Investiment bil-Għaqal


F’dan iż-żmien ta’ kriżi finanzjarja ħafna huma dawk li jfittxu b’reqqa fejn se jinvestu flushom u dan l-iktar għas-serħan il-moħħ. Il-Maltin u l-Għawdxin huma magħrufa bħala nies bil-għaqal u li jġemmgħu u jinvestu flushom għall-futur, għal dak li jista’ jinqala’. Hemm min ifittex il-pariri ta’ nies professjonali.  Hemm ħafna oħrajn iżda, li jħossuhom mifxula u konfużi dwar x’ikunu jridu jagħmlu biex jinvestu flushom li jkunu ġemmgħu b’tant tbatija. Jiena qed niltaqa’ ma’ ħafna nies li propju jesprimu din is-sitwazzjoni.

Inċertezza

Dawn in-nies ikollhom għaliex jitħawwdu għax jisimgħu b’dawn il-waqgħat kbar tal-boroż ta’ ishma (stock exchanges), jisimgħu b’diżgrazzji finanzjarji ‘l hemm u ‘l hawn u jibdew jgħidu aħjar nonfquhom milli inġemmawhom. Imma jiena naħseb li dan mhux parir tajjeb. Li wieħed iġemma hija ħaġa sewwa u ta’ min jinkoraġġiha. Dan għaliex speċjalment fi żmien li ġej, fejn il-penzjonijiet waħedhom bir-riformi li saru qed jispiċċaw, ma jkunux b’saħħithom biżżejjed  u għalhekk iridu jiġu msaħħa flimkien ma’ skemi oħrajn.

F’pajjiżi oħra nisimgħu bi skemi ta’ penzjonijiet li jiġu mwaqqfa mill-kumpanija jew minn min iħaddem, pero fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabbilta’ tibqa fuq il-familja. Kull familja għandha tħares ‘l quddiem ukoll, taħseb għar-rasha u ġġemma għal meta il-koppja tirtira jew inkella għal li jista’ jinqala’. Li wieħed iġemma hija xi ħaġa tajba.

Biex wieħed jinvesti dak li jġemma jrid jifhem li hemm ċerti prinċipji bażiċi finanzjarji, li hemm bżonn iżomm f’moħħu, biex ma jingidimx.

Niġi għall-imgħax. Kull min jissellef (f’dan il-każ il-bank, il-gvern jew istituzzjoni finanzjarja) irid iħallas l-imgħax lil min ikun sellfu l-flus. Dan l-imgħax mitlub ikun ogħla iktar ma jikber is-sogru li ma jirċevix lura dawk il-flus intatti u bl-istess valur meta jagħlaq iż-żmien.  Jekk jaħseb li l-inflazzjoni jew falliment, rimot kemm hu rimot, jista jnaqqas dan il-valur tal-flus li jridu jitroddu lura, allura jitlob kumpens ogħla.

Mela meta wieħed joffrilek rata għolja ħudha ‘for granted’ illi hemm riskji ikbar.

Allura dan ifisser li qatt ma għandek tinvesti fi prodotti li joffru rata tajba? Ir-risposta tiddependi mill-pożizzjoni finanzjarja u l-eta’ ta’ dik il-persuna, kif ukoll kemm iħobb jew jobgħod jissogra.

Jekk wieħed jgħid, isma jiena għandi elf ewro u ma rridx nitlifhom imma niflaħ nitlef għaxar ewros minnhom. Mela dawk se ninvestihom u nissugrahom u jekk imorru tajjeb qiegħed nieħu imgħax għoli u jekk le nisħet xortija imma ma jkun ġara xejn.

Imma li wieħed li t-tfaddil tiegħu kollu għal meta jirtira ipoġġihom f’post ta’ sogru jkun qed jagħmel bħal iblah. Huwa ċar li qed jagħmel ħażin. Dawn l-affarijiet wieħed għandu iħallihom għall-nies professjonali ta’ fiduċja.

Jiġifieri ma hemm xejn b’xejn fid-dinja finanzjarja. Jekk inti trid li flusek jkunu fis-sod trid tpoġġihom f’post fejn sfortunatament l-imgħax tagħhom ikun baxx pero ma jkunx hemm sogru. U viċi-versa.

L-eta’ ta’ dak li jkun ukoll hija importanti. Iktar ma tikber iżjed trid ikollok flus investiti għal żmien qasir, jiġifieri jkunu kemm xejn likwidi, bħalma huma ċertu bonds tal-gvern u depożiti mal-bank. Għal min hu żgħir jiflaħ jistenna u jista jinvesti fi prodotti inqas likwidi bħalma huma l-ishma. Fuq kollox wieħed għandu jiddiversifika, u ma jpoggix il-bajd f’basket wieħed.

Pariri siewja

‘L fuq minn dawn ir-regoli li qed nitkellem fuqhom hemm il-fatt li ħafna jibdew jisimgħu dwar aħbarijiet li jħawduhom. Per eżempju jibdew jaqraw u jisimgħu fuq il-ewro, li se tfalli, li se jieħdu miżuri biex isalvawha, u li l-Greċja qed jiġri hekk, u dak li jkun jibda jistaqsi dan kollu x’ifisser? Jibda jistaqsi li billi Malta għandha l-ewro, għandux il-flus jifrixhom fuq muniti oħrajn per eżempju. Il-punt huwa dan. Jiddependi inti fejn tgħix, jekk inti tgħix f’pajjiżek fejn il-munita hija l-ewro, allura jekk inti tpoġġi flusek f’muniti oħrajn tkun qed tidħol f’sogru ieħor. Dan mhux sogru biss ta’ riskju finanzjarju imma sogru tar-rati tal-kambju.

Issa inti lest li tesponi ruħek għalihom dawn? Aħna fil-fatt fil-ħajja tagħna nieħdu l-insurance fuq il-karozza u nieħdu l-insurance fuq id-dar u fuq affarijiet oħra. Dan għaliex nagħmluh? Biex innaqqsu r-riskji, s-sogru u mhux inżiduh.

Mela inti allura għaliex trid tesponi lilek innifsek għall-tibdil fir-rati tal-kambju? Dawn l-affarijiet ħallihom għal min jifhem pero għal min ma jridx jissogra u ma jifhimx fir-rati tal-kambju allura jaqbillu li jħallihom fl-ewro. Issa dan ma jfissirx bonds tal-gvern fl-ewro tal-Greċja jew l-ewro tal-Portugall iżda qed nitkellmu fuq il-ewro ta’ pajjiżu jew xi pajjiż b’saħħtu fiż-żona ewro. Jiġifieri jiena ma naqbilx għax wieħed jibda jisma fuq il-ewro, wieħed li ma jifhimx imur mill-ewwel ipoġġihom fid-dollaru u fuq l-isterlina. Issa jekk qegħdin hemmhekk ma jimpurtax u mhux qed jagħmel xejn ħażin fuq li qed ngħid, pero li xi ħadd jesponi ruħu għar-riskji fir-rati tal-kambju għandu jkun jaf dwarhom qabel jagħmel dan il-pass u jieħu parir.

Banek u konsulenti finanzjarji

Dwar il-banek irridu naċċettaw li anke l-banek jiżbaljaw u kien hawn minn żbalja bil-kbir. Hawn m’għandiex għalfejn inkunu speċifiċi pero banek żbaljaw sew Malta u sew barra . Nies professjonali żbaljaw ukoll, bħal kull professjoni fid-dinja, hemm min hu tajjeb, hemm min hu tan-nofs u hemm min hu ħażin u jekk tinzerta wieħed li tak parir ħażin int se tingidem. Mela allura inti tibda veru ma tkunx taf x’se taqbad tagħmel.

Pero rridu ngħidu li wara din il-kriżi kbira li ġrat mill-2008 sal-lum aħna fil-Parlament Ewropew speċjalment għamilna regoli iebsa ħafna. Mill-lum ‘il quddiem min jagħti l-pariri, l-banek u entitajiet oħrajn se jkunu marbutin ma’ regoli li qabel ma kienux marbutin bihom. Dan ifisser li inti, bħala persuna mhux professjonali fil-finanzi, għandek dritt li meta tinvesti trid tingħata dokument jew prospectus li fih ikun hemm ċar kemm se jieħdu kummissjoni  fuq il-flus tiegħek, kemm se jkunu jitħallsu f’ management fee jiġifieri ta’ meta jkunu jinvestu u jmexxu flushom, fejn se jkunu qed jinvestuhom jekk hux Malta jew barra, u dawn ma jistgħux jiċċaqalqu minn dawn ir-regoli. Allura meta tmur għand xi ħadd privat jiġifieri broker jew advisor finanzjarju ara li din l-informazzjoni tiġi mogħtija lilek kollha.

Ara li titlob li ma jinħeba xejn. Tagħmilx bħal pazjent tal-antik, tafda kollox fit-tabib u agħar minn hekk tagħtih x’jifhem li jaħbilek kollox anke meta jkollok xi mard serju “biex ma jinkewtakx”. Dan għaliex meta l-marda tmur għall-agħar dak li jkun jibda jinkwieta għax it-tabib ikun qallu li m’għandu xejn u iktar jispiċċa konfuż. L-istess fil-finanzi. Int trid tgħid lill-advisor tiegħek, ‘Isma meta jiena naqla daqqa ħażina rrid inkun naf, taħbilix għax iktar se tikkonfondini’. Dan l-arranġament għandu jkun miftiehem ma’ min qed jagħtik il-pariri.  Din għandha tkun persuna professjonali u wieħed dejjem għandu jagħżel l-aħjar.

 

 

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 13 t’Awissu, 2012


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *