Iż-żejt tiela’ f’wiċċ l-ilma


Huwa fatt innegabbli li pajjiżna issa kien ilu għal żmien sostanzjalment twil fil-mira ta’ kritika inġusta fejn jirrigwarda s-sistema tat-taxxa. Kritika li twasslet f’livelli għoljin u influwenti ħafna, bħalma huwa l-Parlament Ewropew, anke permezz tal-midja internazzjonali.

Ippruvaw ipinġu lil pajjiżna bħala pajjiż fejn hija prattikata laxkezza fiskali, li pajjiżna huwa tax haven, fejn ma teżistix it-trasparenza u konsegwenzjalment għandek il-kriminalità. Fejn għandek il-ħasil tal-flus u fejn teżisti l-opportunità għal kumpaniji barranin biex jevadu t-taxxa. Ma jistax ikun hemm sitwazzjoni agħar minn hekk għal pajjiż li jkun irid jiġbed lejh l-investiment barrani.

Dejjem sostnejt li din hija kritika inġusta għal pajjiżna. Naf kif jaħdmu r-reġimi ta’ taxxa ta’ pajjiżi oħrajn u naf x’livelli għandna aħna. U għax naf dawn l-affarijiet dejjem sostnejt li dan huwa attakk inġust fuqna u dejjem kont konvint mid-difiża li dejjem għamilt għal pajjiżna. Dejjem kont tal-fehma li min kien qed jagħmel dawn l-akkużi jew ma kienx jaf l-affarijiet u kien imissu ivverifika  u jsir jafhom jew inkella tali kritika kienet qegħda issir b’ċerta malizzja.

B’sodisfazzjon ngħid li fil-jiem li għaddew ħarġu pubblikazzjonijiet minn istituzzjonijiet internazzjonali ewlenin, bħalma hija l-Organizazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) li permezz tagħhom iż-żejt beda tiela’ f’wiċċ l-ilma. Dak li konna ngħidu aħna fuq it-taxxa ta’ pajjiżna issa qegħdin jiddikjarawh dawn l-istituzzjonijiet b’mod ta’ awtorità. B’mod ta’ regolatur internazzjonali, b’mod ta’ istituzzjoni li tispeċjalizza fil-livelli ta’ taxxi, tant li għandha l-awtorità li tpoġġik fuq il-lista s-sewda jekk ma żżommx mal-kriterji globali. Titpoġġa f’din il-pożizzjoni jekk tipprattika sistema ta’ taxxa li tkun ta’ dannu għal pajjiżi oħrajn għax b’mod sfaċċat tkun qed tgħin kumpaniji jevadu t-taxxa.

L-OECD, li għandha l-Kwartieri Ġenerali tagħha f’Pariġi, hija l-istituzzjoni li kull pajjiż fid-dinja, inklużi ċ-Ċina, ir-Russja, l-Amerika u l-Ewropa kollha, iħarsu lejha b’rispett kbir fejn jirrigwarda l-qasam tat-taxxa. L-istima li tgawdi l-OECD f’dan ir-rigward tkompli tikber meta tqis li anke meta jiltaqgħu l-aktar pajjiżi b’saħħithom u influwenti fid-dinja fil-laqgħat magħrufin bħala G20, ikun lill-OECD li jingħata l-inkarigu biex jinżamm il-livell tat-taxxa.

Riċentement l-OECD għamlet eżerċizzju teknikament magħruf  bħala peer review, li matulu xxebbaħ ir-reġimi ta’ taxxa, il-prattiċità u t-trasparenza tagħhom kif ukoll it-tħaddim u r-rispettar jew le tar-regoli stabbiliti. Eżerċizzju li jkun mifrux fuq 140 pajjiż.

B’sodisfazzjon kbir ngħid dak li dejjem sostnejna: Malta hija fost l-aqwa pajjiżi li jimxu ma’ dawn u skont ir-regoli internazzjonali. Fil-qasam internazzjonali hija kostituzzjoni ta’ trattati, ta’ livelli li inti taqbel magħhom u li għandek kodiċi ta’ kondotta li mbagħad trid tirrispetta.

L-istħarriġ li sar mill-OECD kien bażat fuq tliet pilastri. Pilastru minnhom huwa dak tat-trasparenza, jew in-nuqqas ta’ segretezza, fejn jirrigwarda tax havens. Dan mhux il-każ fejn jirrigwarda lil pajjiżna għax Malta tissodisfa ż-żewġ kriterji f’dan ir-rigward: l-ogħti ta’ informazzjoni awtomatika u dik mitluba. L-informazzjoni awtomatika tingħata lil ħafna pajjiżi billi l-Kummissarju tat-Taxxa, kull sena, jagħti informazzjoni awtomatika fuq il-barranin li jkollhom xi investiment f’Malta u l-istess jagħmlu pajjiżi oħrajn lilna.

B’sodisfazzjon ngħid li fil-jiem li għaddew ħarġu pubblikazzjonijiet minn istituzzjonijiet internazzjonali ewlenin, bħalma hija l-Organizazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) li permezz tagħhom iż-żejt beda tiela’ f’wiċċ l-ilma. Dak li konna ngħidu aħna issa qegħdin jiddikjarawh dawn l-istituzzjonijiet b’mod ta’ awtorità.

It-tieni kriterju li Malta tissodisfa wkoll huwa meta nintalbu minn awtoritajiet barranin, Amerikani, Ġermaniżi, Franċiżi, dwar xi kumpaniji. Kull meta ssir din it-talba l-informazzjoni mitluba tingħata, nikkoperaw, għax Malta m’għandhiex dik is-segretezza li għandhom ċerti ġurisdizzjonijiet.

It-tielet pilastru huwa dak teknikament magħruf bħala harmful tax competition, livelli li bl-Ingliż u teknikament jirreferu għalihom bħala base erosion u profit shifting. Dan huwa l-mod li bih ċerti kumpaniji jirnexxielhom jevadu t-taxxa. Jagħmlu dan billi jċaqilqu l-profitti li jkunu għamlu lejn pajjiż ieħor fejn ikun hemm taxxa, imma tkun inqas minn fejn ikunu, u allura jużaw dawn il-metodi biex jevadu t-taxxa, iħallsu inqas.

Jien għidt pubblikament aktar minn darba li kull reġim ta’ taxxa li hawn fid-dinja tista’ ssiblu toqob mnejn wieħed jista’ jirnexxielu jgħaddi u jevadi t-taxxa jew parti minnha. U allura ma niskantax li jkun hemm xiħadd li għal pajjiżna jgħid li għandna xi liġi li fiha tista’ ssib minn dawn it-toqob. Ċertissimu li dak li jista’ jingħad għal pajjiżna f’dan ir-rigward jista’ jingħad għall-pajjiżi kollha tad-dinja. Huwa l-iskop tagħna li jingħalqu dawn it-toqob billi nikkoperaw u niffirmaw trattati taħt l-awspiċi tal-OECD li min-naħa tagħha tirrikonoxxi li Malta hija fost il-pajjiżi minn ta’ quddiem li attwat u ffirmat trattati.

Għalhekk għidt u intenni s-sodisfazzjon tiegħi meta rajt lill-OECD tiddikjara li Malta timxi skont ir-regoli. U allura kull min ħass li għandu jħares lejn Malta b’mod differenti, u li lablab mhux ftit, ikollu issa jibla’ kliemu lura. Nittama sinċerament li jkun hemm min jirrikonoxxi li kien żbaljat fil-konfront ta’ pajjiżna. Tista’ tagħti l-benefiċċju tad-dubju lil dak li jkun qed jagħmel il-kritika, imma mbagħad tistenna li meta joħorġu l-fatti allura jirrikonixxi li kien żbaljat. Dejjem jekk ma jkunx għamel il-kritika li jkun għamel b’mod intenzjonat, malinn u biex jagħmel il-ħsara.

Fl-istess jiem li l-OECD ippubblikat ir-rapport tagħha, il-ġurnal dwar it-taxxa internazzjonali, International Tax Review, poġġa lil pajjiżna fost l-ewwel 50 profil ta’ pajjiż jew persuna. Dan abbażi tal-mod li bih jien u l-Ministeru tiegħi mexxejna l-ECOFIN tul il-presidenza tal-Unjoni Ewropea s-sena li għaddiet. Tpoġġejna fil-lista ta’ 50 pajjiż jew persuna li għamlu impatt f’dik li hija taxxa internazzjonali, lista li tinkludi lill-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel u Bill Gates fost oħrajn.

Dan sar b’riżultat tal-fatt li waqt il-Presidenza tal-Unjon Ewropea l-Ministeru tiegħi mexxa ‘l quddiem ħafna direttivi li jolqtu t-taxxa, direttivi li jiġġieldu kontra l-evażjoni tat-taxxa. Irnexxielna ngħaddu waħda mid-direttivi importanti tal-Unjoni Ewropea kontra l-evażjoni tat-taxxa. Mexxejna direttivi oħrajn fejn jirrigwarda VAT u oħrajn dwar il-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni biex kumpaniji jkunu jistgħu jappellaw jekk ikunu milqutin ħażin jew inġustament.

Anke hawn, għal darb’oħra, kull min kien qed ibassar li Malta mhux se twassal għall-ksib ta’ riżultati bħal dawn kellu, u għandu, jibla’ kliemu lura.

Fl-istess ġimgħa wkoll inħareġ rapport ieħor. Din id-darba mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u li kien jirrigwarda l-ksib taċ-ċittadinanza b’investiment. Naħseb kulħadd jaf bil-kritika ħarxa li saret kontra pajjiżna fil-Parlament Ewropew minn uħud mill-Membri Parlamentari Ewropew, għax il-kritika ma saritx mill-Parlament Ewropew kollu. Smajna kemm kien hemm min iddeskrieva l-programm ta’ pajjiżna bħala xi ħaġa immorali u straordinarja.

U allura tajjeb li wieħed jagħti ħarsa lejn dan ir-Rapport. Meta tagħmel hekk issib li r-Rapport jgħid li kważi nofs il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandhom programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Fir-rapport issib ukoll li apparti pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandek ukoll pajjiżi bħalma huma l-Kanada, l-Awstralja u l-Amerika, kollha pajjiżi avvanzati u allura ma huwa immorali xejn li toffri programm bħal dan.

Li int tippremja ċittadin li m’għandux parentela f’pajjiżek biex jieħu ċittadinanza iżda se jikkontribwixxi lejn dak il-pajjiż b’investiment taħt forma jew oħra, inbdiet fl-Amerika, qegħda fl-Ingilterra, qegħda fi Franza u f’diversi pajjiżi oħrajn. Allura għaliex dan l-agħa dwar Malta? Jista’ jagħti l-kas li l-programm tagħna kellu suċċess aktar minn ta’ ħaddieħor u allura jkun hemm xi ftit tal-għira?

Hi x’inhi r-raġuni r-riżultati huma dawk li huma. Mhux ta’ b’xejn li l-Malti jgħid li ż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma u li ż-żmien jagħti parir.

19 ta’ Jannar 2018

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *