Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest Articles, Maltese Articles


Il-Laqgħa Informali Tal-Ecofin F’Malta

Wieħed beda jinnota, sew mit-televiżjoni, sew meta jkun dieħel il-Belt, li hawn aktar attività minn tas-soltu. Dan mhux biss minħabba t-turisti, iżda minħabba l-ammont ta’ konferenzi, ministri, delegati karozzi uffiċċjali u pulizija li narawhom għaddejjin mit-toroq tal-Belt Kapitali tagħna.

 

Din l-attività kollha hi marbuta mal-fatt li, kif jaf kulħadd, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena Malta għandha f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.  Però, l-effett ta’ din il-Presidenza beda jinħass aktar issa, li dħalna verament fil-qalba tagħha.

 

Ta’ min jgħid li minbarra laqgħat regolari fi Brussell u b’eċċezzjoni, fil-Lussemburgu, il-Ministri tal-istati membri tal-Unjoni – ngħidu aħna, tal-affarijiet barranin, edukazzjoni, ekonomija u finanzi –jiltaqgħu darba fil-pajjiż li jkun qed jagħmilha ta’ President tal-Kunsill.  Din il-ġimgħa jmiss lili, bħala Ministru għall-Finanzi ta’ Malta, li jkolli l-unur li nilqa’ f’pajjiżna lil sebgħa u għoxrin ministru tal-finanzi tal-istati membri kollha tal-Unjoni. Magħhom se jkun hawn ukoll fostna l-gvernaturi tal-banek ċentrali ta’ dawn il-pajjizi għal laqgħa informali tal-Kunsill ghall-affarijiet ekonomici u monetarji (ECOFIN).

 

Għaldaqstant, tajjeb li nispjega xi tfisser laqgħa informali. Laqgħat informali jagħtu ċans lill-ministri li flok ma jiddiskutu, japprovaw u jgħaddu l-liġijiet huma jistgħu b’mod informali jiddiskutu suġġetti ta’ natura pjuttost teknika, f’atmosfera kalma u rilassata, u jfasslu triq għall-futur.

 

Għal din il-laqgħa informali tal-ECOFIN li se tkun qed issir bejn illum u għada, bħala l-pajjiż li qed norganizzaw il-laqgħa, aħna stajna nagħżlu s-suġġetti għall-agenda ta’ din il-laqgha informali tal-ECOFIN li se tkun qed issir fil-Palazz, il-Belt.

 

ecofin

 

Suġġett ewlieni jittratta l-banek u l-oqsma finanzjarji fejn aħna għażilna l’hekk imsejjħa non performing loans.  Bosta drabi smajna dwar banek li sellfu l-flus lil kumpaniji f’diffikultà li mhux biss ma jħallsux l-imgħax imma jkun hemm ukoll ir-riskju li jfallu. Dan ifisser li aktar ma bank ikollu persentaġġ gholi ta’ self ta’ dan it-tip – kif fil-fatt ġara f’ħafna banek fl-Italja – aktar ikun hemm periklu għalihom għax la jirċievu l-imgħax u lanqas jieħdu lura l-kapital.  Naturalment dan iwassal għal telf ta’ miljuni kbar – ħaġa li ġġib lil dawn il-banek għarkopptejhom.  Sitwazzjoni bħal din f’banek Ewropej u f’banek internazzjonali twassal għal inkwiet kbir. Hawn ta’ min jgħid li anki l-G20 qed jiffoka fuq dan is-suġġett u aħna dehrilna li ħaġa tajba li nqajjmuh ukoll fil-laqgħa tal-ECOFIN ta’ Malta.

 

Suġġett ieħor li jappella ħafna fiż-żminijiet tal-lum hu marbut mal-futur tal-Ewropa.  Ftit jiem ilu l-President Junker ressaq white paper fuq is-suġġett, u aħna ser niddiksutu l-parti li l-aktar tikkonċerna lilna.  F’dan il-kuntest aħna qed nistaqsu: l-unjoni monetarja xi tfisser għalina? Fejn nixtiequha tmur? X’inhuma d-diffikultajiet li minn banda l-pajjiżi jridu jżommu s-sovranità u min-naħa l-oħra jridu kordinazjoni biex l-Ewro tissaħħaħ.

 

Suġġett iehor li hu relevanti għalina kif ukoll għal pajjiżi oħra hu t-taxxa.  Kulħadd jitkellem dwar il-ħtieġa li ssir riforma tat-taxxa, li nwaqqgħu l-evażjoni u anki dik li ngħidulha tax avoidance, fi kliem ieħor evażjoni legali jew evitar tat-taxxa. Huwa minnu li għaddejna liġijiet u qed ngħaddu aktar liġijiet f’dan il-qasam.

 

Però fl-istess ħin wieħed jagħraf li dan kollu jfisser taqlib għal kumpaniji u joħolqilhom l-inċertezza, li hija l-aħħar ħaġa li jixtiequ kumpaniji, għax bl-inċertezza, ma jinvestux. Ebda investitur ma jkun lest jissogra flusu jekk ma jkunx jaf sew bil-quddiem it-taxxa kif se tolqtu u f’sitwazzjoni ta’ inċertezza, l-investitur iżomm lura. Allura dan iwassal għal aktar qgħad fl-Ewropa b’rata li mhix aċċettabbli ta’ ghaxra fil-mija, jekk mhux iżjed ukoll.

 

L-aħħar suġġett li għażilna jikkonċerna l-Magreb, l-Afrika ta’ Fuq hi l-bieb minn fejn jgħaddu ħafna emigranti li jkunu ġejjin minn pajjiżi li jinsabu ’l isfel mis-Sahara, u dawn jgħaddu minn Malta u mill-Italja għall-Ewropa.  Dan joħloq problemi kbar.

 

Hawn mhux qed nitkellmu dwar rifuġjati iżda dwar emigranti ekonomiċi. Minħabba l-faqar kbir u l-għaks f’pajjiżhom, dawn lesti jissugraw ħajjithom u jippruvaw isibu ħajja ġdida u xorti aħjar fl-Ewropa.

 

Il-mod kif Malta nixtiequ nindirizzaw din il-problema – u l-Prim Ministru tagħna  ġa daħal fid-dettall fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja li attenda – hu li naslu fi ftehim ma’ dawn il-pajizi biex kemm jista’ jkun lil dawn l-emigranti ekonomici nilqgħulhom minn qabel – jigifieri qabel ma huma jfittxu ħajja gdida fl-Ewropa.

 

Irridu għalhekk infasslu pjan ekonomiku b’saħħtu biex ninkuraġġixxu kemm nifilħu l-investment privat f’dawn il-pajjiżi.  Aħna nemmnu li jekk dawn il-pajjiżi nġibuhom fuq saqajhom permezz ta’ investiment ġdid, dan għandu jwassal biex iż-żgħażagħ f’dawn il-pajjiżi ma jkollhomx għalfejn jitilqu minn pajjiżhom.

 

orizzont thumbnail

 

Ħadd ma jieħu gost iħalli pajjiżu, il-familja tiegħu u l-ambjent li fih ikun kiber.  Imma jekk lil dawn iż-żgħażagħ jirnexxielna nagħtuhom tama ta’ ġejjieni aħjar mibni fuq żvilupp ekonomiku, dan għandu jwassal biex l-emigrazzjoni minn dawn il-pajjiżi tonqos, u jonqsu anke l-problemi fl-Unjoni Ewropea.

 

Jien qed nistenna li dwar dawn is-suġġetti se jkollna diskussjoni serja. Ta’ min jgħid ukoll li minbarra ministri tal-finanzi u gvernaturi tal-banek ċentrali, stedinna wkoll organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u Żcilupp Ekonomiku (OECD), l-Awtorità Bankarjia Ewropea (EBA), il-European Securities and Markets Authority (ESMA) u l-European Insurance and Occupational Pensions Authority (EIOPA).  Dawn huma organizazzjonijiet Ewropej u internazzjonali li huma interessati fis-suġġetti li se niddiskutu waqt l-ECOFIN.

 

Se jiġu wkoll rappreżentanti tal-Bank Dinji, (World Bank), tal-International Bank for Reconstruction and Development (EBRD) u l-European Investment Bank (EIB) li ninsab ċert li se jagħtu kontribut siewi huma wkoll biex l-ECOFIN ta’ Malta ikun suċċess.

 

Malta tassew għandha biex tkun kburija li għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

– Friday, 7th April, 2017


Ask Edward