Ir-riskji ekonomiċi


Meta l-affarijiet ikunu sejrin sew u l-maġġoranza tan-nies qed jaraw l-affarijiet f’dawl pożittiv, mhux l-ewwel darba li ssib lil min ikun negattiv u joqgħod ifittex l-“imma”. Dan isir kemm fil-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll fl-ambitu ta’ kif jitmexxa l-pajjiż. Dawn in-nies kienu jeżistu minn ewl id-dinja, tant li fil-Mitoloġija Griega nsibu lill-persunaġġ ta’ Cassandra li jiġri x’jiġri, dejjem tbassar li ħa jseħħ xi għawġ jew xi gwaj.

Però, lill’hinn minn dawn il-karattri negattivi, insibu wkoll għadd kbir ta’ nies li jħarsu lejn l-affarijiet b’mod bilanċjat u jsaqsu dwar x’inhu r-riskju li tieqaf il-prosperità li qed ngħixu fiha u jekk tieqaf, j’xer jiġri. S’intendi, jekk jiġri hekk ma jkunx kollox ward u żahar iżda b’mod oġġettiv nistgħu nanalizzaw x’inhuma l-problemi li jistgħu jinqalgħu jekk l-affarijiet ma jkomplux imorru tajjeb, x’inhuma r-riskji u kif wieħed jista’ jipprepara għalihom.

 

ori_10.9

logo orizzont

 

Jekk inħarsu lejn l-ekonomija ta’ pajjiżna, nistgħu naraw kif għandna tkabbir rekord li huwa ogħla minn dak ta’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea, qgħad baxx, it-turiżmu kull ma jmur aktar qed jissaħħaħ u l-affarijiet sejrin tajjeb. Madanakollu, ser insibu min jgħid li hemm riskju li nitilfu dan kollu minħabba xi inċident li wara kollox, m’għandniex kontroll fuqu. Pereżempju, nistgħu ngħidu li Malta hija qrib l-Italja, u għalhekk teżisti l-probabilità li nsofru minn xi terremot, anke minħabba l-fatt li qegħdin ferm qrib l-Etna li huwa vulkan attiv. Però ma jagħmilx sens li noqgħodu ninħlew ninkewtaw fuq dawn ir-riskji, la aħna m’għandniex kontroll fuqhom.

Meta l-ekonomija tkun sejra tajjeb ħafna, issib min jgħid li għandhek boom ekonomiku, terminu tekniku li jimplika l-ekonomija qed tikber donnha bużżieqa li tiġma l-arja ġo fiha sakemm xi darba jew oħra tisplodi.   Malta ma hix f’din is-sitwazzjoni.Hemm numru ta’ fatturi, jew riskji, li jinħolqu pass pass mal-ħolqien tal-ġid.. L-ewwel wieħed  huwa dak li aktar ma jiġi ġġenerat ġid, aktar jikbru l-aspettattivi. Dan jiġri għax dak li jkun jippretendi li jmissu aktar għax jgħid li “la hemm il-ġid, jien għandu jmissni aktar minnu.” Dan huwa aspett normali li jwassal għad-domanda ta’ kif ser tqassam dak il-ġid bl-aktar mod ġust u ekwu meta tikkonsidra bosta fatturi bħal ngħidu aħna, l-faqar.

Agħar minn hekk, hemm il-periklu li meta wieħed ikun sodisfatt bih innifsu u b’dak li rnexxielu jikseb u bla ma jrid jaqa’ fi stat ta’ għażż li joqtollu l-ħeġġa li għinitu jissielet gġall-kisbiet tiegħu. Meta jiġri hekk, tkun qed tidħaq bik innifsek u l-qagħda favorevoli tiegħek tibda tmajna. Dan jista’ jiġri wkoll fl-ekonomija fejn nistgħu nitpaxxew bis-suċċessi li ksibna u ma nitilfu dik il-bżulija li wasslitna għal dawn l-istess suċċessi.

Problema oħra hija dik li t-tkabbir ekonomiku, minbarra li jiġpenera aktar ġid, jiġġenera aktar bżonnijiet li r-riżorsi li jkollu l-pajjiż ma jkunux jistgħu ilaħħqu magħhom. Pereżempju, fit-turiżmu naraw kif l-Imdina u l-Belt Valletta huma miżgħuda bin-nies għax qed jiġu aktar turisti lejn pajjiżna. Dan iġib miegħu aktar sinjali li dawn il-postijiet qed jintużaw, fosthom aktar skart u ħsara. Aktar ma jintrema skart, aktar tiġi attakkata l-indafa tal-post u aktar tinħoloq pressjoni fuq ir-riżorsi li jkollu l-pajjiż biex iżomm il-postijiet indaf. B’hekk tqum id-domanda, “dan kollu qed isir għax in-nies qed tarmi iżjed, jew għax min qed jiġbor l-iskart ma jistax ilaħħaq bħal ma kien jagħmel qabel?”

Fil-fatt, l-iskart huwa prodott iġġenerat indirettament minn bosta attivitajiet, li bl-Ingliż insejjħulu by-product, u dan narawh speċjalment fit-turiżmu. Għalhekk, jekk inti ma tinvestix fil-manutenzjoni ta’ dan il-prodott inti tkun qed tidħaq bik innifsek għax il-kwalità tal-prodott tibda tiddeterjora. Min hu fis-settur privat dan jafu sew. Jekk inħarsu lejn il-lukandi, naraw kif kull tant snin jibdew ibidllu l-għamara, t-twapet u saħansitra anke l-bini għax jafu li wara ċertu żmien, aktar ma l-prodott joħloq il-ġid, aktar jibda jgħajja u jkun il-kaġun tad-disfatta għax la jiddeterjora l-prodott, ma jkunx jista’ jinħoloq aktar ġid!

L-ekonomija turik is-sinjali ta’ ċertu nuqqasijiet, u dan jidher biċ-ċar fil-qasam tal-housing. Meta l-ekonomija tant tkun sejra tajjeb li qed tattira lin-nies biex joqgħodu f’pajjiżna għal ftit żmien jew anke għal ħafna żmien, nindunaw li jiġi kkreat nuqqas ta’ djar fis-suq. Dan in-nuqqas, jgħolli l-prezz tal-propjetà. Jekk inħarsu lejn dan il-fenomenu b’mod oġġettiv, naraw li dan m’hu xejn ħlief sinjal li qed tibgħat l-ekonomija li d-domanda hija ferm ikbar minn dak li jista’ jipprovdi s-suq. Dan huwa sinjal pożittiv għall-operaturi tas-settur biex jibnu iżjed għax għandhom aktar ċans li jbiegħu bi prezz favorevoli. Dan jiġri wkoll fis-suq tal-kirjiet fejn iż-żieda fil-prezzijiet tal-propjetà huwa sinjal għal min għandu l-propjetà biex joffri propjetà għall-kiri. Hekk kif il-provista terġa’ tlaħħaq mad-domanda, il-prezzijiet jerġgħu jistabiliżżaw ruħhom. Però, ikun hemm min ikun affettwat b’mod negattiv, u allura rridu naraw kif ngħinu lil min qiegħed iweġġa’.

L-istess jiġri fis-suq tax-xogħol, għax meta jkollok domanda kbira għall-ħaddiema, il-pagi jibdew jogħlew, mhux biex ipattu għall-għoli tal-ħajja jew minħabba l-ftehim kollettivi, iżda għax l-unika mezz li min iħaddem ikollu biex jikseb l-aħjar ħaddiema huwa dak li joffri l-aqwa pagi. Dan jista’ jwassal ukoll biex aktar ħaddiema barranin jitħajjru jiġu Malta għax il-pagi jkunu aktar kompetittivi.

Kif rajna, hemm diversi sintomi ekonomiċi li meta narawhom minn barra naħsbu li huma effetti negattivi, iżda li meta nanalizzawhom sew, naraw li m’huma xejn ħlief mekkaniżmi awtomatiċi li jikkoreġu t-tibdiliet li jitqanqlu minħabba t-tkabbir ekonomiku.

Dawn huma sinjali. Wieħed irid ikun attent għalihom biex jimmaniġġja u jikkontrolla l-ekonomija sabiex it-tkabbir ikun sostenibbli. Dan ifisser li l-ekonomija tibqa’ tikber mingħajr ma tintnefaħ f’bużżieqa bil-periklu li tinfaqa’ u tagħmel il-ħsara lil kulħadd. Il-fatt li qed nitkellmu dwar dawn is-sinjali ifisser li l-gvern jaf dwarhom u li kulħadd huwa konxju minnhom juri kemm dan huwa gvern li huwa attent għalihom, qed jagħti kashom u jindirizzhom sabiex it-tkabbir ekonomiku Malti ikun wieħed sostenibbli li jgawdi minnu kulħadd.

 

Il-Ġimgħa 9 ta’ Settembru 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *