Illum…..f’Jum id-Dwana


 

Illum, il-Ġimgħa, 22 ta’ Settembru, jaħbat Jum id-Dwana u allura huwa bix-xieraq li nieħu din l-okkażjoni biex filwaqt li nifraħ lil dawk kollha ninvoluti fid-Dwana, minn fuq s’isfel, għal ħidmiethom, nitratta wkoll ftit dwar dan id-Dipartiment bl-importanza u bir-responsabbiltà kbira li jġorr miegħu.

Id-Dipartiment tad-Dwana huwa wieħed mit-tliet dipartimenti fiskali ewlenin, flimkien mad-Dipartiment tal-VAT u dak tat-taxxi interni, li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Finanzi. It-tlieta għandhom rwol prinċipali fil-ġbir tat-taxxi.

 

Id-Dwana ta’ Malta, minbarra l-ġbir ta’ dazji u ta’ taxxi tas-sisa, għandha wkoll ir-rwol li tgħasses l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi “fuq il-fruntiera”.

 

Madankollu, id-Dwana, u dan jagħmilha essenzjalment distinta mit-tnejn l-oħra, apparti r-responsabbiltà li tiġbor it-taxxa tas-sisa u d-dazju ta’ importazzjoni, għandha funzjonijiet addizzjonali “fuq il-fruntiera” li dwarhom nitkellem aktar ‘il isfel.

Il-fruntieri huma l-postijiet fejn tibda u tispiċċa s-sovranità, it-territorju ta’ kull pajjiż. Ftit tax-xhur ilu t-terminu “fruntieri” reġa’ kien prominenti fl-aħbarijiet internazzjonali, partikolarment fejn jirrigwarda l-migrazzjoni illegali. Kellna lill-President Amerikan Donald Trump jitkellem dwar il-bini ta’ ħajt enormi biex jifformalizza l-fruntiera Amerikana mal-Messiku biex jilqa’ għall-influs illegali mill-Messiku. Aktar qribna kellna lill-Ungerija ttella’ “ħitan tal-barbed wire” biex tilqa’ milli jinvaduha l-imigranti illegali.

Min-naħa l-oħra għandna lill-Unjoni Ewropea li bir-raġun tiftaħar li parti mill-vantaġġi li ħolqot għall-pajjiżi membri tagħha kienet it-tneħħija tal-fruntieri. Biċ-ċittadini tal-pajjiżi membri, kapital u prodotti jaqsmu minn pajjiż għall-ieħor mingħajr il-ħtieġa li jgħaddu minn burokrazija enormi. Dan ma jfissirx li l-fruntieri spiċċaw għal kollox. Tant hu hekk li meta jinqala’ x’inkwiet tarahom jerġgħu jittellgħu fis-sens burakratiku.

Dan iwassalni għall-funzjonijiet addizzjonali li għandu id-Dipartiment tad-Dwana “fuq il-fruntiera” li rreferejt għalihom fil-bidu ta’ dan l-artiklu. Id- Dwana għandha r-rwol li:

  • Tħares is-saħħa u s-sigurtà tat-territorju.
  • Tipproteġi l-ambjent billi tirrestrinġi l-importazzjoni ta’ prodotti li jagħmlu l-ħsara.
  • Tipproteġi liċ-ċittadini minn prodotti li huma foloz, jew neqsin mil-livelli stabbiliti, jew li jkunu perikolużi.
  • Tkun attenta biex prodotti li huma projbiti, ristretti jew sanzjonati, bħal droga, armi, munizzjon, ma jidħlux fit-territorju.
  • Tkun viġilanti ħafna biex tiffaċilita ħajjet in-negozjanti onesti fl-istess ħin li tikkumbatti lil dawk li jibqgħu jinsistu li ma jerfgħux ir-responsabbiltajiet tagħhom.

In-nies tad-Dwana huma n-nies responsabbli mill-ġbir tad-dazju u tas-sisa. Qegħdin nitkelmu fir-rigward ta’ madwar €800 miljun, flus tant meħtieġa għall-Gvern meta jiġi biex jitkellem fuq servizzi soċjali, servizzi tas-saħħa, servizzi edukattivi  fid-diversitajiet kollha tagħhom, fost oħrajn.

Wieħed għandu japprezza li mhix biċċa xogħol faċli għad-Dwana kemm biex tonora l-funzjoni fiskali tagħha u wisq iżjed biex taqdi l-funzjonijiet addizzjonali li għandha.

 

Ngħalqu kemm ngħalqu toqob u ninkoraġġixxu kemm ninkoraġġixxu b’miżuri favorevoli biex kulħadd jaderixxi ruħu mal-liġi, dejjem se ssib min jipprova jevadi milli jħallas dak dovut f’taxxi. U aktar ma jkun hemm taxxi għoljin aktar ikun hemm min jipprova jaħrabhom. Huwa hawn li jgħolli rasu l-kuntrabandu. Mhux sew li n-negozjant onest ikollu kompetizzjoni minn min hu diżonest. Mhux sew li min hu diżonest ikollu vantaġġ fuq min hu onest. Forsi mhux apprezzat biżżejjed il-fatt li f’ħidmietha kontra kull forma ta’ illegalitajiet fejn tidħol importazzjoni d-Dwana tkun qegħda teħodha kontra ċrieki kriminali internazzjonali organizzati sew u ħafna drabi b’konnessjonijiet ma’ għaqdiet terroristiċi.

Biex nilqgħu għal dan qegħdin naħdmu minn diversi angoli. Qegħdin insaħħu l-qafas legali biex ngħalqu aktar toqob u nagħmluha aktar diffiċli li wieħed jevadi l-obbligi tiegħu. Qegħdin nirristrutturaw l-istrutturi eżistenti tad-Dwana bl-iskop li tiżdied l-effiċjenza. Qegħdin ninvestu f’sistemi elettroniċi ġodda li jwasslu għal identifikar tal-abbużi b’mod aktar mgħaġġel. Qegħdin ninvestu fir-riżors uman billi jingħata aktar taħriġ lill-impjegati tad-Dwana.

Dan kollu huwa kumplimentat b’investiment qawwi f’apparat sofistikat. Is-sena li għaddiet inxtara mobile scanner ġdid filwaqt li fi ftit tal-ġimgħat oħra jasal container scanner fiss li se jkun stazzjonat fil-Freeport. Mis-sena d-dieħla d-Dwana se jkollha skwadra ġdida ta’ tmien klieb. Klieb li se jkunu mħarġin biex jidentifikaw prodotti ta’ tabakk, droga u flus.

Irrid nirrimarka li d-Dwana qiegħed ikollha riżultati inkoraġġanti. Din is-sena pajjiżna esperjenza l-akbar qabda ta’ droga li qatt saret, 300 kilo kokaina li fit-triq kienet iġġib valur ta’ aktar minn €20 miljun. Ġew reġistrati qabdiet sostanzjali ta’ sigaretti u anke fuel. Inkiser ukoll ir-rekord ta’ kull żmien fejn jirrigwarda qbid ta’ prodotti foloz. Avveniment li ġie rikonoxxut internazzjonalment tant li d-Dwana Maltija ngħażlet bħala d-Dwana tas-Sena mill-Global Anti-Counterfeiting Group.

Nemmen li rikonoxximent bħal dan lid-Dwana Maltija għandu jkun kumplimentat minn dak tal-poplu Malti u Għawdxi, b’mod partikolari llum, Jum id-Dwana, li f’ismu u għalih tgħasses “fuq il-fruntiera”.

 

Il-Ġimgħa 22 ta’ Settembru 2017

 

 

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *