieħu iżjed minn ta’ fuq. B’hekk dan il-gvern qed jirnexxi.

Il-Ġimgħa 26 ta’ April 2019


Ask Edward