It-Taxxa Diġitali


It-taxxi ilhom magħna eluf kbar ta’ snin. Anke fil-Kotba Imqaddsa nsibu li “dak li hu ta’ Ċesri għandu jingħata lil Ċesri” b’referenza għall-ħlas tat-taxxi. Aktar ma għadda ż-żmien aktar kien hemm irfinar tas-sistemi tat-taxxi biex kemm jista’ jkun jimxu fuq ċerti prinċipji, bħal li fit-tħaddim ta’ taxxa m’għandekx tonfoq fuqha aktar milli tkun se ddaħħal minnha. Hemm ukoll il-prinċipju li kemm jista’ jkun ma tindaħalx f’dik li hi għażla bejn ix-xogħol u r-rikreazzjoni billi kemm jista’ jkun ma tintaxxax ħafna mix-xogħol.

Ħafna drabi wkoll spiċċajna li għal dik li hija taxxa fuq il-konsum ħafna mill-pajjiżi jużaw il-VAT. Fuq kollox jibqa’ l-fatt li l-prinċipju tat-taxxa huwa li l-Gvern ikollu, biex ngħidu hekk, manku li permezz tiegħu jkun jista’ jaqbad il-borma.

Hemm żewġ binarji li fuqhom jimxu s-sistemi tat-taxxi. Minn naħa waħda għandna d-dħul għall-kumpaniji. Il-kumpaniji ma jkunux intaxxati fuq kemm ibiegħu imma fuq kemm jagħmlu profitti għax ma jkunx ġust li tintaxxa kumpanija li tkun qegħda tagħmel it-telf. Dan il-prinċipju ġie aċċettat u ġie aċċettat ukoll li tintaxxa kumpanija li hija fiżikament residenti f’pajjiżek. Ma tistax tintaxxa kumpanija li qegħda f’pajjiż ieħor għax b’hekk il-kumpanija tispiċċa li tkun qegħda tiġi intaxxata darbtejn. Ifisser li l-lokazzjoni, il-preżenza fiżika hija essenzjali.

Fir-rigward tal-individwu, kif nafu, hemm it-taxxa tad-dħul, l-income tax. Dawk huma ż-żewġ binarji tat-taxxi li rreferejt għalihom. Fir-rigward tat-taxxa fuq il-konsum hemm il-VAT, hemm is-Sales Tax u hemm is-Sisa. Kull pajjiż jiddeċiedi hu liema sistema ta’ taxxa jadotta.

Madankollu, minn żmien għal żmien, dejjem nisimgħu b’xi forma ta’ taxxa ġdida. Bħalissa qegħdin nisimgħu spiss it-terminu “Taxxa Diġitali”. Taxxa ġdida li qegħda tkun suġġerita mill-Kummissjoni Ewropea. X’inhu jiġri?

Kumpaniji moderni, bħalma huma Google, Facebook, Amazon u oħrajn bħalhom li llum kulħadd juża s-servizzi tagħhom fuq l-internet, huma kumpaniji ġganteski. Differenti mill-kumpaniji kif nafuhom sal-lum. Kumpaniji li f’ċerti każi huma akbar minn pajjiżi kbar. Kumpaniji ġganteski li jdaħħlu flus kbar u jagħmlu profitti kbar.

Nagħti eżempju biex nuri d-differenza bejn kumpaniji bħal dawn li qed nirreferi għalihom u kumpaniji oħrajn kif nafuhom sal-lum. Nieħdu l-każ ta’ kumpanija li tipproduċi l-karozzi. Il-kumpanija tixtri l-materja prima, tipproduċi l-karozzi, tbiegħhom, ovvjament bi profitt, u tħallas it-taxxa fuq dak il-profitt lill-Gvern tal-pajjiż li fih għandha l-fabbrika, fejn hemm il-preżenza fiżika tagħha.

