Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest Articles, Maltese Articles


Is-Sekwenza tal-Ħin

Bookmark and Share

Il-ġimgħa l-oħra tkellimna dwar ir-riskju u dwar kemm huwa fattur importanti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, sew dawk ekonomiċi, kif ukoll dawk politiċi u dawk kummerċjali.

Illum ser nitkellmu dwar l-importanza tal-ħin, jew inkella, s-sekwenza tal-ħin fl-ambitu ta’ deċiżjonijiet marbuta wkoll mal-ekonomija, politika u kummerċ. Iżda mhux biss.

Ċertament, il-ħin mhuwiex xi kunċett ġdid. Imma biex nispjega ruħi aħjar dwar il-ħsibijiet tiegħi, nixtieq infakkarkom fil-qaw Ingliż, ‘a stitch in time, saves nine’. Da ifisser li jekk għandek fetqa żgħira li tista’ ssewwiha faċilment b’punt, aħjar taqbad u tħitu milli titraskurha, għax inkella aktar ‘il quddiem ikollok tieħu biċċa xogħol akbar u tħit disa’ punti biex issewwi t-tiċrita. Għalhekk, aħjar tieħu azzjoni mal-ewwel milli tħali l-problema tikber, għax tiffranka ħafna xogħol fil-futur.

 

ori

Dan il-ħsieb insibuh ukoll fl-ekonomija, fejn l-ekonomisti ikeljlu l-impatt ta’ xi ħaġa kemm fil-qrib, kif ukoll fil-bogħod, jew kif isejjħulhom bl-Ingliż, ‘in the short-term’ jew ‘in the long-term’. Pereżempju, meta jistudjaw l-għoli fil-prezz tal-gass, l-ekonomisti jaraw l-impatt taċ-ċaqliq fil-prezz kemm fix-short term, kif ukoll fil-long-term.

Fix-short-term, l-impatt tal-għoli fil-prezz jkun li l-konsumatur jipprova jekonomizza, jiġifieri jnaqqas mill-użu tal-gass biex jipprova jiffranka l-flus. Imma jekk il-prezz jibqa’ għoli fit-tul meta mqabbel mal-elettriku jew xi tip ta’ enerġija oħra, il-probabilità tkun li l-konsumatur jaqleb minn forma ta’ enerġija għall-oħra. Allura min għandu heater tal-gass jixtri wieħed tal-elettriku. Allura l-impatt fuq is-suq se jkun ħafna differenti fl-imbiegħed milli fil-qrib, u dan ifisser li kull impatt irid jiġi studjat b’mod differenti. Jiġifieri d-distinzjoni u sekwenza tal-ħin hija importanti ħafna.

Ilkoll nafu kif il-Brexit bħalissa hija tema importanti ferm fl-Unjoni Ewropea, speċjalment issa li din il-ġimgħa l-Qorti Suprema tar-Renju Unit qatgħatha li l-Parlament irid jivvota dwarha. Ftit tal-ġimgħat ilu, kien hawn Malta grupp ta ‘l fuq minn ħamsin ġurnalist internazzjonali li ġew mistiedna f’pajjiżna sabiex jitgħallmu aktar dwar pajjiżna u kif ser tkun il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Jiena kelli laqgħa magħhom, fejn mhux wieħed jew tnejn, staqsewni. X’taħseb fuq il-Brexit?” Jien għidtilhom li fl-opinjoni tiegħi, sew l-Unjoni Ewropea u sew ir-Renju Unitra ser ibagħtu mill-konsegwenzi negattivi, però bid-differenza li fil-każ tar-Renju Unit, l-impatt tal-Brexit ser jinħass qabel mill-Unjoni Ewropea. Jiġifieri li s-sekwenza tal-ħin ser tkun kontrihom. Għidtilhom li għalhekk ser jiġri li “The UK will blink first”. Jiġifieri meta minħabba f’azzjoni waħda, inti ser issofri l-konsegwenzi negattivi qabel minn min hu fuq in-naħa l-oħra, inti qiegħed f’pożizzjoni aktar dgħajfa u mistenni li tirreaġixxi. Bħal zewġ kawbojs li jħarsu fiss f’għajnejn xulxin u l-ewwel wieħed li tonqoslu r-rieda jispiċċa biex iteptep għajnejh l-ewwel, jitlef il-konċnetrazzjoni u jispiċċa l-vittma tad-dwell. Dan kollu huwa r-riżultat tal-ħin.

Dan ukoll narawh fl-elezzjonijiet. Il-konsegwenzi li qed jinħassu fl-Ewropa, jew f’ħafna pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, li traskuraw is-sigurtà tal-pajjiż, li għadhom ma sabux soluzzjoni għall- immigrazzjoni, jew inkella għall-faqar u jew għall-qgħad kbir li qed ikollu konsegwenzi serji ħafna fuq il-panorama politiku ta’ dawn il-pajjiżi. Tant hu hekk, li qed naraw kif partiti, hekk imsejħa populisti, qed jiksbu ħafna poplarità peress li jidhru li qed jagħtu ferm aktar kas ta’ dawn it-temi mill-partiti tradizzjonali. Jekk sal-elezzjonijiet il-partiti tradizzjonali ma jilħqux juru fil-ħin li qegħdin jindirizzaw dawn il-problema, għandhom jistennew li jkunu f’pożizzjoni dgħajfa ħdejn il-partiti populisti dakinhar tal-elezzjoni.

Ħafna mill-professjonisti jqisu l-ħin bħala parti mix-xogħol tagħhom. Insibu wkoll dak li ngħidulu project management fejn ikun hemm xi ħadd li hu responsabbli minn proġett kbir, li jkun ikumplikat u jrid jagħmel distinzjoni bejn dawk l-attivatijiet li huma konsegwenzjali, f’dak li hu ħin, jiġifieri ħaġa tiġi wara l-oħra u waħda ma tistgħax tagħmilha qabel l-oħra. Hekk, ma tistgħax tbajjad ħajt qabel ma jkun imkaħħal, jew inkella ma tistgħax tgħaddi l-elettriku qabel ma l-istruttura tkun hemmhekk. Min-naħa l-oħra, hemm attivitajiet li jistgħu isiru b’mod simultanju, jiġifieri f’daqqa, fejn filwaqt li wieħed ikun qed jaħdem fuq ħaġa, l-ieħor ikun jista’ jaħdem fuq parti oħra. Din hija parti mill-project management ukoll.

Minn dan kollu nistgħu naraw kif fil-pjanijiet li nagħmlu u d-deċiżjonijiet li nieħdu ta’ kuljum f’ħajjitna, il-ħin kif ukoll is-sekwenza tal-ħin jidħol bħala element importanti għax riżultat ta’ hekk, jista’ jkollu konsegwenzi serji, sew pożittivi, kif ukoll negattivi.

 

Il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar 2017


Ask Edward