Il-verità numerika kollha bla kantunieri


Il-Ġnus Maqgħuda iddedikat is-sena 2013 bħala s-sena Internazzjonali tal-Istatistika. L-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ta’ Malta l-NSO qed jingħaqad ma’ iktar minn elf u erba’ mitt organizzazjoni minn mija u tmien pajjiż li qed ikuni jimmarkaw din is-sena dedikata lil-Istatistika.

Ħalli ngħiduha kif inhi, l-kelma nnifisha “statistika” qatt ma tqajjem xi emozzjonijiet, jew xi nteress partikolari. Anke fil-Parlament Ewropew innifsu jekk is-suġġett ikun l-ewro tara l-parlamentari jiffullaw. Jekk ikollu x’jaqsam mal-istatistika huma xi ftit membri esperti fil-materja li jibqgħu jiddibattu s-suġġett.

Jista’ jkun lin-numri jbeżżgħu xi nies, u jfakkruhom fil-matematika li dejjem sabuha tedjanti meta kienu żgħar. Iżda hemm ħafna oħrajn li ma jafdawx in-numri ċitati għax mill-esperjenza tagħhom dejjem raw minn użahom għamel hekk biex jgħawweġ il-verita’.

Imma meta tasal għal punt tirrejalizza kemm l-informazzjoni numerika hi verament importanti. Jekk wieħed isuq karozza taħsbu li qatt jista’ jagħmel dan jekk ma jħarisx kultant lejn id-dashboard mimli arloġġi li juru jekk hemm żejt fil-magna, fuel fit-tank u kemm qed jagħmel mili fis-siegħa?

Dik hi kollha informazzjoni numerika li l-inġenji sew ta’ fuq l-art, fuq il-baħar u fl-ajru ma jgħaddux mingħajrhom. Ħadd ma jrid isuq mingħajr din l-informazzjoni u jinqabad b’tank tal-fuel vojt. Jew li jsuq qalbu ttaqtaq għax jaħseb li ser jieqaf meta fil-fatt ikollu t-tank mimli mingħajr ma jaf.

Dan ifisser li l-verita’ kollha fuq fejn trid tieħu deċizjoni korretta tridha kollha. Bla kantunieri.

 

“L-iktar li turtani hi li l-gvern ta’ pajjiżna filwaqt li jara dan kollu jiġri madwarna jibqa’ jilgħab bil-konfużjoni li ħoloq huwa stess meta jippreżenta żewġ stampi konfliġġenti tal-qagħda finanzjarja ta’ pajjizna.”

 

L-istess għall-pajjiż, l-istatistika hija importanti għax min imexxih irid ikun jaf fejn hu sejjer. Il-kelma innifisha ‘Statistika’, oriġina mill-kelma Stat, jiġifieri huma numri li jagħtu dik l-informazzjoni fuq dak il-pajjiż u l-ieħor u għalhekk hu ferm importanti għat-treġġija tal-pajjiż.

Dan ma jfissirx li n-numri ma jistgħux jiġu ppreżentati aħjar. U hawn tidħol il-grafika biex tgħin u tispjega aħjar dawn in-numri. Hekk per eżempju l-perċentwali biex juru s-saħħa ta’ partit u ieħor qabel xi elezzjoni jistgħu jiġu ppreżentati minn cake jew torta li jkunu maqsuma fi flieli. Dan jgħin mhux biss lit-tfal imma anke l-ogħla diretturi fuq il-bord ta’ kumpaniji kbira.

Illum bil-komputers, permezz ta’ charts, huwa ferm faċli li jsir dan u kważi l-istatistika kollha tista’ tiġi murija b’mod grafiku li jfiehem u jispjega aħjar. L-istatistiku jista’ jagħmel ix-xogħol tiegħu billi juża x-xjenza li tkun mgħallma fl-universitajiet imma r-riżultat tiegħu għandu jinftiehem mal-poplu. U jkun il-poplu li jkun jista’ jagħti l-interpretazzjoni tiegħu mingħajr għajnuna.

Hemm min għadu skandalizzat bil-mod kif il-Greċja iffalsifikat l-istatistika finanzjarja tal-gvern ta’ pajjiżhom bl-iktar mod goff.

Din hi kwistjoni ta’ governanza fil-produzzjoni tal-istatistika li tolqot mhux biss l-aġenziji tal-istatistika imma anke ‘l fuq minnha, jiġifieri l-operat tal-accounting tal-gvern. Il-flus tal-poplu huma miġbura minn tant bwiet ta’ persuni li ħadmu u bagħtew biex qalgħuhom, u għalhekk l-infieq tagħhom mill-gvern għandu jkun mill-aktar trasparenti u sew.

Wieħed irid jara li din l-esperjenza qatt ma għandha tirrepeti ruħha mhux biss minħabba ż-Żona Ewro imma wkoll għall-poplu ta’ dak il-pajjiż li llum nafu kemm qed isofri għan-nuqqas ta’ governanza ekonomika tul is-snin qabel faqqet il-kriżi.

L-iktar li turtani hi li l-gvern ta’ pajjiżna filwaqt li jara dan kollu jiġri madwarna jibqa’ jilgħab bil-konfużjoni li ħoloq huwa stess meta jipprezenta żewg stampi konfliġġenti tal-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna. Huwa nsult kbir li l-poplu tgħidlu biex jistenna sa Marzu biex jara jekk id-defiċit tal-pajjiż hux ser jaqbeż it-tlieta fil-mija.

Għalhekk fil-Parlament Ewropew għamilna regolamenti iebsin. Kburi li kont involut f’erba’ rapporti li issa għaddew sew minn stadju ta’ kumitat u anke mill-Plenarja eċċezzjoni ta’ wieħed li ser jitressaq quddiem il-Plenarja dalwaqt. Minn naħa waħda dawn ir-regolamenti ser isaħħu l-aġenziji tal-istatistika  nazzjonali u ewropea biex ikunu verament indipendenti bil-mod kif jiġu appuntati l-kapijiet tagħhom, u l-mod kif jirrapurtaw u lill min jirrapurtaw. Dawn m’għandhomx jirrapurtaw lill-ministru, għandhom jirrapurtaw lill-Parlament bħal ma jagħmel l-Awditur Ġenerali, u għaliex le!

Dawn ir-regolamenti jolqtu anke lil gvernijiet li fil-fatt jissuplixxu d-data lill-aġenziji tal-istatistika bħal ma’ hi l-NSO. Dawn il-gvernijiet huma fid-dmir li jagħtuhom figuri tajba u attwali. Issa nafu li hemm sistema ta’ accounting imsejjħa cash flow based accounting u sistema oħra msejjħa accrual based accounting li bejniethom tagħmel differenzi kbar. Tista fil-fatt tagħti stampa mhix veritiera fl-aħħar tas-sena ta’ x’inhi s-sitwazzjoni finanzjarja tal-gvern. Dan għaliex jitħallew ċertu spejjeż jinħbew fil-kexxun biex jitħallew għall-Jannar. Dan ukoll mhux il-mod korrett u dawn ir-regolamenti se jaraw li dan ma jibqax isir f’dawk il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Hemm min jgħidlek li l-politiku anke meta l-istatistika uffiċjali tkun tajba xorta jgħawwiġha u jagħtiha dehra oħra kultant bir-riżultat oppost. Ħudu l-ħrafa tal-20,000 post ġdid bħala eżempju.

Ir-risposta hawn ma tapplikax biss għall-istatistika imma għal kull statement li jagħmel xi ħadd li jrid iwassal messaġġ. Inti għandhekk dejjem tistaqsi lilek innifsek tlett mistoqsijiet. L-ewwel, min qed jagħmel dan l-istatement? It-tieni, għaliex qed jagħmlu? U fl-aħħar. X’ser jiggwadanja minnu? Interpreta x’jingħad fuq bażi tar-risposta tiegħek għal dawn it-tlett mistoqsijiet. U emmen biss dak li tħoss li jagħmel sens.

L-istatistika qegħda tevolvi. Il-fruntiera li jmiss li tasal għaliha u li taffetwa il-pajjiżi kollha tad-dinja hi dwar indikaturi ġodda li juru b’mod iktar korrett is-sitwazzjoni tal-familja kif iħossuha huma stess. M’aħniex kuntenti bin-numri li qed joħorġu bħalissa speċjalment dawk in-numri li bihom il-gvernijiet jiddiskrivu l-pajjiż tagħhom kemm ikun sejjer tajjeb. Dan hu l-famuż Prodott Gross Domestiku (PGD) li hu bbażat fuq il-produzzjoni jew id-dħul tal-pajjiż. Aħna nafu li jekk hemm setturi li sejrin tajjeb u setturi oħra li sejrin ħażin. Meta tħallathom tagħmel kawlata għax ma tkunx qed tagħti stampa kif fil-fatt hi u li qed iħossu l-familji. Qed jiġu żviluppati indikaturi biex jirrapreżentaw il-mod kif in-nies, il-familji tal-pajjiż qed ihossuhom sew ekonomikament, is-saħħa tagħhom u l-ambjent ta’ madwarhom sew naturali u sew dak li bena l-bniedem. Naħseb li wasalna u ħafna gvernijiet ser jibdew juzawhom. Nisperaw li Malta tkun waħda minnhom.

 

 

– l-orizzont : It-Tnejn 7 ta’ Jannar 2013

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *