Ir-riskju meqjus


Ir-riskju bħala kunċett huwa bbażat fuq il-probabiltà li fil-futur, ser tiġri xi ħaġa. Meta nitkellmu fuq riskju, jiġuna f’moħħna l-aċċidenti, bħal pereżempju r-riskju assoċċjat mas-sewqan ta’ xi vettura, jew li tivvjaġġa permezz tal-ajruplan, vapur jew ferrovija.

Hemm min, biex jiċċajta, jgħid li saħansitra s-sempliċi fatt li jmur jorqod fis-sodda jippreżenta ċertu ammont ta’ riskju, għax nafu li hemm aktar nies li mietu fis-sodda waqt l-irqad, milli waqt li kienu qed jivvjaġġaw bl-ajru jew bil-karozza. Imma ċajt apparti, dak li hu ċertu huwa li l-probabiltà u r-riskju huma bbażati u kkalkulati fuq dak li jkun ġara fil-passat.

 

12_ORZ

 

Meta wieħed jistudja l-passat, ikun jista’ jevalwa jekk ir-riskju jkunx għoli jew baxx, inkwetanti jew inkella insinjifikanti. Fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet, min irid ibassar x’riskju ser jieħu, jista’ jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-probabiltajiet.

Problema oħra dwar ir-riskju u l-probabiltà huwa li qabel ma jseħħ il-fatt, inti ma tafx b’ċertezza jekk hux ser iseħħ jew le. Huwa faċli mmens li, wara li l-fatt iseħħ, wieħed jgħid: “ara, ma ġratx”, jew inkella, “ġrat u allura r-riskju huwa mija fil-mija.” Imma qabel ma jseħħ il-fatt, inti trid tikkalkula dak li jkun ġara fuq medda ta’ snin fil-passat jew inkella fuq popolazzjoni ta’ elf ruħ, dejjem skont in-natura tal-istudju li qed tagħmel.

Imma nistħajjilkom issaqsu, għalfejn qed jgħid dan kollu?

Ir-riskju huwa suġġett serju ħafna għal istituzzjonijiet kbar, kumpaniji kbar, għall-gvern, u wara lkollox, għal kulħadd, għax dawn kollha jridu jieħdu deċiżjonijiet importanti għall-futur.

Tajjeb li nfakkar kif banek prinċipali għandhom dipartimenti kbar li xogħolhom huwa li jiffukaw fuq il-kalkoli tar-riskji kuljum. Riskji bħar-riskju fuq l-ekonomija, li titla’ l-inflazzjoni, li jiżdied il-qgħad jew inkella li tonqos il-likwidità, kif ukoll ir-riskji personali u ta’ kumpaniji dwar jekk iħallsux lura d-dejn li jkollhom. Hemm riskji oħrajn ukoll, però dawn huma kumplikati ferm u rridu nieħdu ħafna aktar spażju mill-gazzetta biex niddiskutuhom.

Biex niskansaw ir-riskji, ħaġa waħda biss hemm x’tagħmel; dak li ma tagħmel xejn. Anzi, anki jekk ma tagħmel xejn, wieħed xorta jaf ikollu xi riskj imma żgur li fil-ħajja, speċjalment fin-negozju, wieħed irid joħodhom dawn ir-riskji. Aktar ma jkunu riskji għoljin, ir-ritorn tad-dħul jew inkella profitti jkunu ikbar. Mhux dejjem jiġri hekk, però jkunu relatati.

Żgur li, per eżempju, fl-investimenti finanzjarji, dan huwa l-każ. Ir-rati tal-imgħax ikunu għoljin jekk ir-riskju huwa għoli, u jkollok imgħax baxx meta r-riskju huwa baxx, per eżempju, fil-każ ta’bonds tal-gvern jew inkella depożiti bankarji.

 

orizzont thumbnail

 

Aktar ma mmorru ’l quddiem iktar ir-riskji qed jiġu kalkulati b’mod sofistikat, permezz ta’ mudelli ta’ kompjuters ikkumplikati, biex bihom ikun wieħed jista’ jieħu deċiżjoni tajba però fl-istess ħin ma jidħolx għal riskji mingħajr ma jkun jaf għalxiex wieħed dieħel. Dak li jsir mill-banek isir anki minna – fid-dar, fil-familja, li għalkemm ma jikkalkulawhomx bil-computer ikun qiegħed ikollu jikkalkula x’deċiżjoni wieħed jew ieħor.

Ir-riskji huma parti essenzjali mill-ħajja tagħna. Kull deċiżjoni li nieħdu trid tkun meqjusa, għax fiha element ta’ riskju peress li l-effett ta’ dik id-deċiżjoni ma jinħassx mal-ewwel, iżda fil-futur. Għalhekk ir-riskju jrid ikun meqjus.

 

– Friday, 13th January, 2017

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *