Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest Articles, Maltese Articles


Iż-Żamma tal-Ordni

Ta’ spiss tisma’ min jitkellem dwar iż-żamma tal-ordni jew inkella dwar il-forzi tal-ordni jiġifieri, il-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta, il-Protezzjoni Ċivili u anke d-Dwana. Il-funzjoni kruċjali  ta’ kull gvern hi żgur iż-żamma tal-ordni, bl-ingliż ‘law in order’.  Iż-żamma tal-ordni hi l-aktar ħaġa bażika ta’ kull gvern dan biex jipproteġi l-propjetaˋ, biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem b’mod ekonomiku, soċjali u kulturali.

Sabiex wieħed jimxi sew u jżomm l-ordni ma hemmx għalfejn ikun hemm il-Pulizija, għax naħseb ħafna persuni jippruvaw jimxu sew. Iżda nafu li hemm element ta’ minoranza f’kull soċjeta’ b’tendenza kriminali, jew li tikser l-ordni pubblika. Jekk wieħed ma jkollux awtorita’ li jżomm dik l-ordni u għalhekk wieħed jipprova jiddefendi ruħu se jispiċċa fl-inkwiet. Allura s-sitwazzjoni hi li minn jarma ruħu se jkollu l-aktar saħħa.

Qed naraw pajjiżi bħal-Libja, fejn min għandu l-aktar armamenti se jkun hu li jigverna, minflok bil-kontra li min jigverna għandu jkollu l-armamenti . Hawnhekk jinħoloq kaos fil-pajjiż u b’hekk tinħoloq anarkija, li ovvjament ħadt ma jridha.  Allura sabiex dan ma jinħoloqx, id-dmir ta’ kull gvern hu li jżomm l-ordni. Meta ngħidu hekk wieħed jibda jaħseb li jkun hemm Pulizija għaddej fit-triq jew fuq il-bankina u jara li ma hemmx ksur ta’ liġijiet nafu li dik mhix ir-realta’ illum. Wieħed hawnhekk irid jgħid li l-biċċa l-kbira tal-poplu jixtieq li jirrispetta l-liġi u jixtieq il-paċi. Pero’ dan mhux dejjem jiġri, u wieħed irid ikun ippreparat għal dawn l-eventwalitajiet.

Imbagħad għandek reat li hu personali u anke vjolenti. Dan ir-reat ħafna drabi jiġri fil-familji, bejn il-ħbieb, bejn in-nies li wieħed ikun jafhom.  Il-parti l-kbira tal-omiċidji jsiru min-nies qrib ta’ dik il-persuna. Mhux se nidħol dwar ir-raġunijiet, iżda huwa stat ta’ fatt li għandek ukoll ‘crimes’ li jsiru għal raġunijiet ekonomiċi bħal dak li hu serq. Dan jiddependi mis-soċjeta’ u mill-familja, jiġifieri jkollokx ħafna jew ftit serq jiddependi mis-soċjeta’ li għandek fil-pajjiż.

Nieħdu eżempju l-Amerika. Wieħed irid jispjega għaliex is-soċjeta’ Amerikana hija l-iktar vjolenti, meta wieħed jikkumparaha mal-pajjiżi l-oħra tad-dinja. Wieħed irid iqabbel għaliex is-serq ikun għoli f’pajjiż u baxx f’pajjiż ieħor. Nieħdu pajjiżna, wieħed jieħu gost li pajjiżna huwa fost dawk il-pajjiżi l-anqas li hemm reati inġenerali speċjalment vjolenti. Peroˋ l-fattur ewlieni mhux biss huwa l-familji, iżda hemm oħrajn. Hemm l-edukazzjoni pereżempju. Xjentifikament wieħed jista’ jistabbilixxi li f’pajjiż edukat ikun hemm aktar rispett lejn ħaddieħor u anqas reati.

 

Għandek ukoll il-fatt li ġo villaġġ jew ġo belt għandek it-tibdil tan-nies. Iktar ma hu stabbli, aktar in-nies huma tal-post u hekk wieħed aktar ikun jaf lil ieħor anqas ikun hemm reati ekonomiċi ta’ serq u reat simili. Għal kuntrarju aktar ma jinbidlu n-nies speċjalment fl-ibliet u fejn jidħlu aktar barranin, aktar hemm ċans li r-rata ta’ kriminalitaˋ togħla.

 

Kulħadd jassoċja ż-żamma tal-ordni mal-Pulizija fil-każ tagħna, il-Korp tal-Pulizija Malti. Madankollu hemm pajjiżi li fihom jeżisti aktar minn korp wieħed. Sa ftit taż-żmien pajjiżna wkoll kellu korp wieħed, pero’ llum żdiedu wkoll il-gwardjani li qed jgħinu wkoll sabiex ikollna ż-żamma tal-ordni fejn jidħol t-traffiku u t-tfiegħ tal-iskart u anke affarijiet simili.

 

F’dan ir-rigward kull pajjiż juża l-mudell li l-aktar li jemmen fih. Pajjiżna wkoll irid iħares lejh innifsu u bħal pajjiżi oħra jibdel jekk hemm bżonn. Per eżempju nieħdu l-‘economics crime’, fid-dinja tal-lum wieħed huwa aktar espost għal riskju akbar. Għalkemm wieħed jibża’ li xi ħadd jidħol f’daru u jisraqlu xi ġiżirana, l-akbar riskju għalih illum huwa li xi ħadd jidħol fis-sistema tal-bank jew kompjuter u jisraqlu l-flus.

 

Ir-riskju ta’ din it-tip ta’ kriminalita’ dejjem qed jikber. Il-pajjiżi membri fil-G7, qed nitolbu għall-aktar attenzjoni f’din it-tip ta’ kriminalita’ li twassal għal ħasil tal-flus ‘money laundering’. Dawn huma flus li jiġu minn kriminalita’ organizzata, jiġifieri traffikar tad-droga, kuntrabandu, kummerċ tal-mafja eċċ.

Wieħed jista’ jiġġieled dawn it-tip ta’ gruppi indirettament, billi jiġġieled biex ma jgawdux il-flus li jkunu għamlu. Dawn il-flus jgħaddu minn proċess, li permezz tiegħu wieħed jgħaddi l-flus b’tali mod li taparsi ġew minn sorsi leġittimi.

 

Għal dan il-għan f’pajjiżna bnejna istituzzjoni apposta msejjħa l-‘FIAU’, iżda anke l-‘MFSA’ tagħmel ix-xogħol ukoll, għax tara u tifli xogħol il-banek. Il-banek jistgħu jservu bħala mezz ta’ kif wieħed jaħsel il-flus. Bank xogħlu hu li jaċċetta l-flus u jsellifhom. Wieħed irid jara li dawn mhux ġejja minn sorsi dubjużi. Allura x-xogħol kollhu li qed isir fuq ‘money laundering’ huwa speċifikament dan. Nafu li l-banek kbar u globali kollha kważi inqabdu li għaddew xi flejjes dubjużi, jew li kienu qegħdin jinħaslu permezz tagħhom u ma ħadux azzjoni. Banek oħra inqabdu li ma ħadux prekawzjonijiet biżejjed. Dawn ġew immultati miljuni kbar ta’ dollari mir-regulatur.

 

Għalhekk illum wieħed irrid jagħti attenzjoni speċifika u jbiddel l-istituzzjonijiet taż-żamma tal-ordni skont il-bżonn. Il-Pulizija mhux kemm ikollha uniformi li tbeżża’ lil dak li jkun, bħal ma kienet fil-passat, iżda kemm għandha nies mħarġa fl-użu tal-kompjuter jew dik li ngħidula forensika diġitali li permess tagħha tkun kapaċi tfittex il-‘fingerprints’ diġitali.

Iż-żminijiet qed jinbidlu u għalhekk importanti li l-forzi tal-ordni jinbidlu wkoll. Dan sabiex ikunu effettivi għal kriminalita’ tal-lum.

12 ta’ April 2019


Ask Edward