Innovazzjoni u politika li tisfratta


Mhux l-ewwel darba li tisma’ lil min jgħid, “ara f’hiex ġejna” jew “ara kif tbiddilna”.

Per eżempju tidħol f’lukanda u tara familja li suppost ġew biex igawdu x-xemx u s-sbuħija tal-baħar u tarahom ġol-lobby moħħhom fil-kompjuter mitlufin u ma jkellmux lil xulxin. Jew inkella tara nies illi minflok imorru jixtru fil-ħwienet, jibqgħu id-dar u jixtru permezz tal-internet. L-istess kien ġara fil-każ tat-television, fejn fil-passat il-familja kienet titkellem mal-mejda tal-ikel, kienu spiċċcaw bil-membri tal-familja  jintefgħu iħarsu lejn it-television mingħajr ma jlissnu kelma lil xulxin.

Jekk tinnutaw, dan it-tibdil fil-mod ta’ kif ngħixu qed jiġi determinat mingħajr ma irridu mit-teknoloġija jew mill-innovazjonijiet li jsiru. Jiġifieri l-innovazjoni tfisser il-mod ġdid, kif xi ħadd jivvinta xi ħaġa. Wieħed jista’ jivvinta mod tat-trasport ġdid jew inkella mod ġdid ta’ kif wieħed jitlob għat-transport. Pereżempju, fejn aħna f’pajjiżna normalment imdorrija nċemplu biex jiġi taxi għalina, nirkbuh minn post u nħallsu meta jwassalna, barra minn Malta daħal mod ġdid.  Il-kumpanija UBER ivvintat mezz ta’ kif inti minflok iċċempel għal taxi, tidħol fil-mobile app, tara jekk hemmx karozza għaddejja minn ħdejk li sejra fejn trid tmur, tibbukkjha, tgħaddi għalik, tieħu lift, u tħallas permezz tal-app stess.   Din hija teknoloġija ġdida li bidlet aspett mill-ħajja tal-bniedem.L-istess ġara bil-linji tal-ajru low cost. Fejn qabel konna nistennew li nonfqu ħafna flus u nistennew li jduru bina u jtuna nieklu meta nirkbu ajruplan, illum isir xort’oħra. Dan iż-żmien wieħed jistenna li jħallas mil-inqas, jieħu sandwich miegħu għax inkella jkollu jixtri minn fuq l-ajruplan, u jrid iħallas għal kull bagalja li jrid itella’.

Dawn huwa mod ta’trasformazzjoni kbira fil-mod kif ngħixu minħabba l-innovazjoni li qegħda jssir. Mela nafu li l-innovazjoni tbiddel, anzi b’Ingliż ngħidu li hija disruptive, jiġifieri tisfratta. Anzi, tisfratta b’mod illi l-affarijiet li aħna mdorrijin bihom jidhru donnhom saru rashom l-isfel kważi.

Però li wieħed irrid jinnota hu li permezz ta’ dawn it-trasformazzjonijiet li kumpaniji li ma għandomx ċans li jidħlu fis-suq jirnexxilhom jaghmlu dan. Għax il- kumpaniji li huma stabiliti ssibhom li jkunu qed jaqdu l-klijenti tagħhom bi prezz normalment għoli, għax ikunu qed jagħtu servizz ta’ livell iktar għoli u l-klijenti jistgħu iħallsu għalih.

Izda xoghol il-kumpaniji zghir u godda hu li jivvintaw modi kif jaqilbu dik is-sistema.

L-ewwel jibdew billi joffru xi ħaġa kompletament differenti bl-innovazjoni li jkunu għamlu. Wara, jintroduċuha għal suq ġdid, tendenzjalment żgħir li ma tantx ikun jista’ iħallas.  Bil-mod il-mod, meta jistabilixxu rwieħhom, jieħdu over is-suq kollu u allura jsiru huma il-forza dominanti tas-suq.

Pereżempju, min jixtri online, jagħmel hekk għax ma jridx jonfoq flus daqs kemm meta jonfoq meta jixtri minn tal-ħanut. L-istess meta wieħed jagħżel li jivvjaġġa bil-low cost u mhux permezz ta’ linja tal-ajru normali, jagħmel hekk biex jiffranka l-flus. L-istess jiġri għal min juża l-UBER; jagħmel hekk biex ma jħallasx il-prezz tat-taxi bil-għan li jiffranka l-flus. Dawn il-mudelli kollha jispjegaw il-proċess ta’ suq kompetittiv li spjegajt aktar ‘il fuq.

Jiġifieri dan huwa l-mod ta’ kif issir il-kompetizzjoni.

Jekk wieħed jinnota, kważi kważi jista’ jġebbed dawn l-eżempji biex japplikhom għall-politika.

Dan hu li qed naraw b’għajnejna, fejn partiti jew sistemi stabbiliti, jew li jkunu ilhom hemmhekk għal snin twal, qed jiġu mwarrba u minflokhom qed jidħlu partiti populisti li huma ħafna iżgħar, fejn dak li jkun jgħid, “…u le dawn, dawn m’humiex rashom fuq għonqhom”, jew “kif jista’ jkun jirbħu dawn il-populisti.” Dawn il-partiti, bil-mod il-mod, bdew jidħlu u jikkonvinċu lill-elettorat li jkun irid ibiddel u finalment jieħu over.

Għalhekk ngħidu “tisfratta”.  Każ ċar huwa r-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit dwar il-Brexit, fejn kulħadd kien konvint li l-maġġoranza ma kienitx tasal biex titlob li titlaq mil-Unjoni Ewropea. L-istess fl-Amerka fejn għandek president-elett illi beda jgħid ċertu affarijiet illi aħna, għallinqas barra mil-Amerka, ma konniex qed narawhom li sa jiġu aċċettati. Imma fil-fatt, Donald Trump irnexxielu jikseb il-maġġoranza ta’ siġġijiet sabiex ikun jista’ jieħu l-presidenza.

U bil-mod il-mod qed naraw dan kollu jiġri f’ħafna pajjiżi. Ejja ma ninsewx il-Greċja, fejn hadd ma pasar li l-poplu Grieg li kien xebgħa mil-awsterità jasal biex ivvota għal partit estrem Siriza illi sfratta dak li kien hemm, qaleb kollox ta’ taħt fuq..

Fl-elezzjoni presidenzjali tas-sena d-dieħla fi Franza hemm il-biża’ li jista’ jiġri l-istess ħaġa permezz tal-partit tal-lemin estrem ta’ Marine Le Pen.

Qed naraw kif ikun hemm ċertu ideat illi jibdew jappellaw għan-nies illi m’humiex parti mill-establishment u bil-mod il-mod jibdew jiġbdu l-popolarità, tant li jistgħu iwasslu, kif fil-fatt ġara, biex min imexxi dawn l-ideat jieħu over il-gvern.

Din m’hijiex sempliċement teorija, iżda fenomenu li qed jiġi studjat bir-reqqa minn-nies fin-negozju, speċjalment mill-kumpaniji internazjonali, għax dan huwa l-mezz ta’ kif wieħed li m’huwiex fil-poter, jew ma hux dominanti f’xi suq, jista’ jippenetra s-sistema, jaqlibha u jisfrattha permezz ta’ ħsibijiet ġodda, dak li nirreferu għalihom bħala “disruptive innovation”..

Wieħed irid jistenna u jara ftit x’sa jiġri matul is-sena li ġejja li sa tkun mimlija b’elezzjonijiet biex naraw jekk dan it-trend, din id-direzzjoni, hux sa jkompli jiddomina x-xena politika kemm fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll dik internazzjonali.

 

14_ORZ

 

Il-Ġimgħa 2 ta’ Diċembru 2016

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *