Il-materjaliżmu u l-kuntentizza


Mingħajr ebda sens ta’ partiġġjaniżmu ma nistax ma nirrimarkax dak li jista’ jara, u filfatt qiegħed jara u jesperjenza kulħadd. Il-poplu Malti u Għawdxi llum huwa aktar komdu milli kien sa ftit tas-snin ilu. Il-pajjiż għaddej minn żmien tajjeb ħafna. Id-dħul tal-familji tjieb sostanzjalment, xiħaġa li hija riflessa fil-fatt li l-konsumiżmu kiber sostanzjalment.

Ammissjoni għal dan, jekk wieħed jista’ jsejħilha hekk, toħroġ ukoll minn stqarrijiet li jsiru minn ċerti bnadi, bħal “dan il-materjaliżmu kollu mhux tajjeb, dan mhux se jġib il-kuntentizza”. Materjaliżmu ma jfisser xejn aktar minn flus fil-but. Aktar kummerċ. Min-naħa l-oħra ma nistgħux lanqas ninjoraw il-qawl Malti li jgħid li “il-flus mhux kollox”, li jfisser li mhux bilfors tkun kuntent għax ikollok il-flus. Bħalu għandna qawl ieħor li jgħid li “il-bniedem ma jgħix biss bil-ħobż”.

It-tir tagħna mhux kemm ikollna flus imma li idealment inkunu kuntenti. Dwar dan naħseb li jaqbel kulħadd. Ovvjament dħul akbar mill-impjieg tiegħek jew min-negozju tiegħek jista’ jkun li jgħin biex tħares lejn affarijiet li jagħmluk aktar kuntent milli fil-fatt tkun.

Ma naħsibx li nkun qed ngħid xiħaġa ta’ barra minn hawn jekk ngħid illi kieku kellek tistaqsi lil min trid x’jippreferi, jekk ikollux dħul aktar jew inqas milli għandu t-tweġiba se tkun li jippreferi aktar. Imbagħad ikun l-individwu li jiddeċiedi x’jagħmel biż-żjieda li jkollu fid-dħul tiegħu. Mill-ġdid, ma jfissirx li bilfors se jkun kuntent.

U allura m’għandux ikun hemm min jipprova jtappan il-fatt li pajjiżna qiegħed ikattar u jqassam aktar ġid billi jgħid li “dan il-materjaliżmu kollu mhux tajjeb, dan mhux se jġib il-kuntentizza”

Imma jibqa’ l-fatt li l-kuntentizza hija parti sostanzjali mill-materjaliżmu. Huwa għalhekk li kulħadd ikun jixtieq li l-familja tiegħu, uliedu, jgħixu ħajja aħjar milli jkunu għexu huma bħala ġenituri tagħhom.

Minkejja tali sitwazzjoni xorta ma jistax jingħad li m’hawnx min qiegħed jgħix fil-faqar jew fil-periklu tiegħu. U ma nafx kemm tista’ titkellem dwar kuntentizza ma’ min qiegħed jgħix f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Meta nitkelmu dwar faqar dwar x’hiex inkunu qegħdin nitkelmu? Dwar nuqqasijiet bażiċi għall-ħajja ta’ kuljum? Ifisser li meta nipprovdu aktar għal fuq il-mejda tal-ikel, għal aktar ħwejjeġ, għall-possibiltà li tkun tista’ tittieħed vaganza mhux biss lokalment imma anke barra inkunu qegħdin ngħinu biex dik il-familja partikolari tgħix aħjar.

Dan iwassalni għall-punt li biex il-Gvern jaqta’, jew almenu jnaqqas il-faqar b’mod drastiku, irid iżid l-affarijiet li huma materjali. Nemmen li dwar dan naqblu u sta  għall-Gvern li jara li tikber l-ekonomija, li jiżdied l-investiment. Imma mhux biss, tkabbir fl-ekonomija u żjieda fl-investiment iridu jkun jridu jiġu tradotti f’aktar xogħol. Illi l-familji din is-sena ikunu qegħdin jgħixu ħajja aħjar milli għexu s-sena ta’ qabel. Dan huwa t-tir ekonomiku tal-Gvern u ma naħsibx  li qatt jista’ jkun hemm min ipinġi dan bħala kundannabbli għax huwa materjalista.

Ovvjament dħul akbar mill-impjieg tiegħek jew min-negozju tiegħek jista’ jkun li jgħin biex tħares lejn affarijiet li jagħmluk aktar kuntent milli fil-fatt tkun.

Madankollu jibqa’ l-fatt li l-kuntentizza ma tiksibhiex biss bil-flus. Hemm ħafna affarijiet oħra li jirrendu għall-kuntentizza. Huwa fid-dmir tagħna li dan ngħalmuh lil uliedna. Il-paċi u l-kuntentizza jiddependu wkoll mill-armonija fil-familja. Minn ħajja trankwilla bejn il-kapijiet tal-familji, li jkun evitat kemm jista’ jkun in-nuqqas ta’ ftehim. Il-kuntentizza tiddependi wkoll mit-tip ta’ ambjent li jkun hemm fuq il-post tax-xogħol. Mit-tip ta’ xogħol li tkun tagħmel, jekk dan ikunx ix-xogħol preferut tiegħek jew jekk tkunx fih għax ma jkollokx għażla oħra u xorta trid tgħajjex familja. Anke r-reliġjon hija fost il-fatturi li jikkontribwixxu għall-kuntentizza.

Ħadd ma jista’ jgħid li dan kollu mhux minnu, li l-kuntentizza hija xiħaġa li tmur ‘il bogħod mill-materjaliżmu. Huwa fatt li tiltaqa’ ma’ ħafna nies li huma kuntenti minkejja li għandhom ferm inqas minn ħaddieħor. Daqstant ieħor huwa magħruf li hawn ħafna li għandhom flus aktar milli jesa’ ġildhom, aktar milli għandhom bżonn, u xorta jridu iżjed. Dik li ngħidulha rgħiba. Jista’ jkun ukoll li dawn it-talin jaħsbu li aktar ma jkollhom flus u ġid akbar tkun ir-reputazzjoni tagħhom ma’ min jafhom. Li jkunu meqjusin bħala kapaċi aktar minn ħaddieħor u b’hekk ikunu kuntenti aktar.

Min-naħa l-oħra, strettament fejn jirrigwarda kuntentizza l-Gvern huwa limitat f’dak li jista’ jagħmel. Il-Gvern jista’ jġib il-kuntentizza, u hekk qed jagħmel, billi joħloq il-ġid u jara li dan jitqassam bl-aktar mod ġust. Aktar ma jqassam u aktar ma jifrex dan il-ġid aktar se jkun hemm kuntentizza għax b’hekk ikun qed inaqqas kemm jista’ jkun min-numru ta’ familji li fil-passat kienu fil-faqar jew fir-riskju tiegħu. Tqassim li jkun qed iwassal biex ngħid hekk aktar ikel fuq il-mejda ta’ dawk il-familji u allura inqas tbatija u aktar kuntentizza fis-sens materjali milli kienu qabel.

U allura m’għandux ikun hemm min jipprova jtappan il-fatt li pajjiżna qiegħed ikattar u jqassam aktar ġid billi jgħid li “dan il-materjaliżmu kollu mhux tajjeb, dan mhux se jġib il-kuntentizza”.

Il-Gvern jista’ b’xi mod jgħin ukoll billi jaġġorna l-liġijiet fir-rigward ta’ attwalitajiet sfortunati li qegħdin naraw fil-familji tad-dinja tal-lum, partikolarment fejn tidħol vjolenza domestika.

Imma l-Gvern ma tantx jista’ jagħmel wisq fejn tidħol il-kuntentizza tal-bniedem. Huwa importanti li ssir distinzjoni. Il-limitu u l-objettiv li jista’ jasal għalih il-Gvern huwa dak li joħloq aktar ġid. Sintendi jiddependi ħafna wkoll minn kull individwu li jagħmel l-almu tiegħu wkoll biex bil-ġid maħluq jagħmel lilu nnifsu kuntent. Dawn huma prinċipji li għandna inrawmuhom f’uliedna. Lil uliedna għandna inwassluhom biex jirrealizzaw li l-ġenituri tagħhom ma kellhomx l-affarijiet li għandhom huma llum u allura l-miri tagħhom ikunu ħafna ogħla minn dawk tal-ġenituri tagħhom.

Dan huwa l-messaġġ li joħroġ mill-esperjenza li tagħti l-ħajja ta’ kuljum.

 

 

Il-Ġimgħa 2 ta’ Marzu 2018 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *