Importanti daqs l-elezzjonijiet


Dan l-aħħar fil-Parlament xi ħadd ried ikun jaf liema hu l-“veru” dokument tal-Baġit.

Tista’ tgħid li kulħadd jassoċja l-Baġit mad-diskors li jinqara mill-Ministru tal-Finanzi fil-Parlament darba fis-sena. Però, ftit jafu liema huma d-dokumenti l-oħra li jakkumanjawh.

 

orizzont_budget_23102015

 

Il-Baġit huwa avveniment importanti ħafna. Tant hu hekk li l-Gvern jaqa’ jekk ma jiksibx l-approvazzjoni tal-Parlament għalih.

 

Qabel ma wieħed jispjega fuq dan, jagħmel sens li nagħtu d-definizzjoni ta’ x’inhu eżattament il-Baġit. Il-Baġit huwa avveniment importanti ħafna. Tant hu hekk li l-Gvern jaqa’ jekk ma jiksibx l-approvazzjoni tal-Parlament għalih. Ara jekk il-Gvern ma jġibx maġġoranza fuq xi liġi jew oħra, ma tkunx għaddiet dik il-liġi partikulari u nieqfu hemm. Meta ma jgħaddix Baġit, iżda, Gvern jaqa’. Vot kontra l-Baġit ikun ifisser sfiduċja fil-Gvern.

Il-Baġit huwa important daqs l-elezzjonijiet. Fl-elezzjonijiet, meta bil-vot tiegħek ittella’ lil partit fil-Gvern, tkun qed tgħidlu: “Inti issa tista’ tmexxi lill-pajjiż f’ismi u anki tgħidli x’għandi nagħmel; tagħmel ir-regolamenti u tgħaddi l-liġijiet mill-Parlament”. Fl-elezzjoni l-votant, bħala ċittadin ħieles, jgħaddi parti mill-libertà tiegħu lil min ikun se jiggvernah.

Meta l-Baġit jiġi approvat mir-rappreżentanti eletti min-nies, in-nies ikunu qed jgħidu lill-Gvern: “Aħna se ngħaddulek ċertu dħul f’taxxa fuq l-introjtu, sisa, VAT, taxxa fuq il-kumpaniji… dak id-dħul inti għandek id-dritt tieħdu mingħandna bil-liġi u mbagħad timmaniġġjah inti. Inti se tiddeċiedi kif se tqassmu”. Jekk il-Baġit ma jiġix approvat, il-Gvern ma jkollux is-saħħa li jiġbor il-flus biex jagħmel in-nefqa tiegħu.

Għalkemm jiġi ppreżentat fil-ġurnata meta l-Ministru tal-Finanzi jaqra d-diskors fil-Parlament, il-vera data importanti hija dik meta jiġu approvati l-hekk imsejħa Estimi Finanzjarji. L-Estimi Finanzjarji huma mod dettaljat li juri l-flus allokati għal kull ministeru. Kull entrata, kull salarju u kull attività ssibhom fl-Estimi Finanzjarji, u dawn iridu jiġu approvati mill-Parlament. Issa dawn huma estimi astratti, eżerċizzju ta’ bbilanċjar tal-kotba tal-Gvern, numri. In-nies tkun trid taf fejn irid jasal il-Gvern b’dawn l-estimi, kif se jinċentivaw l-investiment, għaliex se jagħtu iktar lin-naħa t’isfel milli ta’ fuq tal-pajjiż, għaliex it-taxxa se tiżdied jew se tinqata’… F’kull pajjiż dan isir permezz tad-Dokument tal-Baġit.

Ftit ilu kont qiegħed nara b’kurżità l-baġits tal-Irlanda u tar-Renju Unit. Minbarra l-Estimi Finanzjarji bħalna għandhom ukoll dan id-Dokument tal-Baġit li fih ifissru dan kollu. Iżda mbagħad, b’mod aktar fil-qasir, il-Ministru jrid jagħti d-deskrizzjoni tiegħu f’dak li nsejħulu d-Diskors tal-Baġit. F’ħafna pajjiżi d-diskors tal-Baġit ikun qasir ħafna. Fil-każ tal-Irlanda, pereżempju, isir f’siegħa. F’siegħa m’inti bl-ebda mod se tipprova tkopri n-nefqa kapitali u rikorrenti kollha tal-Gvern, u allura d-Diskors huwa biss messaġġ.

Fil-każ ta’ Malta d-Diskors tal-Baġit huwa itwal u jipprova jidħol f’kemm jista’ jkun dettall. Bil-mod il-mod irridu nersqu lejn is-sistema ta’ pajjiżi oħra Ewropej, moderni, b’diskors iqsar li jagħti deskrizzjoni tal-istrateġija tal-Gvern. Imbagħad irid ikollna Dokument tal-Baġit li jkun fih id-diagrammi, il-grafika, id-dejta, u l-istatistika ppreżentati biex juru b’mod ċar fejn ikun irid jasal il-Gvern.

orizzont thumbnail

Din is-sena ħriġna wkoll – bħalma konna għamilna s-sena l-oħra – il-miżuri li tħabbru fil-Baġit ta’ qabel u rendikont ta’ fejn waslu: liema minnhom twettqu għal kollox, liema għadhom qed jitwettqu, u liema għadhom ma nbdewx. Dan huwa mod trasparenti u responsabbli ta’ kif isiru l-affarijiet.

Il-Baġit, maqsum f’abbozzi ta’ liġijiet, jgħaddi iktar tard is-sena d-dieħla, bejn wieħed u ieħor bejn Marzu u April. Dakinhar inkunu nistgħu ngħidu li l-Baġit kollu jkun ġie approvat.

Ta; min jgħid li ftit jiem ilu bgħatna l-qafas tal-Baġit, taħt format differenti, lill-Kummissjoni Ewropea biex iktar tard tgħidilna jekk “għaddejniex mill-eżami”. Ninsabu fiduċjużi li mexjin fit-triq it-tajba, kemm fil-qasam tat-tkabbir ekonomiku kif ukoll fil-ħidma biex inwaqqgħu d-defiċit u d-dejn.

Dan hu kollu frott ta’ baġits li saru kollha bil-għaqal, bil-ħsieb u bi pjan strateġiku. B’hekk biss nistgħu nagħmlu lil Malta ta’ għada ħafna aħjar minn dak li kienet fil-passat.

 

 

– l-orizzont : Friday, 23rd October, 2015

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *