Indikaturi ekonomici misturin li jbiddlu l-politika tal-Gvern


Meta tkun membru ta’ xi għaqda jew organiżżazzjoni, trid tosserva ir-regoli ta’ dik l-organiżżazzjoni. Kemm hu iktar importanti li Malta, bħala wieħed mid-dsatax il-pajjiż li għandhom l-Ewro bħala il-munita tagħhom, timxi mar-regoli li hemm, regoli li kienu ġew imdaħħla sabiex jissalvagwardjaw mhux biss il-munita imma anki il-ġid tal-popolazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi.

orizzont thumbnail

Ir-regoli li jissalvagwardjaw il-munita Ewro huma ibbażati fuq il-prinċipju li il-finanzi tal-pajjiżi membri ikunu qegħdin fuq sisien sodi. Biex dan iseħħ u jkun hemm konformita’ bejn il-pajjiżi, ġie iffirmat dak li jissejjaħ il-Patt ta’ Stabilita’ u Tkabbir. Hemm żewġ kriterji jew miri li kull pajjiż għandu josserva. L-ewwel kriterju huwa dak li id-defiċit ma’ jaqbieżx it-tlieta fil-mija u il-kriterju l-ieħor hu li id-dejn nazzjonali ma jkunx ta’ aktar minn sittin fil-mija tal-prodott gross demesiku annwali tal-pajjiż.

Huwa faċli titkellem fuq il-kriterji imma fir-realta’ xi jfisser għal pajjiż biex iżżomm ma’ dawn il-miri?. Ċertament li mhux faċli għax kieku kull pajjiż iżomm ma’ dawn l-indikaturi u kieku ma hawnx dawn il-problemi finanzjarji.

Kull pajjiż li jkun qed jeċċedi dawn l-indikaturi, ikun irid jagħmel strutturar tal-finanzi tiegħu sabiex iniżżel id-dejn jew id-defiċit eċċessiv li jkollu. Biex nagħti eżempju konkret, fil-każ tad-dejn li jaqbeż is-sittin fil-mija, id-dejn eċċessiv ikun irid jonqos permezz tar-regola ta’ madwar punt percentwali  fis-sena.

12_ORZ

Fil-każ tad-defiċit, l-għan għandu jkun li jinżel żero, li jkun ifisser li il-Gvern jonfoq daqs kemm idaħħal. Biex dan iseħħ, hemm bżonn li innaqqsu id-defiċit b’nofs punt perċentwali fis-sena. Imma dan jista’ jsir skont l-andament ekonomiku tal-pajjiż. Pajjiż li jkun għaddej b’ritmu ta’ tkabbir ekonomiku tajjeb, huwa mistenni li jnaqqas id-defiċit b’rata iktar mgħaġġla filwaqt pajjiż li jkun għaddej minn reċessjoni ikun aċċettat jekk ir-rata ta’ tnaqqis tad-defiċit ikun b’rata inqas mgħaġġla.

F’dawn l-aħħar tlett snin irnexxielna, b’riformi u inizzjattivi, innaqqsu id-defiċit, mit-tleta punt sitta fil-mija (3.6%) li kien intlahaq fis-sena 2012 għal tnejn punt sitta fil-mija fl-ewwel sena li konna fil-Gvern u issa niżżilna id-defiċit għal-wieħed punt ħamsa fil-mija għas-sena li għada kif spiċċat. Din is-sena qegħdin ukoll fit-triq it-tajba li nilħqu il-mira li d-defiċit jonqos għal ftit aktar minn wieħed fil-mija. F’erba’ snin, b’ħidma qagħtiħ, irnexxielna inwaqqgħu id-defiċit għal kwart li kien qabel ma’ bdejna inmexxu il-pajjiż.

Wieħed irid isemmi li l-Kummissjoni Ewropeja, b’mod regolari, tagħmel tbassir ekonomiku fuq kull pajjiż membru sabiex tara kemm tiflaħ tikber l-ekonomija ta’ kull pajjiż. Dan it-tbassir isir billi jiġu ikkunsidrati il-fuq minn mija u tmenin fattur li jaffettwaw l-ekonomija olistika tal-pajjiż. Jekk il-pajjiż membru ma jżommx mat-tbassir ekonomiku, il-Kummissjoni Ewropeja timponi miżuri fuq il-pajjiż sabiex il-finanzi tal-pajjiż jitjiebu. Jekk il-pajjiż ma jimxiex fuq dawn il-miżuri, ikunu imposti multi u aktar sanzjonijiet. Naħseb li kullħadd jaf minn x’hiex għaddew pajjiżi bħal Greċja, Spanja, Portugal, Ċipru u l-Irlanda, fost l-oħrajn, meta’ ġew imposti fuqhom dawn is-sanzjonijiet u minn liema sagrifiċċji għaddew u għadhom għaddejjin il-poplu ta’ dawn il-pajjiżi sabiex pajjiżhom jimxi mal-miżuri imposti fuqhom.

Il-mod ta’ kif isir il-kejl tal-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiż, huwa suġġett kontroversarju, tant li qed joħloq diskussjoni mqanqla fl-istituzzjonijiet ewropej. U dan bir-raġun, għax mhux biss dan il-kejl hu il-bażi tal-Patt ta’ Stabilita’, iżda għax jekk dan il-potenzjal joħroġ li hu għoli u l-andament ekonomiku tal-pajjiż ikun qiegħed taħt dan il-potenzjal, il-qtugh tad-deficit ma jkunx mistenni li jkun drastiku.  Minn naħa l-oħra, jekk il-potenzjal jiġi maħdum li hu baxx u allura ikun faċli li jintlaħaq u saħansitra jinqabeż, il-pajjiż jiġi ippenaliżżat. Meta ngħid ippenaliżżat, dan ikun ifisser li l-Kummissjoni Ewropeja tistenna li it-tnaqqis tad-defiċit ikur b’rata iktar għolja li jwassal sabiex ikunu imposti miżuri drastiċi ta’ tnaqqis tan-nefqa pubblika, li tista’ twassal li l-ekonomija ma tibqax tespandi għax tkun qed tagħmel miżuri ta’ awsterita’ milli ta’ investiment għal-ħolqien tax-xogħol u tkabbir ekonomiku.

Kien propju għal din ir-raġuni li Malta kellha diskussjonijiet u opponiet kif il-Kummissjoni ħadmet il-potenzjal tagħna. Aħna dehrilna li il-potenzjal tal-ekonomija kif imkejjel kien baxx.  Sħaqna li il-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku għal-Malta kellu jkun tal-inqas tlieta fil-mija. Wara studju li għamilna, irnexxielna nikkonvinċu lill-Kummissjoni fuq dan il-punt.

Nifhem li is-suġġett li tkellimt fuqu illum huwa punt tekniku, imma fl-istess ħin jolqot lil kull wieħed u waħda minnha għax kullħadd iħallas it-taxxa dovuta u kullħadd igawdi mill-ġid li l-Gvern qed iqassam, frott tat-tmexxija għaqlija li qed inħaddnu.

Il-mod kif jitkejlu ċertu indikaturi ekonomiċi mill-Kummissjoni, tajjeb jew ħażin, ibiddlu l-politika fiskali li biha tistenna lil gvern Malti jimxi biha u għalhekk jaffetwa lill-familji Maltin u Għawdxin. Dan kollu minn numru wieħed. Żgur li ħadd li mhux tekniku ma jobsru dan.

 

Il-Ġimgħa 13 ta’ Mejju 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *