Il-Mekkaniżmu tal-Cola


Ftit jiem ilu l-kelliem għall-finanzi tal-Oppożizzjoni s-Sur Tonio Fenech ħareġ jitkaża bil-Gvern b’kemm se jagħti COLA baxxa għall-għoli tal-ħajja, filwaqt li jiftaħar li fil-gvern tagħhom kienu taw COLA akbar u b’saħħitha ta’ ’l fuq minn tliet ewro fil-ġimgħa.

Din kienet ħaġa wisq sorprendenti li ma kontx nistenna mingħand il-kelliem tal-Oppożizzjoni. li jgħid li l-COLA tiġi b’xi mod deċiża jew tingħata dritt mill-gvern. Dan għaliex kien il-gvern Nazzjonalista stess li daħħal il-mekkaniżmu tal-COLA fl-1991, bil-ftehim tal-imsieħba soċjali (il-unjins u l-għaqdiet ta’ min iħaddem), b’mod li l-gvern ma jindaħal b’ebda mod f’kif u kemm jingħata għall-għoli tal-ħajja. Skont dan il-mekkaniżmu, li għadu hemm bl-istess mod preċiż sal-lum, l-aġġustament tal-COLA jinħadem b’mod awtomatiku permezz ta’ formola matematika stabilita.

 

Il-Gvern għalhekk, filwaqt li jibqa’ jiġġieled lil inflazzjoni, hu kommess li jara li kull min qiegħed fis-saff t’isfel għandu wkoll igawdi mit-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż

Jiġifieri l-kelliem tal-Oppożizzjoni mhux biss jaf sew kif jaħdem verament il-mekkaniżmu tal-COLA, iżda jaf ukoll sew li mhux il-Gvern li jiddetermina ż-żieda tal-COLA, imma l-inflazzjoni nnifisha. F’dan ir-rigward, l-inflazzjoni għat-tnax –il xahar ta’ qabel tiġi mkejla u allura l-aġġustament tal-COLA jinħadem awtomatikament meta tiġi applikata l-inflazzjoni mal-paga. Jiġifieri l-valur tal-COLA għas-sena li ġejja li se joħroġ, u li se jiġi ddeterminat mill-kunsill Malti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-jiem li ġejjin, se jkun determinat mill-inflazzjoni.

Scicluna_31-10-14

Ta’ min jinnota li l-COLA l-aktar li taffettwa huma lill-pensjonanti, lil dawk li jieħdu xi benefiċċji, u dawk li qegħdin fuq il-paga minima. Fir-rigward tal-faxex l-oħrajn fis-soċjetà, fil-parti l-kbira tagħhom, ż-żidiet fil-pagi tagħhom jiġu deċiżi abbażi tas-suq jew inkella tal-collective agreements li għandhom, speċjalment l-impjegati tal-Gvern.

Ta’ min jinnota wkoll li matul is-sena li għaddiet, l-inflazzjoni kienet l-aktar baxxa on record, filwaqt li s-salarji f’pajjiżna żdiedu €150 miljun iżjed mis-sena ta’ qabel. Ras b’ras, meta aħna niġu għal min qed jaħdem, is-salarju tiegħu żdied b’medja ta’ madwar tminn ewro fil-ġimgħa. Allura fil-verità, minkejja l-attentati tal-Oppożizzjoni li jpinġu żieda baxxa fil-COLA bħala xi diżastru nazzjonali, ir-realtà hi li ftit huma dawk li jiddependu direttament minnha, u li l-pagi xorta waħda komplew jiżdiedu b’mod b’saħħtu tul l-aħħar sena.

Minkejja dan, hu minnu li l-COLA se tolqot lil min qiegħed fuq il-paga minima, il-pensjonanti u min qiegħed fuq benefiċċjarji oħra. Huwa għalhekk il-Gvern qiegħed iħares lejn il-baġit li qiegħed bħala opportunità biex jara li dawk li huma vulnerabbli jkunu jistgħu jiġu mgħejuna b’ċertu miżuri mmirati għalihom.

Il-politika ta’ dan il-Gvern hi ċara li irid li l-inflazzjoni tkun baxxa kemm jista’ jkun. Huwa vera li riżultat ta’ hekk t-tpattija għall-għoli tal-ħajja tiġi determinat fuq l-istess skala, imma żgur li l-Gvern mhux lest li, sabiex ikun hemm żieda għolja bħalma kien jiġri fil-Gvern ta’ qabel, jkollna inflazzjoni akbar u allura issir ħsara kbira lil pajjiż kollu u tiġi mminata l-kompettittività ta’ Malta.

Il-Gvern għalhekk, filwaqt li jibqa’ jiġġieled lil inflazzjoni, hu kommess li jara li kull min qiegħed fis-saff t’isfel għandu wkoll igawdi mit-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż, u jwiegħed li jindirizza ċ-ċirkostanzi ta’ dawk li jiddependu biss mill-COLA għaż-żieda fid-dħul tagħhom.

 

31 ta’ Ottubru 2014

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *