Is-sena li qed tintemm


Meta wieħed jasal lejn l-aħħar tas-sena, irid u ma jridx, ikollu jħares ftit lura lejn x’ġara matul dawk it-tnax-il xahar u jixtarr ftit dak li ġara.

 

Però meta jkunu ġraw ħafna ġrajjiet, mhux faċli li tiftakar kollox. Allura tajjeb li għall-inqas wieħed jislet l-aktar avvenimenit importanti li meta tagħsarhom jistgħu jfissru xi ħaġa għall-futur.

 

orizzont thumbnail

 

 

Mil-lat ekonomiku naħseb li għall-Ewropa, però anki għad-dinja, wara l- maltemp kbir ekonomiku, jidher li l-baħar beda jikkalma.  Ma jfissirx li l-ekonomiji sejrin tajjeb ħafna. Imma, iva, għandek numru ta’ pajjiżi li bdew jaraw it-tkabbir ekonomiku – bdew jaraw ukoll titjib fil-finanzi pubbliċi tagħhom – però s-sitwazzjoni għadha m’hijiex dik li wieħed jixtieq.

 

Il-fatt li meta għandek il-qgħad li għadu għoli, speċjalment dak taż-zgħażagħ, żgur li mhux sodisfaċenti għall-gvernijiet u għan-nies ta’ dawn il-pajjiżi.

 

Is-sitwazzjoni f’Malta hija totalment differenti. Pajjiżna ra l-ikbar tkabbir tagħu, b’rata mgħaġġla, b’rata ħafna drabi ikbar minn dik tal-Ewropa.  Għandna momentum illi l-aġenziji internazzjonali tal-credit rating qed isostnu li huwa sostenibbli għall-futur, u din hija wkoll l-opinjoni ta’ kull osservatur ieħor. B’riżultat ta’ hekk, ksibna l-akbar ċertifikat, jiġifieri l-upgrade. Dan ifisser li r-rating ta’ Malta tela’ saffa ogħla milli kien fil-passat, xi ħaġa li l-Gvern kien ilu jistenna, u li kien ilu jibni ħidmietu b’rabta magħha bil-mod il-mod, u li ingħatat matul din is-sena.

 

Dan it-tkabbir inkiseb grazzi għall-erbgħa budgets li ppreżenta dan il-Gvern, bir-raba’ wieħed ikollu enfasi kbira fuq it-tqassim tal-ġid, dwar il-qagħda ta’ familji li huma fil-faqar, dwar il-pensjonanti, eċċ.  U l-budget li fil-fatt tħabbar fl-aħħar ta’ din is-sena, f’Ottubru, aċċenna bil-kbir u b’iktar enfasi, fuq il-pensjonanti, b’ħafna miżuri li ngħataw f’dan il-budget kif ukoll it-tqassim tal-ġid biex jitnaqqas il-faqar. Għalkemm ir-riżultati li taw l-istatistika li l-faqar naqas, għall-inqas mill-istatistika li ħarġet din is-sena, il-Gvern irid li dan jitkompla ghall-futur.   U allura l-budget ta enfasi ikbar dwar it-tqassim tal-ġid.

 

Fost it-temi li ssemmew ħafna internazzjonalment insibu l-immigrazzjoni. Fejn fil-passat din kienet tolqot lil pajjiżna, bil-konsegwenzi kbar fuq il-pajjiż, issa laqtu lill-pajjiżi bħall-Ġermanja u l-qalba tal-Ewropa, b’mod qawwi speċjalment  minħabba l-gwerra tas-Sirja, li  qajjmu furur kbir. Kelna l-Kanċillier tal-Ġermanja li b’fetħet qalbha mal-immigranti u nkunraġġiet lil niesha biex jiftħu idjehom magħhom. Però min-naħa l-oħra, ir-razziżmu u t-terroriżmu refgħu rashom, u allura ikkumplikat anki l-qagħda politika tal-partit fil-gvern fil-Ġermanja.  Dan kellu effett ukoll fuq pajjiżi oħra, speċjalment fil-Lvant li għadhom bil-goff kontra l-immigrazzjoni u mhux lesti li jsibu kompromess li tixtieq Malta u ħafna pajjiżi fl-Ewropa illi hija ta’ burden sharing, ċioè, li jitqassam il-piż.

 

Min-naħa l-oħra t-terroriżmu ma għenx – anki għall-fatt li t-terroriżmu ħafna drabi jkun minn żgħażagħ minn klassi li mhux qiegħda fil-faqar, li kultant ikunu ċittadinini tal-istess pajjiż, u allura la huma immigranti u lanqas huma refuġjati.

 

Mix-xena politika, naħseb l-iktar affarijiet li ġabu bidla kbira kienu l-aħbarijiet li ġraw fir-Renju Unit permezz tal-Brexit u fl-Amerika fejn kandidat, Donald Trump, li ma kienx mistenni li jirbaħ l-elezzjoni, fil-fatt irnexxielu. Kandidat b’ideat li m’humiex tas-soltu u żgur li m’humiex konvenzjonali. Dawn ħolqu ċertu inċertezza għax ħadd ma jaf kif se tkun il-politika barranija, kummerċjali, finanzjarja, bankarja tal-Amerika, li huwa pajjiż kbir u influwenti. Bl-istess mod, ma nafux x’ser tkun il-politika tar-Renju Unit, issa li ddeċieda li joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

 

Dan s’intendi se jkollu impatt kbir li naraw kif se jiżvolġi matul is-sena d-dieħla. Però nistgħu ngħidu li qalbu l-affarijiet ta’ taħt fuq u allura spiċċajna s-sena b’inċertezzi kbar għall-futur. Dan jista’ jkun ta’ ġid għax wieħed m’għandux dejjem jaħseb li dawn it-taqlibiet se jkunu bilfors għall-ħażin.  Però għal pajjiżna, li huwa pajjiż miftuħ, dawn l-avvenimenti jistgħu jkollhom ukoll influwenza kbira fuq il-futur tagħna. Iżda meta niżnu kollox, naħseb li spiċċajna s-sena b’mod tajjeb ħafna u l-affarijiet jidhru promettenti ferm għas-sena d-dieħla.

 

Dan ifisser li jekk aħna nkomplu nimxu ‘l quddiem, u s-setturi kollha ekonomiċi ta’ pajjiżna jiġbdu ħabel wieħed, għandna nirnexxu. Speċjalment f’perijodu fejn pajjiżna qed jiġi ammirat iżjed u iżjed peress li minn nhar il-Ħadd li ser ikollna l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ewwel sitt xhur tas-sena. Dan ifisser li għandna aktar sfidi kbar fejn għajnejn id-dinja ser ikunu kollha fuq pajjiżna, speċjalment permezz tal-media. Naħseb li din hija opportunità kbira għall-pajjiżna biex jattira aktar ġid lejn xtutna.

 

Nixtieq nagħlaq dan l-aħħar artiklu tiegħi għal din is-sena billi nawgura lilkom u lill-familji tagħkom il-ġid u dak kollu li tixtieq qalbkom matul is-sena d-dieħla.

 

12_ORZ_Edit

Il-Ġimgħa 30 ta’ Diċembru 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *