Il-laqgħat f’Washington u l-andament ekonomiku dinji


Ħmistax ilu attendejt għall-laqgħat tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u tal-Bank Dinji f’Washington fl-Istati Uniti, li jsiru flimkien darbtejn fis-sena. Magħhom, attendejt ukoll għal-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi tal-G20, peress li Malta għandha l-presidenza tal-Kunsill tal-EU u jiena l-President tal-ECOFIN. Miegħi kelli sew lil Gvernatur u anke lid-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

Għaldaqstant, irrapreżentajt lill-Unjoni Ewropea f’din il-laqgħa flimkien ma’ pajjiżi kbar bħall-Franza u l-Ġermanja li għalkemm huma Ewropej huma ukoll membri tal-G20 b’mertu tagħhom stess.

 

Edward Scicluna

 

Fil-każ tal-laqgħa tal-G20, din kienet esperjenza ġdida għalija,  peress li qatt ma attendejt għaliha qabel. Din il-laqgħa kienet interessanti speċjalment għax ttrattat l-early warning system. Din hija sistema li tavża u twiddeb bil-quddiem x’jista’ jkun li jinqala’ b’mod negattiv lid-dinja fil-qasam finanzjarju, fil-banek eċċ. Għal din il-laqgħa, flimkien mar-rappreżentanti tal-akbar ekonomiji tad-dinja, konna miġburin ġo sala magħluqa taħt sigurtà stretta fejn tawna preżentazzjonijiet ta’ fejn qed jaraw il-perikli li tista’ tiffaċċja d-dinja.

Għal-lum u għall-futur qrib, l-affarijiet jidhru mill-aktar pożittivi. M’ għandniex għalfejn nibżgħu mill-futur, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kummmerċ u t-tkabbir ekonomiku globali. Id-dinja bdiet tieħu r-ruħ, sintendi mhux kulħadd sa jkun laħaq il-quċċata bħal ma qed tagħmel Malta għal dak li għandu x’jaqsam mat-tkabbir dinamiku u b’saħħtu. Fil-fatt waqt il-laqgħat bilaterali li kelli f’Washington sew mar-Rating Agencies u sew mal-Uffiċjali tal-IMF, jgħidulek li jieħdu gost jiltaqgħu magħna l-Maltin, għax għal darba ma jkollhomx għalfejn jitkellmu ma’ pajjiż mimli gdiedem u aħbarijiet koroh, imma ma’ pajjiż (Malta) li jwassal aħbarijiet sbieħ.

 

Iżda hemm ċirkostanzi illi ma tistgħax tinjorhom. Jien naħseb li l-ikbar sfida għall-futur sa tkun il-kompjuters, fejn jagħmlu affarijiet b’mod awtomatiku u mekkanizzat bl-inqas intervent tal-bniedem. Dawn sa jiġu fuqna iktar malajr milli naħsbu. Aħna mingħalina biss li xi darba fil-futur ser ikollna karozza mingħajr xufier u dan il-fatt jaf itellef ix-xogħol lix-xufiera tal-llum. Però, jidher li hemm aktar xogħlijiet li jistgħu isiru b’dan il-mod, fosthom dawk tal-accountant u l-ekonomista.

L-avvanzi li qegħdin isiru jidhru li ser iwasslu għal sfida għat-tip ta’ xogħol li ser ikollu jibqa’ jsir mill-bniedem, tant li dan ser jissarraf f’aktar domanda għal nies b’aktar kwalifiċi u inqas domanda għal nies b’inqas kwalifiċi. Dawn huma ftit mil-isfidi li jissemmew.

Hemm ukoll sfidi globali oħra li jirrigwardjaw il-politika, fejn fi Franza ma tinħassx daqshekk issa li jidher li l-Franċiżi mhux ser itellgħu partit estrem. Però fl-Amerka żgur għandek taqlib fl-arja. Fejn qabel kellek iktar regolamenti u iktar taxxi issa għall-kuntrarju, kulħadd qed jitkellem dwar li jonqsu t-taxxi u li jkun hemm inqas regolamenti. Jiġifieri dawn huma sfidi kbar li kienu s-suġġett ta’ dawn id-diskusjonijiet mal-pajjiżi kollha tad-dinja waqt il-laqgħat f’Washington. Hawnhekk m’ aħniex nitkellmu fuq kontinent wieħed, jew fuq x’tgħid iċ-Ċina, ir-Russja, jew l-Indja iżda qed nitkellmu b’mod globali. Tajjeb li nsemmi li l-Indja huwa pajjiż li sa jkun għadej bi tkabbir ekonomiku aktar qawwi minn taċ-Ċina. L-Ewropa hija l-iktar waħda kajmana pero’ hija ukoll pożittiva.

Minbarra dawn il-meetings hemm ukoll il-laqgħat bilaterali, fejn kull ministru u kull gvernatur jiltaqa’ ma’ pajjiż jew ma’ istituzzjoni, fosthom l-IMF stess individwalment. Fost il-lagħqat kelli ħafna minnhom ma’ aġenziji internazzjonali ta’ credit rating fejn żammejthom aġġornati dwar x’hinu jiġri f’pajjiżna. Minn naħa tagħhom huma jsegwu b’interess għax fl-interess tagħhom li jagħmlu rapport analitiku fuq pajjiżna.

 

Kellna wkoll diskussjonijiet ma’ missjoni li l-IMF jibgħat ta’ kull sena, kif ukoll ma’ missjonijiet ġodda illi sa jiġu jiskrunitizzaw is-sistema tal-istabilità finanzjarja u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Kemm jissemmew fl-aħbarijiet illum l-MFSA, l-Bank Ċentrali, l-FIAU u s-sistema kollha tas-sigurtà speċjalment fejn tidħol l-istabilità finanzjarja! Dawn kollha jiġu skrutinizzati għax dan huwa l-mod kif tkun pro-attiv u tipprevjeni l-periklu.

Dan ifisser li minn naħa waħda trid tkabbar l-ekonomija u minn-naħa l-oħra trid iżomm kontrol fuq il-finanzi pubbliċi u ma tagħmilx djun li ma għandekx għalfejn tagħmel, xi haġa li dan il-gvern huwa kburi li qiegħed jagħmel. Pero’ fl-aħħarnett, trid tħares l-istabilità finanzjarja. U għalhekk meta naraw l-inkwiet u jibda ikun hemm ċertu instabilità, din ma tagħmilx ġid għax tgerrex l-investiment u taffetwa b’mod negattiv it-tkabbir ekonomiku innifsu.

L-unika mod li tilqa’ huwa b’monitoraġġ kontinwu u dan billi l-istituzzjonijiet internazzjonali jibgħatu dawn il-missjonijiet magħmula minn esperti biex jirrapurtaw x’raw. Dawn iżommu l-gvernijiet milli jillaxkaw biex b’mod globali d-dinja tmur il-quddiem u ma tagħddiex min kriżijiet bħalma sfortunatament għaddiet fil-passat riċenti.

Nisperaw illi għall-futur, speċjalment fil-lagħqa li jmiss tal-Ħarifa, inkunu nistgħu inħarsu ftit lejn dawn ix-xhur bħala progress u inkunu nistgħu wkoll inbassru iktar tkabbir. Għax dan huwa l-mod kif, fl-aħħar mill-aħħar, jinfirex il-ġid għall-familji.

 

5th May, 2017

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *