Il-Paga Minima Nazzjonali u l-COLA


F’dawn l-aħħar jiem is-suġġett tal-paga minima nazzjonali (il-Minimum Wage) ġie magħżul bħala l-ballun politiku tal-ġimgħa mill-Parit tal-Gvern. Il-miżinformazzjoni li ħarġet, t-tagħwiġ tal-kliem u l-gideb sfaċċat laħaq quċċata li qatt ma konna rajna bħalha. Għal xi wħud li tigdeb f’kampanja elettorali ma huwiex dnub, għax li tirbaħ hija kawża ġusta u allura kollox huwa leċitu. Naħseb li l-poplu din id-darba sa jagħmel il-ġudizzju tiegħu u ser ikun aktar strett milli kien fil-passat.

Xorta waħda kull suġġett li jitratta il-pagi jitlob diskussjoni fil-fond għaliex għal f’kull familja l-paga hija il-qofol ta’ kif tgħix. L-istandard of living tal-familja jiddependi, għalkemm mhux għal kollox imma għal parti l-kbira, mill-paga ta’ xi membru tal-familja.

Fi żmien mhux daqstant il-bogħod f’pajjiżna kien hawn ukoll diskussjoni wiesgħa dwar il-kunċett tal-Living wage li ħolqot ukoll dibattitu  jaħraq. Fl-isfond ta’ dan kollu il-Caritas kienet għamlet studju u minnu ħareġ li hawn numru ta’ familji Maltin u Għawdxin li ma għandhomx dħul biżżejjed biex jgħixu diċenti. Fuq dan nitkellmu darba oħra.

 

Il-Paga x’inhi?

Min jiddetermina l-paga li naqalgħu? Kontra dak li jaħsbu ħafna nies il-paga ma jiddeterminahiex il-gvern. Il-paga jew salarju hija prezz, prezz tax-xogħol. F’ekonomija ħielsa, ix-xogħol huwa fattur tal-produzzjoni bħal ma huwa makkinarju jew l-art li jġib il-prezz skont id-domanda u l-offerta.

Veru li s-suq tax-xogħol mhuwiex xi suq liberu għax huwa influwenzat mill-unions tal-ħaddiema, l-għaqdiet ta’ min iħaddem, hemm il-gvern li jħaddem eluf ta’ ħaddiema, u hemm il-leġiżlazzjoni ndustrijali. Pero fuq kollox hemm il-produttivita’. Azjenda li tiġi sfurzata tħallas ‘l fuq minn kemm tiflaħ tispiċċalha l-kompetittivita’, tnaqqas il-bejgħ u anke tagħlaq. Il-ħaddiem ma jkun rebaħ xejn.

Il-pagi jvarjaw minn xulxin minħabba ħafna fatturi. Iktar m’għandek makkinarju warajk iktar itella’ xogħol u taqla iżjed. Iktar ma’ int ikkwalifikat u tas-sengħa u ta’ esperjenza, iktar għolja hi l-paga  tiegħek. Jekk il-prodott tax-xogħol tiegħek iġib prezz tajjeb fis-suq (per eżempju fis-servizz finanzjarji) aktar titħallas tajjeb. Industriji li qed jikbru u mfittxija jifilħu jħallsu iżjed minn min qed jitlef il-bejgħ u kważi ser jagħlaq. F’pajjiżna l-parti kbira tal-pagi jiġu ddeterminati bejn l-employer u l-impjegat jew il-Union tiegħu permezz ta’ kuntratt jew collective agreement.

Fl-isfond ta’ dan kollu numru ta’ gvernijiet f’ċertu pajjiżi inkluż Malta, għaddew liġi li tibbrojbixxi employers li jħallsu paga inqas minn minimu stabbilit mill-Gvern. Fil-każ taż-żgħazagħ Maltin taħt is-sbatax u t-tmintax il-sena hemm stabbiliti pagi li huma aktar baxxi mill-paga minima. Il-paga minima Maltija tvarja wkoll xi ftit skont is-settur ekonomiku partikulari.

Hemm ħafna pajjiżi oħra fejn il-gvernijiet tagħhom ma ħassewx il-bżonn li jistabbilixxu paga minima.

F’Malta hawn xi employers li jabbużaw minn din il-liġi billi jħallsu lill-ħaddiema paga taħt dan il-minimu stabbilit. B’mod illeċitu meta jħaddmu lil xi ħadd bla ktieb tax-xogħol. B’mod leċitu meta jisfurzaw lil ħaddiem jaqleb f’self-employed u b’hekk iħallas minn butu ċertu spejjeż li normalment iġorr l-employer u mhux il-ħaddiem. Riżultat ta’ dan, il-ħaddiem “self-employed” jispiċċa jaqla’ inqas mill-paga minima.

Kull pajjiż jiddeċiedi l-mod kif iżid il-paga minima minn żmien għal żmien. Numru ta’ pajjiżi nkuż l-Ingilterra waqfu Bord għal dan il-għan.  Malta ‘l fuq minn għoxrin sena ilu twaqqaf mekkaniżmu miftiehem bejn l-Imsieħba Soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti Għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Il-mekkaniżmu jiddetermina żieda statutorja msejjħa COLA ibbażata fuq l-għoli tal-ħajja tas-sena ta’ qabel. Dan l-ammont jingħata lil kull minn jitħallas paga inkluż il-paga minima.

X’inhu l-pjan tal-Gvern?

Sal-lum il-Gvern qatt ma wera li jixtieq imur lil hinn minn dan il-ftehim. Il-Pre-Budget Document għas-sena d-dieħla ma jsemmi xejn dwar il-paga minima. Li l-Gvern qed jiddefinixxi dan l-istat ta’ fatt bħala iffriżar tal-paga minima allura jrid jispega hu x’irid ifisser b’dan.

Il-Gvern għandu xi pjan li jżid il-paga minima lil hinn mill-ftehim tal-COLA għal Budget li ġej?

Jekk tistudja l-kritika tal-Ministru tal-Finanzi u tifliha sew tikkonkludi li għal Budget li ġej qabel l-elezzjonijiet ġenerali ser iżid l-Minimum Wage ‘l fuq mill-COLA.

Dan imur kontra dak li sa issa wiegħed il-Gvern lill-Kummissjoni Ewropea. Għaliex waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumissjoni għal pajjiżna hi li l-Gvern iwaqqa’ l-ftehim tal-COLA u mhux jagħti żidiet ‘l fuq minnhom.  Tiftakru minn dawn il-paġni fil-passat li aħna bħala Partit Laburista ma naqblux mal-Kummissjoni u l-anqas mal-IMF li dan il-ftehim tal-COLA jintemm. Il-konsegwenzi għall-paċi industrijali f’pajjiżna jekk jintemm dan il-ftehim tal-COLA huma kbar.

Huwa importanti għalhekk li l-Gvern jispjega ċar x’għandu f’moħħu u mhux jintilef fil-ħmerijiet ta’ tgħajjir li ma jgħinx id-diskussjoni serja li għandna bżonn għal ġid ta’ pajjiżna f’dan iż-żmien

 

 

l-orizzont – It-Tnejn, 1 ta’ Ottubru, 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *