Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest Articles, Maltese Articles


Il-Ministri, l-etika u l-medja soċjali.

Ħafna drabi nisimgħu bil-kelma etika. Meta xi ħadd jgħid li xi ħaġa ma saritx skont l-etika ngħiduha f’kuntest mhux daqstant pożittiv.  L-etika hija l-prattika, l-mod ta’ kif is-soċjeta’ tħoss dak li hu tajjeb u dak li m’huwiex. Allavolja ma tkun inkissret l-ebda liġi jew regolament.

Għall-politiċi ukoll hemm l-etika. Hemm imġieba li l-poplu jaċċetta u hemm oħra li l-poplu ma jaċċettax. Hawn Malta għandna diversi istituzzjonijiet li jiċċekjaw lilna l-politiċi fuq diversi aspetti l-iktar finanzjarji. L-ewwelnett għandna l-Ministeru tal-Finanzi nnifsu, li fost il-ħafna rwoli tiegħu għandu l-obligu li jsegwi u jgħarbel diversi deċiżjonijiet qabel jiġu approvati talbiet għal xi nefqa barra l-baġit. Insibu lill-Awditur Ġenerali li xogħlu huwa mportanti ħafna, għaliex jagħmel rendikont u awditjar tal-finanzi tal-Gvern, biex kull min naqas jissemma’ u jinħareġ fuq rapport publiku. Insemmu ukoll il-Kumitat tal-Kontijiet Publiċi, li huwa dak il-kumitat fil-parlament li qiegħed hemmek biex jgħarbel l-imġieba tal-Gvern f’dawk li huma proġetti u nefqiet importanti. Ta’ min wieħed ifakkar ukoll li dan il-kumitat huwa ppresedut mill-Oppożizzjoni.

Fil-leġiżlatura li għaddiet, bħala Gvern ħtarna kariga ġdida li f’pajjiżna qatt ma kellna, dik ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja publika. Xogħol dan il-Kummissarju huwa primarjament sabiex jagħmel evalwazzjoni u jgħarbel l-imġieba tal-politiċi u fl-istess ħin joħroġ ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Qed ngħid hekk għaliex dan l-aħħar il-Kummissarju għall-Istandards ħareġ l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dawk li huma standards ta’ xandir. Il-Kummissarju qabad kampjun ta’ erba’ Ministri u dawn ġew iċċekjati dwar il-mod ta’ kif qed jużaw il-mezzi tal-medja.

L-ebda wieħed mill-Ministri li ssemmew, inkluż jien, ma nfaqqna flus tal-Gvern fuq il-Facebook eżistenti fuq isimna. Aħna nafu li fuq il-mezzi soċjali bħal Facebook wieħed jista’ jħallas billi jagħmel boost jew reklam sabiex dik il-post tidher iktar mis-soltu, sabiex inwasslu kemm jista’ jkun l-messaġġ tagħna. L-ebda wieħed mill-Ministri ma nefaq flus il-Gvern fuq dawn ir-reklami jew boosts. Allura x’wassal lill-Kummissarju tal-Istandards sabiex jagħmel dawk l-osservazzjonijiet?

L-ewwelnett, anke il-Kummissarju qed jaċċetta li huwa d-dmir ta’ kull Ministru li jinforma lin-nies dwar il-ħidma tiegħu. Hekk hu fil-fatt dak li  jien nagħmel ġimgħa wara ġimgħa dwar ix-xogħol tiegħi. Dan tgħallimtu mill-Parlament Ewropew, fejn hemmek kull membru parlamentari jingħata baġit u kif ukoll ir-riżorsi tal-iffilmjar kollha neċessarji sabiex iwassal il-messaġġ tiegħu f’pajjiżu lill-elettorat li eleġġihħ. Huwa fid-dmir ta’ kull membru tal-Gvern u Oppozizzjoni li jfiehem lin-nies ta’ pajjiżu dwar x’inhu jagħmel fil-parlament, x’inhu jiġri fil-parlament, x’liġijiet ikunu qed jiġu diskussi u kif dawn jolqtu liċ-ċittadini. Dan huwa l-essenzjal tad-demokrazija f’kull pajjiż, inkluż f’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

Bl-istess mod jien bħala Ministru, nuża r-riżorsi tal-Ministeru tiegħi sabiex bid-diversi mezzi li għandna għad-dispożizzjoni tagħna nfiehem lill-elettorat il-ħidma tiegħi u tal-Gvern tiegħi.  Infiehem il-Policy fid-dettal biex l-elettorat jara li dak li wegħdt qed inwettqu.

 Illum il-mezzi li nużaw huma varji; it-televiżjoni, Facebook, Youtube u anke s-sit uffiċjali online tal-Ministeru. Dawn huma kollha mezzi tal-medja uffiċjali fejn dwarhom il-Kummissarju tal-Istandards ma sab l-ebda oġġezzjoni anzi qabel li hija xi ħaġa tajba.

Allura x’sar ħażin? Il-Kummissarju sew qed jisħaq li kull materjal uffiċjali tal-ħidma tagħna li jinħareg, jittella’ fuq is-sit ufficjali online tal-Ministeru. Dan minn hemmek jista’ jiġi ċċirkolat ma’ kulħadd fuq kull mezz tal-medja. Naturalment, iktar ma jiġi ċċirkolat u mqassam iktar aħjar għaliex il-messaġġ tagħna jasal iktar u jolqot firxa wiesa ta’ nies. Sa hawnhekk il-Kummissarji għall-Istandards jaqbel ukoll.

 Li sab problema l-Kummissarju huwa f’dawk iċ-ċirkostanzi li għal ragunijiet tekniċi, l-materjal tagħna jkun għad-dispożizzjoni tal-publiku fuq il-medja soċjali tagħna QABEL ikun fuq is-sit uffiċjali tal-Ministeru.

Fil-kaz tieghi dan ġara għaliex is-sistema li kienet tintuza fil-Parlament Ewropew u li kienet aċċettabli hemm żammejtha hawn. Dan il-Kummissarju ma għoġbitux. Ir-raguni li jien żammejtaha għaliex kien iktar konvenjenti mil-lat tekniku li tapplowdja fuq Facebook f’ħinijiet strambi bħal weekends u bil-lejl meta l-impjegati taċ-Ċivil, li jieħdu ħsieb dawn is-siti tal-Ministeri, ma jkunux fl-ufficju.

U biex nistenna jfisser li  ħafna drabi dan il-materjal jiġi mtella’ l-għada jew numru ta’ ġranet wara f’każ li jkun tmiem il-ġimgħa. Nafu li nies impjegati maċ-Ċivil is-Sibt u l-Ħadd ma jaħdmux. B’hekk ħafna Ministri, inkluż jien, konna nsibuha iktar faċli u teknikament iktar vijabbli li l-materjali tagħna jiġi mtella’ jew fuq Youtube jew fuq Facebook hekk kif toħroġ l-aħbar, biex imbagħad in-nies taċ-Ċivil meta jirrapurtaw għax-xogħol ipoġġu dan il-materjal fuq is-sit uffiċjali tal-Ministeru. Lill-Kummissarju din m’għoġbitux għaliex bdiet tidher li jien bħala Ministru bdejt nuża r-riżorsi sabiex nagħti preferenza lilll-paġna tal-Facebook personali tiegħi. Fil-verita’ dan ma kienx il-każ. Għamiltha għaliex hija iktar prattika.

Bħala Gvern diġà ħadna azzjoni. Iddiskutejna dan kollu fil-grupp parlamentari u ddeċidejna li nagħmlu kodiċi ta’ etika, li fost l-oħrajn ser jinkludi li kull Ministeru jkollu l-paġna tal-Facebook uffiċjali. B’hekk teknikament ser tkun iktar faċli li l-materjal tagħna jkun għad-dispożizzjoni tal-publiku b’mod uffiċjali fuq il-paġna tal-Ministeru u fl-istess ħin b’mod effiċjenti. Għalhekk nerġa’ ntenni li ma kien hemm ebda flus tal-Gvern użati b’mod personali fuq l-medja soċjali.

Il-poplu jaf li kull Ministru jixtieq li jerġa’ jiġi elett. Kull Ministru f’dan il-Gvern irid li jibqa’ qrib il-poplu, jagħmel door to door, iwassal il-messaġġ tiegħu fuq it-televiżjoni u fuq il-medja soċjali, li fuq kollox hija parti naturali tad-demokrazija tagħna. Ħafna drabi tkun diffiċli biex issir distinzzjoni bejn xi ħaġa uffiċjali u xi ħaġa li hija personali. B’hekk wieħed irid joqgħod attent speċjalment meta jsiru affarijiet partiġjani li hemmhekk imorru kontra l-etika jekk jintużaw riżorsi tal-Gvern. Jien bħala Ministru inħoss li huwa d-dmir tiegħi li ngħallem u nfisser lill-publiku l-Politika tal-Gvern.  Fl-istess hin huwa dmir tiegħi ukoll li nżomm mal-Kodiċi tal-Etika li l-Gvern issa għadu kemm waqqaf. Jien inwiegħed li ser nirrispetta dan il-Kodiċi filwaqt li nibqa’ naqdi dmiri fedelment n skont il-gurament li ħadt fl-ewwel ġurnata tal-ħatra tiegħi bħala Ministru.

Il-Ħadd 17 ta’ Mejju 2020


Ask Edward