Il-Kapital hu Essenzjali għat-Tkabbir Ekonomiku


Għal ħafna nies il-kelma “kapital” tfisser xi flus li jkunu ġemmgħu u poġġewhom f’xi bank jew ieħor. Għall-ekonomista u l-ekonomija, iżda, il-kapital huwa xi ħaġa ferm aktar sostanzjali. F’kuntest ekonomiku, il-kapital huwa dak il-fattur ta’ produzzjoni, dik it-triq, il-fabbrika, il-makkinarju, il-bini, is-sistema tat-telefown, li fl-ekonomija iġġiegħlha tikber u tespandi.

Hemm teorema stabbilita li aktar ma l-pajjiż irid jikber, aktar irid li l-proporzjon tal-prodott tiegħu ikun f’zieda fil-kapital. Jekk tħares lejn pajjiżi kbar bħall-Ġappun u ċ-Ċina, l-indikaturi tagħhom juru li l-kapital tagħhom huwa aktar b’saħħtu. Għalhekk dawn il-pajjiżi qegħdin f’pożizzjoni li jisfruttaw dan il-kapital sabiex jiksbu tkabbir ekonomiku aktar b’saħħtu. Hu permezz ta’ din il-proporzjon ta’ kapital aktar għoli li dawn il-pajjiżi qed jirnexxielhom jaqbżu lill-Unjoni Ewropea.

U allura għalhekk li f’pajjiżna, kif ukoll fl-Unjoni Ewropea, hemm bżonn kbir li jkun hemm aktar investiment. Dan għaliex l-investiment mhu xejn ħlief żieda fl-istokk tal-kapital. Issa qed isseħħ ir-realizzazzjoni fl-Ewropa kollha li l-investiment mhux talli ma seħħx f’dawn l-aħħar snin, iżda mar lura, minħabba l-programmi ta’ awsterità. Dawn il-programmi mhux talli ma’ tawx l-opportunità li jkun hemm investiment, iżda kkontribwew sabiex dan jonqos. Issa iżda dan bdejna nifmhuh, u bosta pajjiżi Ewropej se jibdew jaħdmu sabiex isaħħu l-investiment.

 

 

 12_130315_OP

Hu filfatt dan il-ħsieb wara l-inizjattiva tal-hekk imsejħa ‘Junker Plan’, li hi inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li permezz tagħha l-Ewropa kkommettiet ruħha li talloka xejn anqas minn tliet mitt biljun ewro f’investiment. Kull pajjiż qed jagħmel lista ta’ proġetti li jixtiequ jkunu minn ta’ quddiem biex ikunu parti minn dan il-pjan ta’  investiment fl-Ewropa. Ovvjament, Malta se tkun fosthom.

Iżda apparti minn hekk, f’pajjiżna irridu wkoll fuq skala nazzjonali, ninkoraġġixxu lill-kumpaniji medji u speċjalment iż-żgħar, li jkomplu jinvestu fl-operati tagħhom. Dan mhux dejjem faċli ghaliex l-investituri ż-żgħar b’mod partikolari ma tantx iħarsu lejn modi ohra ta’ finanzjament li jeħtieġu biex jinvestu hlief mill-banek. M’hemm xejn ħażin li wieħed jissellef mingħand il-banek, iżda dan mhux dejjem ikun possibbli għaliex il-banek ta’ spiss ma tantx ikunu lesti li jerfgħu r-riskji li jġorr miegħu l-investiment magħmul minn ditti żgħar ħafna. Allura l-investituri ż-żgħar ikunu jridu jsibu modi aħjar kif dawn jistgħu jaqsmu ma’ ħaddieħor ir-riskju, ħalli mbagħad jiġu premjati u jaqsmu wkoll mill-benefiċċji li joħroġu minn dawn l-investimenti u l-kumpaniji.

Għalhekk filfatt għandna l-Istock Exchange (Il-Borża). Iżda sfortunatament il-Borża, filwaqt li rnexxiet fejn jidħlu bonds tal-Gvern u ta’ kumpaniji ewlenin, fejn jidħlu l-ishma, jiġifieri fejn inti jinbiegħu ix-shares, għadha ma waslitx fejn tixtieq għal raġuni li hemm spejjeż kbar u kumplikazzjonijiet li wieħed ftit jista’ jifhimhom. Sabiex nagħmlu tajjeb għal dan, aħna għandna pjan li l-Borża għandha tippreżenta Pjan ġdid għal dawn id-ditti ż-żgħar li jkun jista’ jipprovdi mod aktar faċli kif dawn jistgħu jagħmlu użu mill-borża biex isibu dak il-kapital biex jinvestu i jimplimentaw b’success l-idejat li jkollhom. Dan bħal ma jiġri f’pajjiżi oħra bħal Iżrael, Singapore u xi pajjizi żgħar oħra li irnexxew bil-kbir biex jinkoraġġixxu r-riċerka.

 

orizzont thumbnail

 

 

Apparti minn hekk, il-Gvern reċentement nieda inizjattiva jisimha ‘Venture Capital Malta’. Din hi inizjattiva intiża biex tipprovdi l-kapital fejn normalment l-investitur ikollu jerfa’ s-sogru kollu tal-investiment. Min jipprovdi dan il-Venture Capital mbagħad jiġi ppremjat bil-kbir għax meta dik l-idea tfaqqas u ssir kumpanija u tasal biex timmatura, tinbigħ u tinxtara minn ħaddieħor b’miljuni kbar. Allura l-benefiċċji ma jkunux bi tlieta fil-mija jew ħamsa fil-mija, imma b’elf fil-mija.

Dawn l-ideat huma importanti għall-pajjiż biex ikompli jikber ekonomikament bir-rata li diġa’ qed jikber biha, rata li qed tpoġġina fuq quddiem tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ewro. Għalhekk Malta, biex tiżgura li tkun fuq il-fruntiera tal-progress, trid tara dawn l-opportunitajiet bħal Venture Capital, il-Borża, u l-banek jkunu jistgħu jsellfu iżjed biex it-tkabbir li għandna bħalissa jkompli jikber u jaċċellera. B’hekk biss nistghu niżguraw li t-tkabbir ekonomiku jibqa’  sostenibbli.

 

logo orizzont

 

– Friday, 13th March, 2015

 

 

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *