Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest Articles, Maltese Articles


Il-vot tal-PE favur sistema ta’ taxxi ġdida.. X’IMPATT GĦANDU FUQ PAJJIŻNA?

Fost is-suġġetti l-aktar mitħaddta fil-jiem li għaddew kien hemm dak dwar it-taxxa, primarjament fuq skala Ewropea. Kien hemm rapporti dwar x’kien diskuss u miftiehem fil-Kunsill tal-Ministri, fil-Kummissjoni Ewropea u anke rapporti dwar stqarrijiet pubbliċi u mal-midja li saru mill-Kummissarju tat-Taxxi Ewropew. Stqarrijiet li ma tantx kienu sbieħ u li mbagħad ingħaqad kollox ma’ kollox bil-vot li ttieħed fil-Parlament Ewropew.

F’każi ta’ taxxa kull pajjiż jiddeċiedi r-rata ta’ taxxa tiegħu. Jgħid x’jgħid il-Parlament Ewropew Malta tiddeċiedi hi fuq it-taxxi tagħha bħalma l-Ingilterra, Franzu u l-Ġermanja jiddeċiedu għalihom u allura biex ikun hemm xi ftehim dwar taxxa jrid ikun hemm qbil unanimu dwaru.

Sfortunatament, u din hija osservazzjoni tiegħi personali, il-mod li bih ħafna drabi tirrapporta l-midja dwar dan is-suġġett ftit li xejn jgħin biex dak li jkun jingħata stampa ċara ta’ x’ikun ġara. Fl-opinjoni tiegħi dan huwa dovut għall-fatt li apparti li s-suġġett huwa wieħed kumpless u tekniku ħafna, il-midja ma tagħtix tifsira tal-kuntest li fih ikunu saru l-affarijiet. Min kif isiru ċerti rapporti tal-midja joħroġ ċar li min ikun qed jirrapporta lanqas hu stess ma jkun fehem is-suġġett u allura jispiċċa b’rapporti ineżatti.

Kultant x’ħin naqra jew nisma’ rapporti bħal dawn ngħid lili nnifsi ‘ma nistax nifhem jien aħseb u ara kemm se jifhem min mhux daqshekk midħla ta’ kif jaħdmu s-sistemi tat-taxxi’. Ikun għalhekk li mbagħad jinħoloq ċertu paniku.

Fl-isfond ta’ dan kollu xtaqt nieħu l-opportunità biex nitratta dwar it-taxxa inġenerali. Huwa minnu li fuq dan is-suġġett hemm pressjoni fuq kull pajjiż Ewropew, inkluż Malta, pressjoni li qegħda dejjem tiżdied. Pressjoni li għaliha hemm żewġ raġunijiet. Minn naħa waħda għandek żviluppi globali li ġraw b’riżultat ta’ Lux Leaks u l-Panama Papers li jirrigwardaw nies li evadew it-taxxa jew setgħu evadew t-taxxa.

Min-naħa l-oħra għandek sitwazzjoni ‘Ewropea’, fejn il-pajjiżi l-kbar, bħalma huma l-Ġermanja u Franza, biex insemmi tnejn, għandhom rati tat-taxxi tal-kumpaniji għoljin li allura jnaffru ċerti kumpaniji minn pajjiżhom. Huwa minnu wkoll li mbagħad kumpaniji bħal dawn imorru f’pajjiżi fejn ir-rati tat-taxxa huma inqas minn tal-pajjiżi l-kbar.

Madankollu kemm il-Ġermanja kif ukoll Franza u pajjiżi bħalhom huma liberi li jbaxxu r-rati tat-taxxa tagħhom. Ma jbaxxuhomx għax għandhom settur pubbliku kbir. Jekk fil-Ġermanja is-settur pubbliku, jiġifieri dak li jikkunsmaw b’mod kollettiv huwa ta’ ‘l fuq minn 50 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku u ta’ Malta huwa ta’ 38 fil-mija allura r-rati tat-taxxi Ġermaniżi jridu jkunu għoljin biex iżżomm settur pubbliku massiċċ daqshekk. Issa jekk aħna kuntenti bir-rati ta’ taxxi li għandna abbażi ta’ settur pubbliku relattivament iżgħar minn dak tal-Ġermanja allura ma nippretendux u ma rridux li ngħollu r-rati tat-taxxi f’pajjiżna għal-livell ta’ dawk Ġermaniżi jew Franċiżi.

Il-Ġermanja u Franza flimkien qegħdin jagħmlu pressjoni fuq pajjiżi bħal Malta, l-Irlanda, il-Lussemburgu u pajjiżi simili fejn ir-rati tat-taxxi huma aktar attraenti u aktar kompetittivi, biex jgħolluhom. Min-naħa l-oħra hemm ukoll ftehim bejn il-pajjiżi biex ma jkunx hemm abbuż minn kumpaniji li jilagħbu pajjiż kontra ieħor, reġim ta’ taxxa kontra ieħor, u huma jispiċċaw iħalsu taxxi baxxi ħafna. Kulħadd jistenna li kumpaniji massiċċi bħalma huma Starbucks, Google, Amazon u Apple jħallsu t-taxxa bħalma jħallasha kull ħaddiem. Naħseb li fuq dan qegħdin niftehmu.

Il-ġimgħa l-oħra fil-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi qbilna, sibna kompromess, li l-intermedjarji, dawk li jagħtu parir lill-kumpaniji kif jirranġaw it-taxxa jew jirranġaw il-kotba biex iħallsu t-taxxa, iridu jirrappurtaw skemi ta’ bejn pajjiż u ieħor li huma jissuspettaw li qegħdin jilagħbu pajjiż ma’ ieħor. Ikun importanti li jinstab kompromess għax għall-affarijiet bħal dan irid ikun hemm qbil unanimu bejn il-pajjiżi membri.

Min-naħa l-oħra hemm dak li qegħdin nisimgħu mill-Parlament Ewropew, li għandu jkun hemm armonizzazzjoni tal-bażi tat-taxxi u mhux armonizzazzjoni tar-rati tal-bażi. X’jiġifieri? Nispjega. Ikollok kumpanija li tkun stabbilita f’erba’ pajjiżi Ewropej u tagħmel profitt fihom kollha. Illum is-sistema hija li kull profit li jsir, jew jiġi dikjarat f’pajjiż, iħallas it-taxxa bir-rata tal-pajjiż partikolari. Li qed ikun propost issa huwa li l-ewwel jikkonsolidaw, li jfisser li jiġbru flimkien il-profitti li jkunu saru fl-erba’ pajjiżi u jkun impost b’mod artifiċjali l-mod kif jiġu diviżi dawk il-profitti. Tqassim li jsir fuq formola matematika ta’ per eżempju fuq kemm hemm nies jew inkella fuq kemm għandhom kapital, imma din il-formola qatt ma kien hemm ftehim fuqha.

Kieku kellu jsir hekk ir-riżultat ta’ dan ikun li l-pajjiżi l-kbar ikollhom aktar dħul mit-taxxa filwaqt li l-pajjiżi ż-żgħar isofru tnaqqis. Ġie stmat li Malta nistgħu nitilfu nofs id-dħul mit-taxxi fuq dawn il-kumpaniji li huma stabbiliti Malta. Xiħaġa li mhux se naċċettawha. U mhux se tkun aċċettata mhux minn Malta biss. Ma’ Malta hemm nofs il-Kunsill jew iżjed kontra din il-formola ġdida ta’ armonizzazzjoni tal-bażi tat-taxxa.

Il-midja lokali fehmet illi la darba ttieħed vot fil-Parlament Ewropew dwar dan u għadda allura Malta se tkun kostretta li tapplika din is-sistema l-ġdida. Għandu jingħad li għalkemm fl-Unjoni Ewropea titħaddem is-sistema tal-kodeċiżjoni, jiġifieri kull deċiżjoni li tittieħed mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill imbagħad jiftehmu dwarha bejniethom, f’każ fejn jirrigwarda taxxi dan il-prinċipju ma japplikax.

F’każi ta’ taxxa kull pajjiż jiddeċiedi r-rata ta’ taxxa tiegħu. Jgħid x’jgħid il-Parlament Ewropew Malta tiddeċiedi hi fuq it-taxxi tagħha bħalma l-Ingilterra, Franzu u l-Ġermanja jiddeċiedu għalihom u allura biex ikun hemm xi ftehim dwar taxxa jrid ikun hemm qbil unanimu dwaru.

Hekk sar fir-rigward tal-każ tal-intermedjarji li semmejt aktar ‘il fuq u li fuqu kien hemm qbil unanimu ftit tal-jiem ilu. Kieku dakinhar kien hemm imqar pajjiż wieħed biss li ma kienx jaqbel ma’ dak propost dik id-direttiva ma kinetx tgħaddi. Hemm bħal veto.

Ifisser li Malta għandha s-serħan il-moħħ li skont it-Trattat tal-Unjoni Ewropea, jgħid x’jgħid il-Parlament Ewropew, jixtiequ x’jixtiequ dawk il-pajjiżi l-kbar, biex ibiddlu r-rati tat-taxxa, pajjiżna flimkien ma’ pajjiżi oħrajn, għandna l-aħħar kelma. Irridu nagħtu l-kunsens aħna biex ikun hemm xi bdil fir-rati jew fis-sistemi tat-taxxi.

Hemm ukoll diskussjoni fuq ir-rati tal-VAT fuq il-jottijiet. Anke f’dan il-każ kien hemm konfużjoni fir-rappurtaġġ. Is-sistema tgħid ċar u tond li kull min jikri jott minn aġenzija Ewropea, irrelevanti tkunx minn Malta jew xi pajjiż ieħor membru tal-Unjoni Ewropea, iħallas mhux bir-rata ta’ 18 fil-mija ta’ dak is-servizz imma jħallas proporzjon ta’ skont ta’ kemm il-jott ikun fl-ibħra Ewropej. Jiġifieri jekk il-jott idum nofs il-ħin f’ibħra Ewropej u n-nofs l-ieħor barra minn ibħra Ewropej allura jħallas disgħa fil-mija; jekk jagħmel terz tal-ħin allura jħallas sitta fil-mija.

Is-sistema tagħna kienet ġiet aċċettata mill-Kummissjoni Ewropea 10 snin ilu. Issa l-Kummissjoni qed tgħid li dan mhux qiegħed jogħġobha. Franza u l-Italja jimxu bħalna u allura wieħed jistaqsi għaliex qalu lilna u mhux lilhom? Dawk affarijiet li narawhom. Min-naħa tagħna, b’mod legali rridu niddiskutu u nargumentaw li Malta qed timxi mar-regoli tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Il-poplu huwa assigurat li min-naħa tal-Gvern, min-naħa tiegħi, se nkunu qegħdin niddiskutu mal-Kummissjoni u ma’ Ministri oħrajn sakemm naraw li ningħataw ir-raġun.

 

Awguri għal Għid it-Tajjeb

Dan huwa l-aħħar artiklu tiegħi qabel il-Festi tal-Għid peress li f’Jum il-Ġimgħa il-Kbira l-ġurnal ma jkunx pubblikat. Għalhekk nieħu din l-opportunità biex nawgura lill-qarrejja u lill-familji tagħhom l-Għid it-Tajjeb.

 

 Il-Ġimgħa 23 ta’ Marzu 2018 

 


Ask Edward