Imma mhux hekk fil-każ tal-kumpaniji diġitali. Ma tafx fejn hu l-indirizz tagħhom minkejja li jista’ jkollhom nies tagħhom  f’diversi pajjiżi. Iżda tant isir xogħol fuq l-internet illi inti ma tkunx tista’ tgħid fejn kien produċut is-servizz tagħhom. Mhux talli hekk, talli x-xogħol tagħhom huwa li jiġbru l-informazzjoni fuqek u fuqi li nkunu qegħdin nużaw is-servizz tagħhom. Isiru jafu tista’ tgħid kollox fuqna, minn x’films inħobbu, fejn inħobbu nsiefru, kemm-il darba sifirna, kemm-il darba bbukkjajna u erġajna ħassarna. Ikunu jafu kollox. Din l-informazzjoni kollha li jkunu qegħdin jiġbru hija mezz ta’ kif imbagħad jistgħu jipproduċu s-servizz tagħhom.

Kumpaniji moderni, bħalma huma Google, Facebook, Amazon u oħrajn bħalhom huma kumpaniji ġganteski.…..li jdaħħlu flus kbar u jagħmlu profitti kbar.

Allura li qiegħed jiġri huwa li filwaqt li fil-każ tal-produzzjoni tal-karozzi taf f’liema pajjiż qegħda ssir tali produzzjoni għax il-fabbrika li tipproduċiha tista’ taraha, mhux hekk fil-każ ta’ kumpaniji diġitali bħal Facebook, Amazon u Google. Ma tafx fejn qed jiġi produċut is-servizz, ma tafx fl-ekonomija ta’ liema pajjiż qed isir il-valur addizzjonali. Bil-konsegwenza li nistgħu ngħidu li kull pajjiż qisu għandu dritt, jixtieq kieku li jintaxxahom hu.

Il-Gvern Franċiż iħoss li dawn il-kumpaniji għandhom iħallsu t-taxxa fi Franza, avolja huma kumpaniji Amerikani. U allura, imbotta minn hemm u imbotta minn hawn il-Kummissjoni Ewropea qed tgħid li dawn il-kumpaniji ġganteski jridu jħallsu t-taxxa fl-Ewropa wkoll għax ħafna mill-profitti li qegħdin jagħmlu qegħdin jagħmluhom minn fuq l-Ewropej.

L-idea hi li tkun introdotta taxxa li ma tkunx kalkulata fuq il-profitt imma fuq kemm qiegħed jinbiegħ is-servizz, liema taxxa ma titħallasx lill-Gvern ta’ dak il-pajjiż fejn il-kumpanija għandha xi preżenza fiżika imma tinġabar mill-Gvernijiet ta’ fejn in-nies jużaw l-internet, fejn il-preżenza hi virtuali.

X’aktarx li qegħdin tgħidu lilkom infuskom li din hija xiħaġa kumplikata. Il-ġimgħa li għaddiet attendejt għal laqgħa informali tal-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea f’Sofia, il-Bulgarija, u kellna quddiemna din il-proposta. Il-problema hija li din il-proposta tirrikjedi li l-Gvernijiet inaqsu parti mit-taxxa li jkunu qegħdin jagħmlu biex ikun jista’ jdaħħalha ħaddieħor. Eżempju konkret: il-Gvern Amerikan        qiegħed jintaxxa kumpanija partikolari, inaqqas parti minn din it-taxxa biex l-Ewropa tkun tista’ tintaxxa hi l-parti l-oħra. Dan ikun ifisser li fejn qabel kienu magħrufin id-drittijiet ta’ min għandu jintaxxa issa, biex ngħidu hekk, se jinqalbu rashom ‘l isfel.

Huwa għalhekk li kien hemm nuqqas ta’ qbil minn diversi pajjiżi, inkluż Malta. Fl-opinjoni tagħna din hija sitwazzjoni li se tikkomplika ruħha ħafna. Se toħloq ġlied kummerċjali bejn l-Amerika, iċ-Cina u anke l-Ewropa. Mhux lakemm tgħaġġel tiddeċiedi. Wieħed għandu jaħsibha sew għax din tirrikjedi soluzzjoni fit-tul. Ma jistax ikun li tiddeċiedi bl-għaġġla meta għandek sistema stabbilita li se taqlibha rasha ‘l isfel. Anke jekk tali deċiżjoni tkun ġustifikata xorta waħda jrid ikun hemm qbil globali.

Malta, flimkien ma’ għadd ta’ pajjiżi oħrajn li jaħsbuha bħalna, fosthom il-Lussemburgu u l-Irlanda, qegħdin ngħidu lill-Kummissjoni Ewropea, lil Franza u lil kull pajjiż ieħor li qabel ma’ dak propost jew inkella qed jipproponi xi forma ta’ taxxa ġdida, li l-kwistjoni għandha tittieħed quddiem l-OECD, li hija istituzzjoni internazzjonali li xogħolha hu li ssib ftehim bejn il-pajjiżi  fuq prinċipji tat-taxxa. Ma naħsibx li hemm triq aħjar minn hekk meta qegħdin nitkellmu fuq prinċipji ta’ taxxa li ilhom stabbiliti għal ħafna u ħafna snin.

Ma jistax, u m’għandux ikun hemm min, b’mod unilaterali jaqbad u jgħid li jnaqqas mid-dħul tiegħi biex jieħdu hu. Deċiżjoni unilaterali jista’ jeħodha kemm irid sakemm tikkonċerna lilu nnifsu u lilu biss, imma jekk tolqot jew tinvolvi lil ħaddieħor allura bilfors li jkollu jitkellem mal-parti l-oħra, bilfors li jrid ikun hemm dak li jissejjaħ ftehim multilaterali.

Huwa għalhekk li aħna bħala Malta ma naqblux ma’ din it-taxxa. Ma naqblux mhux għax għandna xiħaġa kontra imma għax s’issa għad m’hemmx diskussjonijiet dwarha. Lanqas biss għadhom bdew. Diskussjonijiet bħal dawn jieħdu mill-inqas medda ta’ sentejn. Għaġġla żejda ġġib biss inkwiet kummerċjali. Ma ninsewx fuq kollox li l-pajjiżi Ewropej kollha konna kritiċi tal-President Amerikan Donald Trump li jaqbad u jgħolli t-tariffi bl-addoċċ meta hemm ftehim li t-tariffi m’għandhomx jogħlew.

Prinċipju li trid tibqa’ żżomm miegħu. Ma tistax tikkritika lil Trump għax ħa deċiżjoni b’mod unilaterali mbagħad int tagħmel l-istess ħaġa u b’mod unilaterali tgħid li se tagħmel taxxa diġitali fuq kumpaniji Amerikani bla ma hemm ftehim għal dan mal-Istati Uniti.

Malta pajjiż żgħir, imma għandna vuċi madwar il-mejda. Meta nagħmlu dan l-argument ningħataw il-prosit għax huwa argument li jagħmel sens. Mhix kwistjoni ta’ daqs ta’ pajjiż imma ta’ jekk l-opinjoni li tagħti tagħmilx sens jew le. Ma rridux gwerer kummerċjali għax f’sitwazzjoni bħal din Malta tbati. Aħna niddependu ħafna fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti u servizzi. Mhux fl-interess tagħna li jkun hemm gwerer kummerċjali bejn l-Amerika u ċ-Cina. Fl-interess tagħna huwa li jkun hemm ftehim.

Konxji li l-ftehim jieħu ż-żmien biex jintlaħaq. Hemm organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma hija l-OECD fil-każ ta’ taxxa, u d-WTO fil-każ ta’ kummerċ. Huwa quddiem dawn l-organizzazzjonijiet li għandha ssir id-diskussjoni. Eżempji ta’ wasla għal ftehim fil-passat kellna u allura għandna għalfejn nisperaw li anke f’dan il-każ ikun hemm ftehim illi jista’ jagħti l-każ li jwassal biex jitbiddel il-mod, il-proċess ta’ taxxa fuq kumpaniji ġganteski.

Għal dan il-għan se nkunu qegħdin inkomplu naħdmu għax huwa ċar daqs il-kristall li l-ġid jinkiseb minn ftehim u mhux minn gwerer kummerċjali.

Il-Ġimgħa, 4 ta’ Mejju 2018

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *